Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Xi jsaħħaħ lis-soċjetà tagħnainn

Xi jsaħħaħ lis-soċjetà tagħnainn


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-festa liturġika ta’ San Tumas t’Akwinu, li iċċelebrajna nhar il-Ħamis 28 ta’ Jannar, tixgħel bozza fuq is-soċjetà tagħna. Kemm hu importanti u urġenti li nitħaddtu, nippromovu u ngħixu l-virtujiet. Imma x’inhi l-virtù?

San Tumas ħa l-kelma virtù mill-istess għerq tal-kelma Latina vir, li tfisser raġel u vis li tfisser qawwa. Mela t-tifsira bikrija tal-kelma virtù timplika l-ħakma ta’ kwalitajiet maskili bħall-qawwa u l-kuraġġ fl-ordni morali tat-tjubija u tal-perfezzjoni umana. Akwinu jiddefinixxi l-virtù bħala drawwa li tinfluwenza l-azzjoni (habitus operativus bonus).

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jurina ċar u tond li l-virtujiet għandna bżonnhom f’ħajjitna. Il-virtujiet huma bħall-kaptani fil-ħajja personali tagħna. Mingħajrhom żgur li naħbtu ma’ xi sikka u ninkaljaw! Il-virtujiet nipprattikawhom mhux l-għaliex inkunu mġegħla iżda l-għaliex aħna ħielsa li nagħżlu liema azzjoni irridu nwettqu f’ħajjitna.

Il-Katekiżmu jgħidilna hekk dwar il-virtujiet: “Il-virtujiet tal-bniedem huma attitudnijiet sodi, dispożizzjonijiet stabbli, perfezzjonijiet abitwali ta’ l-intelliġenza u r-rieda li jirregolaw l-għemil kollha tagħna, iżommu l-ordni fil-passjonijiet tagħna u jmexxu l-imġiba tagħna skond ir-raġuni u l-fidi. Jagħmlulna ħafifa, għaqlija u ferrieħa l-ħajja moralment tajba li ngħixu. Il-bniedem imżejjen bil-virtù hu dak li bil-fatti jagħmel kull ma hu tajjeb b’mod ħieles, bla xkiel” (nru. 1804).

Il-virtujiet morali huma t-tieni natura tagħna l-bnedmin. Dan minħabba d-diżpożizzjoni ewlenija li hemm fina biex nagħmlu l-ħażen. Biex nakwistawhom irridu nitħarrġu fihom. U, la t-taħriġ huwa parti daqshekk essenzjali ta’ x’jiġifieri tkun bniedem u bniedma, ma nistgħux nimmaġinaw lilna nfusna jkollna l-virtujiet jekk ma nipprattikawhomx. It-taħriġ tagħna tal-virtujiet jiftaħna beraħ għall-għajnuna ta’ Alla li qatt ma tonqosna. Għalhekk il-Katekiżmu jgħid fl-istess numru: “Il-virtujiet morali l-bniedem jista’ jiksibhom b’mod uman. Huma l-frott u l-bidu ta’ kull għemil moralment tajjeb; iħejju l-qawwiet kollha tal-persuna biex jingħaqdu ma’ l-imħabba ta’ Alla” (nru 1804).

Fid-diskors dwar il-virtujiet jeżiżtu erba’ virtujiet partikulari li xogħolhom hu bħal ċappetta (cardo bil-Latin) li fuqha jistgħu jistrieħu l-virtujiet l-oħra kollha. Dawn il-virtujiet insejħulhom il-virtujiet kardinali, li huma l-għaqal, il-ġustizzja, il-qawwa u l-qjies (jew ir-rażan u t-temperanza). Fil-ktieb tal-Għerf l-awtur sagru jgħallimna hekk fuq dawn il-virtujiet: “U jekk xi ħadd iħobb is-sewwa, it-taħbit tiegħu hu virtù. Għax hu mgħallem tal-qjies u ta’ l-għaqal, tal-ġustizzja u  tal-qawwa. Xejn fil-ħajja ma hemm aqwa minn dawn għall-bniedem” (Għerf 8:7). Dawn l-erba’ virtujiet huma mfaħħra bil-bosta fil-Kelma ta’ Alla.

Is-soċjetà tagħna biex tassew ikollha futur sabiħ jinħtieġilha tikber fil-għaqal. Kif jgħallimna l-Katekiżmu l-għaqal hu “dik il-virtù li tħejji r-raġuni prattika biex tagħraf fiċ-ċirkostanzi kollha x’inhu l-veru ġid tagħna u tagħżel il-mezzi ġusti biex jinkiseb” (nru. 1806). Il-ktieb tal-Proverbji jgħidilna: “Min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen” (Prov 14:15). Filwaqt li fl-Ewwel Ittra ta’ Pietru nsibu miktub dan li ġej: “kunu għaqlin u meqjusin biex tagħtu ruħkom għat-talb” (1 Pt 4:7). Fis-Summa Theologiae San Tumas t’Akwinu jgħallimna li l-għaqal hu “l-qjies eżatt ta’ kull għemil” (Summa Theologiae 2-2, 47, 2). Minn naħa tiegħu l-Katekiżmu jfisser li l-għaqal “ma għandux x’jaqsam man-nuqqas ta’ qalb u mal-biża’ u lanqas mal-wiċċ b’ieħor u mal-wiri ta’ ħaġa b’oħra” (nru. 1806). L-għaqal huwa “is-sewwieq tal-virtujiet” (“auriga virtutum”) minħabba l-fatt li jmexxi l-virtujiet l-oħra, jgħarrafhom il-qjies tagħhom u sa fejn jistgħu jaslu. Il-virtù kardinali tal-għaqal isieħeb il-ġudizzju li twettaq il-kuxjenza. Fil-fatt, kif jissokta jfisser tajjeb il-Katekiżmu, “il-bniedem bil-għaqal jiddeċiedi u jirregola l-imġiba tiegħu skond dan il-ġudizzju. Bl-għajnuna ta’ din il-virtù aħna napplikaw, mingħajr ma niżbaljaw, il-prinċipji morali għal kull każ li jinqala’ u nirbħu d-dubji li jista’ jkollna dwar it-tajjeb li rridu nagħmlu u l-ħażin li rridu nevitaw” (nru. 1806).

It-tieni virtù kardinali li s-soċjetà tagħna tant għandha bżonn li tikber u tissaħħaħ fiha biex tifjorixxi aktar hija dik tal-ġustizzja. Il-Katekiżmu jfissirha bħala “dik il-virtù morali li biha b’rieda soda u kostanti, nagħtu ’l Alla u lil għajrna dak li jistħoqqilhom” (nru. 1807). Il-ġustizzja tħaddan fiha żewġ xejriet. Dik vertikali, jiġifieri lejn Alla. Normalment din tissejjaħ “il-virtù tar-reliġjon”. U dik orizzontali, jiġifieri lejn il-bnedmin. Din it-tip ta’ ġustizzja tħejjijna kontinwament biex, kif jgħid il-Katekiżmu, “nirrispettaw id-drittijiet ta’ kullħadd, u nżommu, fir-relazzjonijiet tagħna mal-bnedmin l-oħra, dik l-armonija li ġġib ’il quddiem l-ekwità fl-imġiba tagħna mal-bnedmin kollha għall-ġid ta’ kulħadd” (nru. 1807). Il-Kelma ta’ Alla tfaħħar bil-bosta lill-bniedem ġust. Dan minħabba li hu jispikka mill-qjies li juri kif jaħseb u fil-mod korrett ta’ kif jittratta ma’ għajru. Il-ktieb tal-Levitiku jfakkarna: “La tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir; lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu; imma tagħmel ħaqq mill-proxxmu tiegħek fis-sewwa” (Lev 19:15). Fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, f’kuntest soċjali fejn l-iskjavitù kienet milqugħa, insibu dan il-kliem għal kollox rivoluzzjonarju: “Intom, sidien, agħtu lill-ilsiera tagħkom il-ħaqq u s-sewwa, u kunu afu li intom ukoll għandkom sid fis-sema” (Kol:4:1).

It-tielet virtù morali li hija ta’ ġid kbir għas-soċjetà tagħna hija dik tal-qawwa. Il-Katekiżmu jgħidilna li “l-qawwa hi virtù morali li tagħtina li nkunu sodi u ma nieqfu qatt milli nfittxu dejjem dak li hu tajjeb, minkejja d-diffikultajiet li magħhom niltaqgħu” (nru. 1808). Il-virtù tal-qawwa tipperseverana biex nitqabdu lit-tiġrib u, bil-grazzja ta’ Alla, inġibu fix-xejn it-tfixkil li nsibu f’saqajna li ma jħalliniex ngħixu ħajja moralment tajba. Il-virtù tal-qawwa tibnina b’tali mod li nirbħu l-akbar għadu tagħna, il-biża’ li hemm ġewwa fina. Tħejjijna biex inkunu lesti, jekk hemm bżonn, li niġu ippersegwitati u maqtula. Il-qawwa tqawwina biex niċħdu l-istess ħajjitna basta nagħtuha għall-kawża ġusta. Il-qawwa hija, l-ewwel u qabel kollox, don minn Alla. Għalhekk Salm 118 jgħidilna: “Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej” (Salm 118:14). Ġesù jfakkarna wkoll: “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!” (Ġw 16:33).

L-aħħar virtù li ssaħħaħ lis-soċjetà tagħna hija t-temperanza. Jew, kif ifissirha l-Katekiżmu, “ir-rażan u l-qjies hi dik il-virtù morali li biha nrażżnu l-ġibda għall-pjaċiri u tagħtina li nużaw bil-qjies il-ġid ta’ l-art. Tiżgura setgħa lir-rieda fuq l-istinti u żżomm ix-xewqat tagħna li ma jmorrux ’l hemm minn dak li hu onest u sewwa” (nru. 1809). Il-ktieb ta’ Bin Sirak jgħidilna: “Tħallix xewqatek jiġbduk warajhom, u rażżanhom il-ġibdiet tiegħek” (Sir 18:30). Filwaqt li t-Testment il-Ġdid iħeġġiġna biex ngħixu “biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien” (Tit 2:12).

Kemm tagħlim safi u bnin joħroġ mill-fidi Nisranija u r-raġuni għas-soċjetà tagħna! Li għandna bżonn huwa li l-fidi Nisranija Kattolika, imsejsa fuq ir-raġuni umana, nerġgħu nagħtuha l-post li jixirqilha. L-ewwel nett fil-qasam edukattiv u wara fil-midja. Imbagħad naraw kif is-soċjetà tagħna mhux biss tieħu r-ruħ imma tikber u tissaħħaħ għall-ġid ta’ min jemmen u anki għal min, bi djalogu sinċier u responsabbli mal-kuxjenza tiegħu, għadu ma rax id-dawl leqqien tal-verità li ssalva!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: