!!!


Patri Mario Attard OFM Cap

Kull darba li nirċievi mingħandha tagħmilli ! Issa dan il-punt esklamattiv jaf ikun wieħed. Tnejn. Tlieta. U ġieli erba’ wkoll! Hemm ara anki jien għamilt !

Qed ngħixu f’dinja fejn hija mimlija kontradizzjonijiet. Fuq naħa waħda tgħidlek biex tkun mingħajr emozzjonijiet. Ħa tkun eżatt u eżatta. Ħalli ħadd ma jgħid xejn fuqek. U ma tiġi qatt interpretat ħażin jew ħażina. Ġieli l-attitudni li dħalna fiha, anki f’pajjiżna, fejn il-latikar sar il-ħobżna ta’ kuljum, qed tagħmel ħajjitna miżerja. Toqol! Toqol! U toqol! Imbagħad, minn naħa l-oħra, din l-istess dinja tħalli babilonji kbar isiru. U ġieli, fil-liġijiet tagħha, id-dinja dawn iġġibhom b’idejha stess. Taħt l-iskuża li kulħadd għandu d-drittijiet tiegħu! Insomma! Ħawwadni ħa nifhmek!

Mela f’din il-babilonja kollha x’taqbad tagħmel? Turi l-emozzjonijiet tiegħek jew taħbihom? Minn dejjem kelli ammirazzjoni kbira għal dawk li huma sempliċi. Mingħajr ħafna tidwir u logħob ta’ kliem u mossi. Għal dawk li l-vanġelu jgħid: “Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għaliex huma jaraw l’ Alla” (Mt 5:8). U ħa ngħidlek magħhom lil Alla taraħ! Kuntrarju għal dawk li, għaliex jafu jqegħdu d-diskors imma imbroljuni mill-kbar nett, l-infern magħhom tarah ukoll! Jekk ma jitħajrux jitfgħuk fih ukoll!

Is-sempliċi, is-sinċiera, dawk ta’ qalbhom ħanina, avolja dgħajfin, huma l-ippreferuti ta’ Alla. Min jgħid li l-Mulej m’għandux preferenzi ngħidlu li ma jafx x’inhu jgħid! Iftaħ il-Kelma ta’ Alla u ara ta xiex ifaħħar Ġesù lil Missier: “Infaħħrek Missier, Sid is-Sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11:25). Iċ-ċkejknin ħbieb! Dawk li magħhom tkun taf fejn int. Dawk li jgħidulek x’qed iħossu. Dmugħhom ikun tassew ta’ ferħ jew niket. U mhux tal-kukkudrilli. Jew ta’ xi Brutu!

Dawn in-nies iferrħuni. Għaliex meta jibgħatuli xi messaġġ arahom jagħmluli ! L-! turi l-emozzjonijiet tagħhom. Li ma jibqgħux aktar emozzjonijiet tal-mument. Li jgħaddu u jintesew. Bħalma jgħaddu u jintesew is-sħab li jgħaddi bil-gzuz minn l-għażiża artna Maltija. Imma li jinżlu fir-rejaltà tal-qalb ħanina. Qalb li tagħder. Li ġejja minn rejaltà fejn fiha m’hemmx liġi. L-imħabba tas-sema. Dik l-imħabba li lill-kriminal tbiddlu f’ħaruf l-għaliex jindem minn ħtijietu. U lil min ma jaħfirx, anki jekk skont il-liġi ta’ din id-dinja għandu raġun, tbiddlu f’ħati quddiem it-Tron ġust tal-Missier Ħanin tas-Sema.

Meta nirċievi xi messaġġ bil-! u nkun naf il-persuna tiskanta kemm it-teknoloġija ma tibqax sempliċiment xi ħaġa mejta. Bla ħajja. Drajna nirċievu messaġġi li jgħassurna u jkissruna. Messaġġi ta’ tagħjir. Theddid. Inġurji. Messaġġi mimlija nasses tal-infern. Imma dawn il-messaġġi fejn se jwasslu jekk mhux għall-qerda ta’ min jibgħathom? Madankollu messaġġi mimlija ħniena u kompassjoni, messaġġi mimlija sabar u fehma fit-tiġrib kemm iġibu fejqan fostna! Mhux l-ewwel darba li persuna tgħidli u tgħidlek: “Bli bgħattli issolevajtni!”

Jaħasra dan jista’ isir minn kulħadd! Ma rridux għerf. Kulma rridu hu li nitolbu u ninfetħu għall-qalb ħanina ta’ Alla tagħna u rieda soda u umli li twettaq dan il-ġest sabiħ. Kull darba li nsib ma wiċċi messaġġi li jikkomunikawli l-imħabba tal-qalb hemmhekk nista’ ngħid li l-Mulej żarni tassew!

Ħa nużawhom il-!! fil-messaġġi tagħna. Ħa nagħtu ħajja lil dak li niktbu. Hawn wisq biża’ li qed joqtol l-imħabba vera li l-Mulej irid bejnietna. Din il-biża’ m’hjiex ġejja mill-Mulej li jixtieq li nkunu uliedu tassew. Le! Ġejja mix-xitan li jrid jifridna, ikeskisna, iġellidna kontra xulxin. Huwa x-xitan li jilgħab bil-liġi biex ikisser lin-nies. Għaliex makakk u qarrieq!

Imma s-sempliċi. L-onest. Dak jew dik ta’ qalb tajba, ma jibżgħux juru xi jħossu! Taf x’hemm tajjeb? Li ! ta’ ferħ, bħalma turini din il-persuna meta tibgħatli xi messaġġ, ġej mill-ġenna! Għax fil-ġenna sieħbi minn dak hemm! FERĦ! FERĦ! FERĦ! Mela !!! …

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: