Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-Madonna bis-suffejra

Il-Madonna bis-suffejra


 

Patri Mario Attard OFM Cap 

Din is-sena irrid ngħid prosit minn qalbi lill-Patri Joe Saliba OFM Cap, il-Patri inkarigat mill-armar tal-Kappella ta’ Mater Dei. Nixtieq nifraħlu minn qalbi l-għaliex għal nhar l-Ewwel Jum tas-Sena, is-solennità ta’ Marija Omm Alla, fuq in-naħa tax-xellug tal-presbiterju rama l-istatwa sabiħa tal-Madonna bil-Bambin. Minħabba li kulur wiċċ il-Madonna u l-Bambin huma ċari ħafna din l-istatwa laqqamtha “il-Madonna bis-suffejra”.

Bħalma tafu nhar l-Ewwel Jum ta’ kull sena Papa Franġisku, bħall-Papiet l-oħra kollha ta’ qablu, joħroġ messaġġ mill-isbaħ għall-okkażjoni. It-titlu tal-messaġġ ta’ din is-sena kien dan: Irbaħ l-indifferenza u ikseb il-paċi. Taf li meta qrajtu sewwa imbagħad stajt aktar nifhem l-għaliex il-Madonna, li int u jien aħna wliedha, qed tbati bis-suffejra miskina? “U ejja Patri!” tgħidli. Imma jien ngħidlek: “Le ħabib! Qed inkellmek tassew fis-sod! Ħa ngħidlek kemm hu veru l-għaliex il-Madonna qiegħdha tbati bis-suffejra!”

Kif tridha Marija Ommna ma tbatix bis-suffejra meta tara lilna, uliedha, niġu naqgħu u nqumu minn Alla? Kif tridha ma jkollhiex is-sufferja meta tarana naħsbu li aħna l-awturi ta’ ħajjitna u tas-soċjetà tagħna? Meta tarana naħsbu li kollox nistgħu nagħmlu waħedna? Meta tismagħna nitkellmu u tosservana kif naġixxu qisna dawk li mingħajr Alla ngħaddu? U mbagħad, il-viltà tal-viltajiet, tarana b’dik l-attitudni falza u qarrieqa li m’aħna midjuna lejn ħadd ħlief magħna nfusna u nippretednu li għandna biss drittijiet u addijo d-dmirijiet?

 

Għidlu ftit ħbieb, kif tridha ma timradx bis-suffejra l-Madonna meta tarana nżommu ruħna infurmati tajjeb, nisimgħu r-radju, naqraw l-ġurnali jew naraw il-programmi televiżivi imma x’jimpurtanta mill-uġiegħ tal-oħrajn? Kif tridha ma tisfarx il-Madonna meta tarana ma jimpurtaniex mit-traġedji tal-ħajja li qiegħdin jifilġu bnedmin oħrajn bħalna, ħutna u uliedha? X’ma tinkedx u ma tinfeniex il-Madonna meta tisma’ lil uħud minnha donnhom jieħdu gost “jitfgħu l-ħtija tal-ħażen tagħhom fuq il-foqra u l-pajjiżi foqra, b’ġeneralizzazzjonijiet xejn f’lokhom” (nru. 3) u jippruvaw iserrħu l-kuxjenza tagħhom billi jibqgħu jitħaddtu fuq is-soluzzjoni vaga tal-‘edukazzjoni’ u huma jibqgħu ċiċċi beqqi fuq dik il-pultruna bis-sigarru jew is-sigarett?

X’ma titriegħedx bl-inkwiet il-Madonna meta tarana, bħala uliedha, li biex “ma narawx u ma nismgħux” l-għaliex it-tbatijiet ta’ ħutna l-bnedmin ittaqqluna, arana nippreferu ma nfittxux u ma ninfurmawx ruħna basta nibqgħu ngħixu bil-ġid u l-kumditajiet tagħna? L-aqwa li widnejna jibqgħu “torox għall-karba ta’ wġigħ ta’ l-umanità batuta” (nru. 3)? X’ma tbatix bis-suffejra l-Madonna meta tarana li, bl-egoiżmu tagħna, “kważi … sirna m’aħniex kapaċi tiġina ħniena mill-oħrajn, mit-traġedji tagħhom, ma jinteressaniex nieħdu ħsiebhom, qisu dak li qed jiġrilhom kien responsabbiltà barranija għalina, li m’hix tagħna” (nru. 3)? U ejja! Din x’ħajja hi?! Meta ma jinteressaniex nieħu ħsieb lil min qed ibati? Tgħid, għalkemm f’ħajti dejjem rajt kif għamilt li ridt u waħħalt ir-responsabbiltà tiegħu fuq ħaddieħor, bil-konsegwenza li ma ħallejt lil ħadd jiġbidli l-attenzjoni, għalhekk għadni ngħix bir-rabja tbaqbaq li hemm fija, qisni l-indannat u l-indannata? Arani kif wiċċi dejjem imqarras! Isma’ lil diskorsi kif jikkonċentra fuqi biss! X’ma timradx il-Madonna bis-suffejra minħabba l-egoiżmu feroċi li hemm jgħajjat u jhedded lil min irid iqaċċtu ġewwa fija?

Imbagħad, biex ngħaqqdu kollox, kif il-Madonna ma tbatix bis-suffejra meta tara d-dinja sabiħa li Alla l-Missier ħalqilna mimlija “tinġis ta’ l-ilma u ta’ l-arja, l-abbuż bla ebda distinzjoni tal-foresti, il-qerda ta’ l-ambjent” (nru.3)? Kif tridha ma tisfarx meta tarana naħqru l-annimali, jew lill-annimali nħobbuhom ħafna aktar mill-bnedmin, inkella li nħammġu barra t-triq u ġewwa inżommuh xummiema u pupilla?

Familji! Għalliema! Xandara! Ejjew naħdmu id f’id ħalli ngħinu lil dan il-poplu jifhem li biex ngħixu ta’ bnedmin Alla jrid jiġi l-ewwel post f’ħajjitna. Li nibdew ninteressaw ruħna fit-tbatijiet tal-Maltin ħutna. Li t-tbatijiet u l-inġustizzji tagħhom isiru tagħna ukoll. Li nħossuna responsabbli biex l-ambjent naturali tagħna nħarsuh minn kull qerda.

Imbagħad tibżax tara kif wiċċ il-Madonna u dak tal-Bambin jieħdu r-ruħ! Tara kif il-Madonna ma tibqax aktar tbati bis-suffejra! Anzi! Wiċċha jissebbaħ bil-wardiet tal-ħniena li int se turi lil min qed ibati!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: