Aħfirli Patri!


Patri Mario Attard OFM Cap

L-omelija tal-quddiesa li Papa Franġisku iċċelebra għalina, il-Franġiskani Kapuċċini, fl-għodwa tat-Tlieta 9 ta’ Frar, 2016, fil-preżenza tar-relikwi mqaddsa ta’ San Leopoldu Mandic u San Piju ta’ Pietrelcina, fiha tassew x’wieħed jixtarr. L-aktar għalina l-Kapuċċini. U magħna l-patrijiet u l-qassisin kollha. San Leopoldu u San Piju kienu żewġ konfessuri kbar.

Lilna l-Kapuċċini l-Papa fakkarna fit-tradizzjoni tagħna li naħfru. “It-tradizzjoni tagħkom, il-Kapuċċini, hija tradizzjoni ta’ maħfra. Li tagħtu l-maħfra”. Għaliex fostna l-Kapuċċini għad hemm konfessuri tajbin? Jissokta Papa Franġisku: “L-għaliex iħossu li huma midinbin, bħalma kien ħuna Kristofru. Jafu li huma midinbin kbar, u quddiem il-kobor ta’ Alla, jitolbu kontinwament: ‘Isma’, Mulej, u aħfer’ (ara 1 Slaten 8:30). U l-għaliex jafu kif jitolbu b’dan il-mod, jafu jaħfru”.

Il-Papa fakkar lilna l-Kapuċċini u permezz tagħna lil kull konfessur, li min jiġi biex iqerr jiġi biex ikun maħfur. Jgħidilna: “Inkellimkom bħala ħukom, u fikom nixtieq inkellem lill-konfessuri kollha, speċjalment f’din is-Sena tal-Ħniena: il-konfessinarju qiegħed biex taħfru. U jekk ma tistgħux tagħtu l-assoluzzjoni – inpoġġi din l-ipoteżi – jekk jogħġobkom ‘issabtux’. Il-bniedem li jiġi, jiġi biex issib komfort, maħfra, paċi f’ruħu. Jalla jsib Missier li jħaddnu miegħu u jgħidlu: ‘Alla jħobbok ħafna’; u jgħinu jħossha!”

Imbagħad il-Papa irrakkonta esperjenza ta’ Kapuċċin li ġabitu iżjed konxju kemm aħna l-Kapuċċini għandna “dan id-don speċjali mill-Mulej: li naħfru”. Qal: “Qed niftakar f’xi ħadd li ltaqjt fi djoċeżi oħra, … li meta żmienu ta’ gwardjan u provinċjal kien spiċċa, ta’ 70 sena ġie mibgħut f’santwarju biex iqarar. U dan ir-raġel kellu serbut ta’ nies, kulħadd, kulħadd: saċerdoti, insara, għonja, foqra, kulħadd. Kien bniedem li jaħfer ħafna. Hu dejjem sab mod kif jaħfer, jew almenu li jħalli ruħ fil-paċi b’tgħanniqa. U darba mort biex narah u qalli: ‘Isma’, int Isqof u tista’ tgħidli: naħseb li jien nidneb l-għaliex naħfer wisq, u jkolli dan l-iskruplu …’ ‘Għaliex?’ – ‘Ma nafx, imma dejjem insib mod ta’ kif naħfer …’ – ‘U x’tagħmel meta tħossok hekk?’ – ‘Immur fil-kappella, quddiem it-Tabernaklu, u ngħid lill-Mulej: ‘Skużani, Mulej, aħfirli. Naħseb li ħfirt wisq illum. Imma, Mulej, kont int li tajtni l-eżempju ħażin!” U kif qal hekk il-Papa qal lilna l-Kapuċċini: “Qed taraw. Kunu bnedmin ta’ maħfra, ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ paċi”.

Għaliex x’inhu l-konfessur? Dak li, skont Papa Franġisku, għandu “qalbu kbira”. Din hi l-“maħfra… [Għax] il-maħfra hija żerriegħa, hija ż-żegħila ta’ Alla”. Għalhekk konfessur, Kapuċċin jew le, la tinsiex: “Ittama fil-maħfra ta’ Alla!”

Fl-aħħar tal-omelija tiegħu l-Papa beżbeż waħda lilna l-Kapuċċini, u bina lill-konfessuri kollha, meta qalilna: “Imma intom għandkom din il-kariżma ta’ konfessuri: qajmuha mill-ġdid, ġedduha mill-ġdid. U kunu dawk li jaħfru ħafna l-għaliex min ma jafx jaħfer jispiċċa bħall-Imgħallmin tal-Liġi tal-Vanġelu: isir mħallef kbir, dejjem lest biex jakkuża …, U, min hu l-akkużatur il-kbir fil-Bibbja? Ix-xitan! Jew tagħmlu l-uffiċċju ta’ Ġesù, li jaħfer, li jagħti ħajtu, talbu, ħafna sigħat hemmhekk bilqiegħda, bħal dawk it-tnejn [San Leopoldu u San Piju]; inkella tagħmlu l-uffiċċju tax-xitan li jikkundanna, jakkuża … Ma nafx, ma nista’ ngħidlek xejn iżjed. Bikom ngħidha kollha kemm hi lis-saċerdoti kollha li jqarru.”

Aħfirli Mulej meta kont Imgħallem tal-Liġi fis-sagrament tal-qrar. Ibdilli qalbi nitolbok ħa nkun bħalek, ta’ qalb ħelwa, umli u mfawra bil-maħfra u l-ħniena tiegħek lejn ħuti midinbin. Fakkarni Mulej kemm ħfirtli u taħfirli ħalli b’hekk jiena naħfer, naħfer, u naħfer … għall-karba imtaqqla ta’ ħuti … aħfirli Patri!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: