Il-memorja


Patri Mario Attard OFM Cap

“Ommi Mà! Kif marrittli l-memorja!” Hekk ngħid meta nkun insejt xi ħaġa li għamilt ilbieraħ. Jiġifieri dik it-tip ta’ memorja li l-esperti jgħidulha s-short-term memory. Imma, fil-verità, il-bniedem jista’ jgħix ħajtu mingħajr memorja?

Żgur li le! Lanqas meta l-memorja ta x’għamilt ilbieraħ tibda’ teħfiefli. Imma l-memorja ta’ affarijiet ta’ meta kont żgħir għadhom stampati ċari f’moħħi. Mhux il-biċċa l-kbira minna niftakru fit-tfulija tagħna! U, niftakru fiha, bit-tlajja u l-inżul tagħha. Bil-qawwiet u d-dgħjufijiet li jinsġuha. L-għaliex dak hu aħna. Dak hu li jagħmilna bnedmin tad-demm u l-laħam. Bnedmin li nistgħu nikbru.

Il-memorja tagħtina sens ta’ appartenenza. Jiena nappartjeni għal Malta pajjiżi l-għaliex ġejt imnissel u mwieled f’dan il-pajjiż. Li għandu storja. Mod ta’ ħsieb u għejxien. Tul is-snin pajjiżna fisser lilu nnifsu fil-letteratura, fl-arti, fil-politika, fl-ekonomija u l-bqija. U dan kollu jinfluwenzani. L-għaliex trabbejt u għadni qed ngħix fih. Il-memorja tgħinni napprezza l-familja li minna ġejt imnissel. Għalhekk tgħinni nara l-familjari u l-antenati tiegħi bħala dawk li minnhom ħriġt.

Il-memorja tfakkarna li aħna bnedmin ta’ dinjità. Kemm hu sabiħ meta niftakru fil-kisbiet li ilkoll għamilna. M’hemmx bżonn ikunu kisbiet ta’ barra minhawn. Imqar persuna morna nżuruha fl-isptar. Inkella fil-Faċilità Korrettiva. Jew imqar konna ta’ spalla għaliha fil-mument iebes tal-qsim il-qalb. Minkejja daqshekk snin kemm inħossuna fil-paċi magħna nfusna meta niftakru li ħinna nkunu użajnieh tajjeb. Għall-ġid tal-oħrajn u fuq kollox tagħna nfusna stess!

Il-memorja ittella’ wkoll fil-wiċċ l-iżbalji li ilkoll nagħmlu. U għamilna. Biex ma tibżaljax kull m’għandek tagħmel hu li tieqaf tgħix. Imma, quddiem l-iżball, irridu nagħmlu għażla. Jew se nibqgħu imwaħħlin fih. Inkella ħa nimxu ‘l quddiem. Imbagħad l-iżball jew il-weġgħa, ma jkunux aktar għajn ta’ qtiegħ il-qalb. Anzi! Biż-żmien isiru modi ta’ fejqan. Għalina l-ewwel u mbagħad għall-oħrajn. U l-memorja tfakkarna fl-esperjenza ta’ nies li qallbu d-dinja. Żbaljaw. Iżda ma baqgħux imwaħħla fl-iżbalji tagħhom. Qamu u mxew. Sakemm spiċċaw nies mibdula għal kollox!

Il-memorja tfakkarna fil-maħfra. U, aktar ma naħfru aktar il-memorja se tiftakar biex tagħmel il-ġid u teħles lilha nnifisha minn ħafna memorji li jimblukkawha milli tissokta tagħmel il-ġid. L-għaliex il-memorja tfakkarna f’Dak li minnu ġejja hi stess. Jiġifieri f’Missierna tas-Sema. Dak li ħtijietna jaħfirhomlna u ma jiftakarhomx iżjed (ara Ġer 31:34). Basta immorru għandu. U basta naħfru lil dawk li jonqsuna bħalma jaħfrilna dejjem Hu. Għax hekk qalilna Dak li sawwar il-memorja tiegħi, il-memorja tiegħek: “Aħfru, u ssibu l-maħfra” (Luqa 6:37).

X’hemm isbaħ mela li din il-memorja inżommuha ħajja u tiffunzjona billi nfejquha bir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, mal-oħrajn u magħna nfusna? X’hemm isbaħ milli niftakru x’għamel Alla għalina kuljum f’Ġesù Kristu meta fil-quddiesa nfakkru rejalment li għadu jagħtina Ġismu u Demmu biex niekluh u nixorbuh sallum? Dik memorja eh! Memorja ta’ maħfra meta ma ħaqqniex! U ħniena meta ma jistħoqqilniex!

Il-memorja!… Għax sewwa qal Lord Acton: “L-istorja m’hijiex xi toqol fuq il-memorja imma tnebbiħa għar-ruħ!” U x’hemm isbaħ mit-tnebbiħa li tiftakar li hemm xi Ħadd li dejjem jilqgħek u jaħfirlek? Għamilt x’għamilt? Mela ejja nibqgħu infakkruh billi nagħmlu bħalu!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: