Smigħ u azzjoni


Patri Mario Attard OFM Cap

Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar, għadna kemm tajna bidu għar-Randan imqaddes. Il-messaġġ tal-Papa Franġisku għar-Randan ta’ din is-sena, fil-kuntest tas-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena, huwa dirett u qawwi. Iħeġġiġna biex nisimgħu u mbagħad inwieġbu fuq dak li nisimgħu.

Ir-Randan huwa żmien privileġġat fejn il-Kelma ta’ Alla titħabbar lilna b’qawwa insistenti għall-indiema u l-bdil tad-direzzjoni f’ħajjitna. Is-smigħ biss tal-Kelma ma jħallix frott. Dan tgħidulna ċar l-Ittra ta’ San Ġakbu stess meta tgħidilna:

X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum,  u wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu’, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.

Imma xi ħadd jista’ jgħid: ‘Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil.’ Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi. Inti temmen li Alla huwa wieħed, u tagħmel sew. U dan ix-xjaten ukoll jemmnuh, u jitriegħdu.  Imma kif ma tridx taf, iblah li int, li l-fidi mingħajr għemil hija fiergħa?  Jaqaw Abraham missierna mhux mill-għemil kien iġġustifikat meta offra lil ibnu Iżakk fuq l-artal?  B’hekk tara kif il-fidi ħadmet id f’id ma’ l-għemil tiegħu, u kif bil-ħila ta’ l-għemil il-fidi laħqet fl-aqwa tagħha u seħħet l-Iskrittura li tgħid: ‘Abraham emmen lil Alla u kien dan li ġġustifikah’ u għalhekk huwa msejjaħ ħabib ta’ Alla.  Taraw, mela, li l-bniedem ikun iġġustifikat bl-għemil, mhux bil-fidi biss. Hekk ukoll Raħab iż-żienja; jaqaw mhux  bl-għemil kienet iġġustifikata meta laqgħet lill-messaġġiera u bagħtithom minn triq oħra? Għax bħalma l-ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi mingħajr għemil (Ġak 2:14-16)”.

Huwa eżattament fid-dawl tar-rabta bejn il-fidi u l-opri li wieħed jista’ aktar japprezza l-messaġġ li Papa Franġisku qiegħed jagħtina għal dan ir-Randan. Il-Ħniena ta’ Alla għalina l-bnedmin għandha l-intenzjoni li trattab il-qalb tagħna biex aħna nħennu bl-istess mod għal ħutna fil-bżonn. Jgħidilna l-Papa:

“Allura l-Ħniena ‘tesprimi l-imġiba ta’ Alla mal-midneb, meta joffrilu possibbiltà oħra biex jerġa’ lura minn triqtu l-ħażina, jindem u jemmen’ (Misericordiæ vultus, 21), u hekk terġa’ twaqqaf ir-relazzjoni tiegħu Miegħu.  U f’Ġesù mislub Alla sa jrid jilħaq il-midneb fl-aktar post imbiegħed tiegħu, sewwasew hemm fejn hu ntilef u tbiegħed Minnu.  U dan jagħmlu bit-tama li sa fl-aħħar jista’ jrattab il-qalb imwebbsa ta’ Għarustu” (nru.2).

Il-midneb maħfur, li jkun irċievha b’tant abbundanza l-ħniena li ma jistħoqqlux mill-Missier tiegħu tas-Sema, huwa fid-dmir li jagħmel preżenti ħaj fostna lil Dak li tant ħafirlu. Għalkemm ma kienx jixraqlu. Kien għalhekk li l-Papa jħeġġiġna biex f’dan ir-Randan aħna wkoll inkunu ikoni ħajja tal-ħniena kbira li hija “mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna” (Lq 1:79). Dik l-istess ħniena li, kif għanniet Marija fl-Innu ta’ tifħir tagħha, “tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50).

“Il-ħniena ta’ Alla tibdel il-qalb tal-bniedem u ddewqu mħabba fidila li hekk tagħmel lilu wkoll kapaċi jħenn.  Hu miraklu dejjem ġdid li l-ħniena divina tista’ ddawwal bih il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, tqanqalna għall-imħabba tal-proxxmu, u tagħti l-ħajja lil dawk li t-tradizzjonijiet tal-Knisja li ssejjaħ l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali.  Huma jfakkruna li l-fidi tagħna tissarraf f’atti konkreti u ta’ kuljum, biex ngħinu lill-proxxmu tagħna fil-ġisem u fir-ruħ, u li fuqhom għad isir ħaqq minna: nitimgħuh, inżuruh, infarrġuh, nedukawh” (nru. 3).

Kif kien qal fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew tal-Ħniena l-Papa Franġisku sostna li hu xtaq jieħu l-opportunità tal-Ġublew tal-Ħniena biex “il-poplu Nisrani matul il-Ġublew jirrifletti fuq l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali.  Dan ikun mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu, fejn il-foqra huma l-ipprivileġġjati tal-ħniena divina” (Misericordiæ vultus, 15).  Fl-istess dokument Papa Franġisku kien qal li fil-fqir, il-ġisem ta’ Kristu “isir mill-ġdid viżibbli bħala ġisem ittorturat, miġruħ, imsawwat, mitluq mejjet bil-ġuħ, maħrub… biex aħna nagħrfuh, immissuh u ngħinuh b’għożża kbira (Misericordiæ vultus, 15).”

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa issokta jfisser li “r-Randan ta’ din is-Sena Ġubilari hu għal kulħadd iż-żmien it-tajjeb biex sa fl-aħħar nistgħu ninqalgħu mill-aljenazzjoni eżistenzjali tagħna, grazzi għas-smigħ tal-Kelma u għall-opri tal-ħniena. Jekk permezz ta’ dawk l-opri korporali mmissu l-ġisem ta’ Kristu fl-aħwa fil-bżonn ta’ min jitmagħhom, ilibbishom, jagħtihom saqaf fuq rashom, iżurhom, dawk spiritwali – nagħtu parir, ngħallmu, naħfru, inwissu, nitolbu – imissu iżjed direttament il-fatt li aħna midinbin. Allura l-opri korporali u dawk spiritwali ma għandhom qatt jinfirdu minn xulxin.  Fil-fatt, huwa sewwasew meta fil-fqajjar imiss il-ġisem ta’ Kristu mislub li l-midneb jista’ jirċievi b’don l-għarfien li hu stess huwa tallab fqajjar.  Permezz ta’ din it-triq anki l-‘imkabbra f’qalbhom’, is-‘setgħana’ u l-‘għonja’ li fuqhom jitkellem il-Magnificat għandhom il-possibbiltà li jintebħu li bla ebda merti tagħhom l-Imsallab ħabbhom, miet u qam għalihom ukoll.

F’din l-imħabba biss hemm it-tweġiba għal dak l-għatx għall-hena u l-imħabba bla tmiem li l-bniedem jitqarraq meta jaħseb li jista’ jaqta’ permezz tal-idoli tal-għerf, tal-poter u tal-ġid.  Imma jibqa’ dejjem il-periklu li, jekk jagħlqu iżjed qalbhom għal Kristu, li fil-fqir jibqa’ jħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħhom, is-suppervi, l-għonja u l-qawwija jispiċċaw biex jikkundannaw lilhom infushom għall-għarqa f’dak l-abbiss etern ta’ solitudni li hu l-Infern.  Hawn mela jidwi mill-ġdid għalihom, kif ukoll għalina lkoll, il-kliem tassew f’loku ta’ Abraham: ‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti: jisimgħu lilhom’ (Lq 16:29).  Dan is-smigħ attent iħejjina bl-aħjar mod biex niċċelebraw ir-rebħa defenittiva fuq id-dnub u fuq il-mewt tal-Għarus, issa rxoxt, li jixtieq isaffi lill-Għarusa mwiegħda tiegħu, hi u tistenna l-miġja tiegħu” (nru. 3).

Quddiem dan l-appell tassew qawwi tal-Papa Franġisku kemm narah tassew f’loku dak li jħeġġiġna għalih San Girgor ta’ Nissa meta fl-Omelija fuq il-kelmiet ‘Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi’ jikkummenta hekk:

“Għaldaqstant, jekk il-vapur ta’ ħajtek għaddej minn fuq wiċċ l-ilma, tawwal idejk lejn min bata n-nawfraġju. Ilkoll ngħaddu mill-istess baħar, tempesti, fond, burraxki, sikek u l-perikli l-oħra kollha li jnisslu l-biża’ fil-ħajja tal-baħħara. Dment li ma jiġrilek xejn u dment li tbaħħar bla periklu fuq il-baħar tal-ħajja, qatt tgħaddi minn ħdejn ħuk li mbaram fil-qilla tal-mewġ mingħajr ma jkollok ħniena minnu. X’garanzija għandek li l-vjaġġ tiegħek se jkun dejjem tajjeb?”

X’garanzija għandi li l-Missier ħafirli? Għandi iva meta nħenn minn qalbi għal ħija u oħti fil-bżonn. Kemm meta ma jiġrili xejn u kemm meta ngħaddi mis-saram tal-ħajja jiena wkoll.

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: