Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-kurituri tal-Isptar Mater Dei

Il-kurituri tal-Isptar Mater Dei


Patri Mario Attard OFM Cap

Twal u dojoq! Donnhom ma jispiċċaw qatt! Timxi! Timxi! U dejjem timxi! Sakemm fl-aħħar tasal fis-sala fejn tixtieq.

Ħafna ikkummentawli fuqhom. Fuq l-imberkin kurituri tal-Isptar Mater Dei. Staqsi kemm huma twal lil min xogħlu hu li jimxihom. Mela ibda’ minna l-kappillani tal-Isptar! Jiena u nimxihom niltaqa’ ma’ biżibilju nies. Nies li nkun nafhom. Oħrajn le. Nies li nagħrafhom u oħrajn li jagħrfuni. Hemm ukoll dawk li ma nagħrafhomx. Jew ma jagħrfunix. Ġieli sibt nies li waqqfuni u ikkummentwali fuq xi artiklu li l-Mulej jagħtini nikteb għal dan il-ġurnal popolari. U min jgħidli ħaġa u min jgħidli oħra.

Il-kurituri huma dejjem għad-dritt. Donnhom ifakkruni fil-magħrufa sensiela Highway to Heaven. Tiftakruha? Imma b’differenza. Il-ġnub tal-Highway to Heaven kienu deżerti. Jixbħu ħafna lil dak id-deżert li l-Kelma ta’ Alla titħaddet fuqu meta titkellem fuq il-poplu ta’ Iżrael li kellu jgħaddi minnu għal erbgħin sena sħaħ. “F’art imwarrba mar isibu, f’deżert waħxi u bla nies” (Dt 32:10). Imma f’Mater Dei le! Dejjem se tiltaqa’ ma’ xi ħadd. Veru! Minn daqshekk tiltaqa’ ma’ ħemel nies. Imma x’tagħmel jekk, għalkemm tkun ma’ biżibilju nies, tkun għadek kemm tirċievi xi aħbar ħażina dwar saħħtek? Inkella xi ħadd mill-għeżież tiegħek saħħtu tibda’ sejra lura? Mhux xorta waħdek tħossok? Mhux xorta issibek miexi f’deżert waħxi u bla nies? Il-mard il-mard! Kemm hu kiefer! Kemm jaqsam qlub!

Il-kurituri jfakkruni fl-importanza tal-mixi. Dak l-imbierek mixi li t-tobba tagħna tant jisħqulna inwettqu ta’ kuljum. Saħħa kilt il-koxxa tad-dundjan imma issa ejja ħa nħaddem tiegħi! L-għaliex il-mixi għandu barka oħra ħbieb. Liema barka hija ferm qadima. Antika. Hija l-barka dejjiema tal-ħsieb!

U proprju hawn moħħi u qalbi ħaduni lura fl-istorja. Sewwasew fir-raba’ seklu qabel Kristu. Ġewwa l-Belt antika u mportanti ta’ Ateni. Fl-iskola tal-filosofija msejsa Peripatetika. U t-tagħlim tagħha ġej dirett u safi mill-magħruf filosfu Aristotile! Filwaqt li isimha huwa aġġettiv li kien marbut ma’ dawk li kienu studenti f’din l-iskola. Dan l-għaliex il-kelma peripatetikos (περιπατητικός) għandha x’taqsam mal-mixi. Il-kelma “peripatetiku” hija ġeneralment użata għal xi ħadd li jimxi minn post għall-ieħor. Li jimxi minn hemm għal hawn. Fil-fatt il-leġġenda tgħid li l-filosfu Aristotile kien għalliem “peripatetiku”. Għaliex kien jgħallem u jimxi fl-istess ħin.

Meta qrajt dan it-tagħrif ġieni dan il-ħsieb f’moħħi imżewwaq ma’ dan is-sentiment f’qalbi. Għedt, bejni u bejn ruħi: “Issa jekk Aristotile huwa u miexi għallem lill-istudenti tiegħu fuq il-bidla u l-permanenza, l-erba’ ħwejjeġ li kull bniedem jeħtieġlu jkun jaf, x’inhi n-natura u l-forma, min hu Alla, x’inhi r-ruħ u n-natura tal-bniedem u l-kuntentizza tiegħu, jien, li nqatta’ daqshekk ħin nimxi fil-kurituri tal-isptar, l-għaliex m’għandix inħalli wkoll lil ħsiebi jħuf u jimraħ fil-wesgħa tas-smewwiet?”

U l-Mulej, fi ħnientu, semagħha t-talba ċ-ċkejkna tiegħi, il-Patri. Ikunux maħnuqa bin-nies inkella vojta u siekta l-kurituri tal-Isptar joffruli opportunità tad-deheb biex nimxi u naħseb. Nirraġuna u niskot. Biex induq mill-benna tal-għerf. Li jiġi biss minn Fuq!

Għalhekk nippreferi li ma jkollix roller skates biex niġri fuqhom ħa nasal, f’tebqa’ t’għajn, fejn nixtieq. L-għaliex, kif jgħid tajjeb il-Malti, “malajr u tajjeb ma jmorrux flimkien!”

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: