Kif imassakrak!


Patri Mario Attard OFM Cap

Ħasadni. Mhux bil-kumment li qal. Għaliex, mill-feedback li tawni persuni ta’ fiduċja, għamel ħafna storbju għal xejn. Imma li dejjaqni ħafna kien il-post fejn dan il-kumment fajjaru. U l-kif ukoll kien ħażin. Fi Knisja ma titfgħax dawn it-tip ta’ kummenti. Mela x’qalli?

It-televiżjoni huwa post minn fejn il-messaġġi jintbagħtu. Is-soċjetà Maltija qed issir dejjem iżjed multi-etnika u pluralista. Kulħadd għandu d-dritt iwassal il-messaġġ tiegħu. Jgħid dak li jemmen fih. Aħseb u ara l-messaġġ Nisrani mela! Il-messaġġ ħiereġ mill-qalb ta’ Dak li qalilna ċar u tond: “kull ma tkunu tkellimtu fil-widnejn, fil-kmamar ta’ ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut” (Lq 12:3). Mhux Hu stess qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6)? Il-Kelma tiegħu ngħożżha. Għaliex vera! Mhux għaliex f’moħħi dejjem tagħmel sens. Ġieli moħħi jirvella għaliha! Tisfidaħ biex jagħmel dak li mhux imdorri jagħmel: jiġifieri jagħti pass fid-dlam. Imma, l-għaliex ħierġa minnu, Ġesù Kristu, il-Verità, għax kull kelma li qal wettaqha l-ewwel hu, jiena kliemu nemmnu! U nitlob, mingħajr ma jistħoqqli, li bi grazzja tiegħu nkun nista’ nagħti ħajti għalih. Għaliex hu Alla!

Imma l-bużillis qiegħed hawn! Min jgħid li hu tiegħu u għemilu ma jaqbilx mad-diskors ta’ Ġesu Kristu lili ma jinżillix! Mhux il-persuna imma l-faċċoliżmu tagħha. Issa dan qed ngħidu għalija l-ewwel wieħed! Ħa niġi mill-ewwel għall-punt.  Darba, fuq stazzjon tat-televiżjoni, kien hemm raġel li wassal l-idejat tiegħu. Għandu dritt. Il-Malta Kattolika mhux ilha li siefret! Illum, l-għaliex aħna pajjiż demokratiku, fuq it-televiżjoni kulħadd iwassal il-prodott tiegħu. Hu x’inhu. Dan ir-raġel qal li kellu jgħid. U mbagħad, min kien qed imexxi l-programm, dehrlu li kien wasal il-ħin tiegħi li nitħaddet.

L-aktar ħaġa li nobgħod hija li nwaqqa’ n-nies għaċ-ċajt. Kulħadd għandu dinjità. Irrilevanti minn dak li jgħid. U anki minn kif jgħidu. Ovvja! Qatt m’hu ħa naqbel mal-idejat tiegħu. Għalija l-prinċipji Nsara Kattoliċi huma l-gwida ta’ ħajti. Inkun fejn inkun. Inkluż quddiem camera tat-Televiżjoni. Bil-qawwa ta’ Alla, u żgur li mhux b’qawwieti ta’ bniedem dgħajjef u midneb li jien, bqajt inżomm sod ma’ dak li nemmen fih. Spiċċajna biex ma qbilniex. Imma l-isbaħ ħaġa li kien hemm f’din id-diskussjoni imqanqla wiċċ imb’wiċċ kienet li dan ir-raġel, wara d-diskursata li kellna, quddiem il-camera b’Malta u Għawdex kollha jarawna, ħadli b’idi u qalli: “Nawguralek Patri biex tkompli tagħmel il-ġid!” Mill-ewwel kont pront weġibtu li l-ġid il-Mulej jagħmlu u mhux jien!

Mhux wieħed jew tnejn waqqfuni wara dan il-programm. Mill-kummenti tagħhom stajt nifhem li aħna bħala Knisja, aktar milli mmorru għall-ideja antika ta’ Knisja fortizza jew ta’ Knisja li tikkmanda, irridu nkunu d-dawl u l-melħ. Irridu nkunu dik in-naqra ħmira li ttella’ l-għaġna kollha. Innutaw il-kliem, li mhux tiegħi imma tal-Mulej Ġesù: in-naqra ħmira. Id-dawl ta’ fuq il-modd. Il-melħ li, għalkemm ftit fil-kwantità, jagħti t-togħma lit-tisjira.

Imma dan ir-raġel, li sabni fil-Knisja, ma riednix inkun iż-żiffa ħelwa li tidħollok f’għadmek u bi ħlewwietha iġġorrok magħha. Le! Ippretenda li nkun riefnu qalil. Tornado! Li jaqla’ kulma jsib quddiem wiċċu! Għadni niftakar s’issa r-rejazzjoni tiegħu ta’ kif tani l-feedback tiegħu: donnu riefnu hu wkoll! Jew gaffa li tiknes dak kollu li ssib quddiemha! Letteralment terminator!

Qarsa kienet it-togħma u qarsa tibqa’ tkun meta l-Knisja ta’ Ġesù tkun terminator ma’ wliedha jew mad-dinja. Il-Knisja hija omm li tgħallem b’paċenzja u b’umiltà kbira. L-attitudni ta’ għalaq ħalqek u jsir li ngħid jien m’hijiex ta’ Alla imma ta’ dak tal-infern. Il-Mulej ma jimponi ruħu fuq ħadd!

Sieħbi dak ħuna mhux immassakrani kif ħsibt int imma bnieni ħa nħobb aktar il-fidi tagħna. U jien, għall-ġid tiegħek, qed ngħidlek, ibdel l-attitudni tiegħek! Għax huwa int li qed timmassakra lin-nies bil-mod ta’ kif tkellimhom!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: