Taħt l-ilsienek


Patri Mario Attard OFM Cap

Għalkemm naħdem fl-Isptar tabib minix. Illum, wara ħdax-il sena ħdejn is-sodda tal-marid, ngħid mingħajr tlaqliq: “Kieku kelli nerġa’ nitwieled żewġ affarijiet żgur li nagħmel. L-ewwel, nerġa’ nidħol Patri Franġiskan Kapuċċin. U t-tieni, insir tabib. Mhux biex nixxammar. Iżda biex naqdi aktar!

Ġieli smajt il-frażi “toħodha taħt ilsienek”. Issa din il-frażi tista’ tirreferi għal tipi ta’ mediċini li jittieħdu taħt l-ilsien. Darba qrajt li meta xi mediċini jittieħdu taħt l-ilsien dawn għandhom rotta aktar diretta lejn id-demm. Mela l-mediċina li tittieħed taħt l-ilsien taħdem aktar malajr u, xi minn daqqiet, aħjar ukoll. Imma, ngħid jien, l-għaliex taħdem aktar malajr? Minn dak li ssuktajt naqra tgħallimt li l-għaliex meta titpoġġa taħt l-ilsien l-mediċina tevita l-gastrointestinal tract. Dan ifisser li tgħaddi mill-istonku, mill-intestini, mill-fwied għall-aktar tisfija u mbagħad tmur fejn jinħtieġ li tmur.

Issa jiena qiegħed ngħix xi qrajt. Tabib minix! Mela toqgħodux fuq kelmti! Staqsu dejjem lit-tobba tagħkom! Dawk għandhom l-awtorità li jagħtukom parir fuq saħħitkom u mhux jien! Il-Patri! Madankollu din is-sempliċi tifsira fetħitli orizzonti kbar. Ilkoll kemm aħna jkollna bżonn il-kuraġġ fil-ħajja. Ilkoll ngħaddu minn ħafna problemi u nkwiet. Ajma! L-aktar meta ikollna dawk l-erba’ attakki li jħalluna bla saħħa! Jiġifieri r-rabja, is-sens ta’ ħtija, il-biża’ u l-ansjetà! (Anger, Guilt, Fear, Anxiety, mela ftakar fil-kelma AGFA!). Dawn l-aħwa irridu niġġildulhom. Ma jistax ikun li nħalluhom jikkundizzjunawna! Inkella ħajjitna tassew li issir miżerja! Veru?

X’inhi dik il-ħaġa li lilna se żżommna ‘l fuq? Darba iltqajt ma’ persuna nafha. F’dak il-jum ħassejt f’qalbi li nagħtiha “ħelwa”. Għalhekk daħħalt idi fil-but taċ-ċoqqa tan-naħa tal-lemin u ħriġt il-borża tal-plastik mimlija “ħelu”. Daħħalt idi fiha u tellajt waħda biż-żigarella ħadra. “Ħa! Din għal taħt ilsienek!” għedtilha bit-tbissima. Mela jgħaddu daqs ħmistax u l-Imgħallem għoġbu ilaqqagħni magħha. Bdejna nitħaddtu u, f’ħin minnhom, qaltli: “Isma Patri! Dik il-ħelwa kienet għalija!” Fraħt meta smajt hekk! Il-messaġġ tal-“ħelwa”, jiġifieri l-messaġġ tal-frażi mill-Bibbja li tajtha, kien propju għaliha! Il-Mulej laqagħtha bih! AMEN! Qaltli: “Ħa ngħidlek Patri! Kont għaddejja minn mument iebes u fil-‘ħelwa’ li tajtni kien hemm miktub jiena miegħek. Dik il-ħelwa għamlitli d-differenza kollha f’dik il-ġurnata!”

Ħbieb, aħna ilkoll imsejħa għall-ferħ! U mela biex ngħixu imdejqin? Inkwiet jinqalagħlu kulħadd. Ġieli nġibuh b’idejna, għaliex aħna bnedmin dgħajfa. U ġieli tort ta’ ħaddieħor ukoll. Imma, hu x’inhu l-każ, ejjew nagħmlu kuraġġ! Li nabqad frażi mill-Kelma ta’ Alla u nitfagħha taħt ilsieni u nsoffha tgħidx kemm tagħmilli ġid! Immaġina, ngħidu aħna, jfettillek tagħżel din it-tip ta’ “ħelwa” mill-Kelma ta’ Alla: Lilek jien qbadtek minn truf l-art, u sejjaħtlek minn l-ibgħad inħawi tagħha, u għedtlek: ‘Int il-qaddej tiegħi, jiena ħtartek, u ma rmejtikx.’ La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jiena ngħinek; nwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi! (Iż 41:9-10).

Ejja, għall-argument, ngħidu li tkun għaddejja minn problemi kbar. U xi ħadd jiltaqa’ miegħek u jagħtik din il-ħelwa mill-aqwa. Li la żżid id-dijabete u lanqas iżżidlek il-kolesterol! U int, fil-qrusa tal-ħajja tiegħek, tibda’ taqraha. Il-problema għall-ewwel iġġibek żibel. Kemm tħossok mitlufa hux! Imma l-“ħelwa”, l-għaliex tkun taħt ilsienek u tibda’ issoffhaa, tgħidlek: Jien qbaddtek minn truf l-art. Il-problema iġġagħlek tħossok waħdek. Imma l-ħelwa tgħidlek: sejjaħtlek minn l-ibgħad inħawi tagħha (tal-art!) Awċ x’gost! Mela minix iżjed waħdi! Il-problema iġġagħlek tħossok mormija. Imma l-“ħelwa” tgħidlek: Ma rmejtikx! Il-problema iġġagħlek tħossok tibża’. Imma l-“ħelwa” tgħidlek: La tibżax, għaliex jien miegħek! Il-problema iġġagħlek tinkwieta fuq li tinkwieta. Imma l-“ħelwa” tgħidlek: La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Il-problema iġġagħlek tħossok li għandek toqgħod bilqiegħdha u ma tagħmel xejn. Imma l-“ħelwa” tgħidlek: Jiena nwettqek, jien ngħinek; nwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!

Soffha sewwa sieħbi din il-“ħelwa”! Ara li tkun dejjem taħt ilsienek!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: