Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Misericordina plus

Misericordina plus


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-Papa Franġisku dejjem b’xi waħda ġdida! Nhar il-Ħadd 21 ta’ Frar kelli x-xorti nisimgħu b’widnejja stess jgħidha fi Pjazza San Pietru. U iggustajtu! L-għaliex qalha minn qalbu! Mela x’qal?

F’folla li ippakkjat Pjazza San Pietru, u emmnuni l-għaliex fejn kont jien ma konniex għajr sardin, il-Papa qal hekk:

“Ir-Randan hu ż-żmien addattat biex issir mixja ta’ konverżjoni li fil-qalbha tagħha hemm il-ħniena. Għalhekk illum deherli li għandi nirregalalkom, lilkom li tinsabu fil-pjazza, ‘mediċina spiritwali’, li sejjaħtilha ‘Misericordina’.  Diġà għamilna dan darb’oħra imma din hi ta’ kwalità aħjar: hi ‘il-Misericordina plus’. Kaxxa żgħira li fiha l-kuruna tar-Rużarju u xbieha ċkejkna ta’ Ġesù tal-Ħniena.  Fost il-volontraji li issa se jqassmuhom, hemm nies foqra, bla dar, persuni turufnati u anki reliġjużi.  Ilqgħu dan ir-rigal bħala għajnuna spiritwali sabiex jinxterdu, speċjalment matul din is-sena tal-Ħniena, l-imħabba, il-maħfra u l-fraternità”.

U jien, wara ħafna ġiri, l-għaliex kien hemm min ħa ħames mediċini għar-razza u r-radika, ukoll messni kaxxa minn din il-Misericordina plus. X’ħin ftaħtha sibt karta tassew interessanti. Liema karta qaltli li qabel nużaha għandi naqra sewwa l-istruzzjonijiet!

X’inhi l-Misericordina u għall-liema għan għandha tiġi użata? Il-Misericordina hija mediċina spiritwali li issaħħaħ lir-ruħ bil-ħniena. L-effetti tagħna juru ruħhom permezz tal-paċi tal-qalb, tal-ferħ estern u x-xewqa li xxerred il-ġid. L-effett ta’ din il-mediċina huwa garantit mill-kelma ta’ Ġesù stess. Għandha tiġi użata meta nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tal-Ħniena Divina, nixtiequ l-konverżjoni tal-midinbin, inħossu l-bżonn li niġu mgħejjuna f’deċiżjoni diffiċli, ma jkollniex qawwa biex niġġiedlu t-tentazzjonijiet, ma nafux naħfru lil xi ħadd, nixtiequ l-ħniena għal xi ħadd li jkun qed imut u nixtiequ nirringrazzjaw lill-Mulej u nadurawh għall-grazzji kollha li nkunu rċevejna.

It-tieni struzzjoni tal-Misericordina tgħid li qabel nieħdu din il-mediċina l-ewwel nett irridu nsibu post fil-paċi bħal, ngħidu aħna, kamra jew knisja. Imbagħad ninżlu għarkupptejna ħa nikkalmaw u nsibu xbieha ta’ Ġesù Ħanin. Wara nagħmlu s-sinjal tas-salib, inħarsu lejn ix-xbieha u ngħidu b’fiduċja: Ġesù, jiena nafda Fik.

It-tielet struzzjoni għandha x’taqsam mal-mod ta’ meta għandna nużaw din il-Misericordina plus. Biex din il-mediċina tassew tgħinna kontra l-mard ta’ ruħna jinħtieġ li nieħduha darba kuljum. F’każi iebsin u ta’ periklu nistgħu neħduha aktar minn darba. U nibqgħu noħduha sakemm inħossu l-bżonn. Din il-mediċina tgħodd kemm għat-tfal u kif ukoll għall-adulti.

Ir-raba’ struzzjoni tal-Misericordina plus titħaddet dwar kif għandna nużaw din il-mediċina ta’ l-aħjar kwalità. Skond Papa Franġisku għandna nużawha hekk: Fil-bidu nitolbu, Missierna, Sliema u Kredu. Imbagħad fuq iż-żibeġ tal-Kuruna tal-Glorja nitolbu hekk: Missier Etern, jiena noffrilek il-Ġisem, id-Demm, irRuħ u d-Divinità ta’ Ibnek il-Għażiż, Sidna Ġesù Kristu, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja kollha. Fuq iż-żibeġ tas-Sliema nitolbu hekk: F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħu, ħenn għalina u għaddinja kollha. Fl-aħħar, nitolbu għal tliet darbiet: Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali, ħenn għalina u għad-dinja kollha.

X’inhuma l-effetti li jistgħu iseħħu u li m’humiex mistennija jew xi kundizzjoni jew fattur li jservu bħala raġuni l-għaliex din il-mediċina għandha titwaqqaf l-għaliex tagħmel ħsara lill-pazzjent? L-istruzzjoni numru ħamsa tgħid li dawn l-effetti jew fatturi biex wieħed iwaqqaf din il-mediċina ma jeżiżtux. Anzi! Huwa possibbli li magħha iżżid ukoll xi talb ieħor. Li wieħed jirċievi s-sagramenti ikabbar bil-kbir l-effett ta’ din il-mediċina.

Fl-aħħar struzzjoni ta’ kif wieħed għandu juża l-Misericordina plus, jiġifieri n-numru sitta, tgħid li l-ħin biex tieħu din il-mediċina hu biss ta’ 7 minuti, jew aħjar 0.49 fil-mija tal-ħin tal-ġurnata. Ir-Rużarju huwa talba ta’ affidament fir-rieda divina u fil-ħniena divina li hi akbar minn kull dnub. Għal dan il-għan min jitlob il-ħniena jirċivieha. Aktar ma’ wieħed jafda f’Ġesù aktar jiċievi mingħandu. Huwa Alla li jista’ kollox u jista’ jagħtina dak kollu li hu tajjeb u sabiħ!

X’mediċina dik eh sieħbi! Il-Misericordina plus! Qabiżli d-dmugħ meta qrajt dan kollu! Mela issa, millum ‘il quddiem, aktar se nibqa’ noħodha u nippreskrivieha fil-ħidma pastorali. Il-Kurunella tal-Ħniena Divina! Il-Misericordina plus!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: