Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Ir-riskju tal-fidi

Ir-riskju tal-fidi


Patri Mario Attard OFM Cap 

Dan l-aħħar Patri fil-kunvent fejn ngħix waħħal tabella ma’ bieb kamartu li tefgħetni f’dinja ta’ ħsibijiet. Il-tabella kienet tgħid hekk bl-ilsien Ingliż: Faith involves risk. Il-fidi tinvolvi riskju.

Sabiħa! U naf li hi hekk l-għaliex meta rajtha bqajt imsaħħar inħares lejha. Laqtitni fil-laħam il-ħaj. Ilkoll inħossu l-bżonn li ħaddieħor jaqbel magħna. Almenu f’ħafna affarijiet. L-għaliex b’dan il-mod inħossuna milqugħa. Aċċettati. Meta wieħed jaqbel miegħi isaħħaħni. Jinkoraġġini. Ħa nissokta nimxi ‘l quddiem!

Madankollu fis-soċjetà pluralistika tagħna mhux kulħadd għandu l-istess valuri. F’pajjiżna qiegħdin naraw ukoll il-fenominu tas-suq tar-reliġjonijiet. Jiena nieħu dak li jgħodd għalija minn kull reliġjon u nagħmel platt-buffet mill-isbaħ għal ruħi. L-ideja kieku mhix kerha. Nagħżel dak li jaqbilli. Imma, fil-verità, tagħmel sens? Tagħmilli ġieħ? Tgħin lid-dinjità tiegħi ta’ bniedem?

Ma naħsibx. Is-sbuħija tal-persuna qiegħdha fil-fatt li għandha sett ta’ valuri, jew aħjar prinċipji, li jmexxuha f’kull sitwazzjoni li tkun. Persuna għandha l-qawwa li tagħżel. Tista’ tiddeċiedi li ma tinġarrx mal-kurrent. Ma tħallix il-popolarità toħodha fejn trid. Basta tara t-tbissim u t-tixjir ta’ ħaddieħor lejha. Basta tkun approvata. Ejjew ma ninsewx: l-approvazzjoni tal-bniedem ma jfissirx li hija l-approvazzjoni ta’ Alla!

Imma anki hawn, f’kuntest ta’ dinja fejn qiegħdha, kulma tmur, tiġi attakkata minn terroriżmu magħmul f’isem Alla, irridu wkoll inżommu l-brejkijiet ħa nirriflettu. Nagħrblu. Nagħżlu. Alla qatt ma jgħidlek “aqta’ ras ħaddieħor u lili tagħtini glorja!” Dan l-għaliex Alla qatt ma jista’ jagħmel ħaġa tajba billi jirrikorri għall-mezzi ħżiena. Huwa sabiħ li tagħti glorja lil Alla. Imma huwa ħażin li toqtol persuni innoċenti. U, jekk jogħġbok, b’mod mill-aktar brutali.

Id-dinjità tal-bniedem hija kbira l-għaliex huwa uman. Il-bniedem ħareġ minn idejn Alla. Għalhekk l-umanità tiegħu hija imprezzabbli. Barra minhekk il-bniedem għandu ruħ. Jiġifieri għandu n-nifs ta’ Alla fih. Liema nifs l-ebda ħlejqa oħra m’għandha. Dan hu l-mod kif l-antropoloġija Nisranija tippreżentalna dan l-avveniment tassew kbir li l-ktieb tal-Ġenesi, mill-mod kif inhu miktub, jurina. “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja” (Ġen 2:7).

Hija din ir-ruħ li tagħti lill-bniedem il-fakultà li jaħseb. Li tagħmlu uman. Mela sewwa kien qal il-Beatu Pawlu VI fl-enċiklika tiegħu dwar il-progress tal-popli, Populorum Progressio, meta qal li “l-idea vera ta’ l-umanità m’hix ħlief dik li tħares lejn Alla, li hu fuq kollox, filwaqt li nagħrfu s-sejħa li għaliha aħna msejħin u li tagħtina l-vera idea tal-ħajja tal-bniedem” (nru. 42).

L-umaniżmu veru jwassalna biex, bħala Insara, nirriskjaw fil-fidi tagħna. Niftakarni nisma’ lill-mibki Superjur Ġenerali tal-Mużew, Victor Delicata, jgħidilna: “Min ma jirriskjax ma jikbirx”. Il-fidi Nisranija tagħna turina li biex nikbru fiha rridu nirriskjaw. Nafu l-prezz li qegħdin iħallsu Insara oħra ħutna f’pajjiżi oħra fejn it-tolleranza reliġjuża lanqas biss instemgħet aħseb u ara kemm qed tiġi ipprattikata. Nafu kemm Insara qiegħdin jiġu mixlija bi tkasbir ta’ reliġjonijiet oħra mentri fil-fatt huma totalment innoċenti. Qiegħdin jiġu mmaqdra, imwarrba u maqtula. U dan l-għaliex jemmnu f’Ġesù Kristu. Irridu nammettu li hawn min lil Ġesù Kristu jobgħodu għall-mewt. Din hija rejaltà.

Il-fidi tagħna tħejjijna li għall-fidi Nisranija tagħna irridu inħallsu prezz qares. Il-Kelma ta’ Alla, sewwasew fil-vanġelu skont San Mark li nkiteb fil-kuntest ta’ persekuzzjoni,  tgħidilna ċar u tond: “

“Oqogħdu attenti! Għad jagħtukom f’idejn il-qrati, isawwtukom fis-sinagogi, u titilgħu quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom. Għax l-ewwel jeħtieġ li l-Evanġelju jkun imxandar lill-ġnus kollha. U meta jeħdukom biex jitilqukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom xi tkunu se tgħidu, iżda tkellmu kif tkunu mnebbħin dak il-ħin stess; għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu s-Santu. L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva”  (Mk 13:9-13).

Isqfijiet, saċerdoti, patrijiet, sorijiet, irġiel, nisa’, ġuvintur, tfajliet, tfal bniet u subjien, aħna ilkoll tgħammidna. Ilkoll ilbisna lil Ġesù Kristu. Ilbisna li Dak li hu “d-dawl tal-bnedmin, id-dawl jiddi fid-dlam imma d-dlam ma għelbux” (Ġw 1:4-5). Jekk hu d-dawl m’hemmx aktar post għal dwal oħra li ħdejh ma jidhrux. Hu “d-dawl veru li jdawwal kull bniedem huwa u ġej fid-dinja” (Ġw 1:9).

U, la int u jien tgħammidna fih, aħna d-dawl tiegħu. Qalilna: “Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar.  Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:14-16).

Ejjew inwasslu lil Ġesù kullimkien! Fuq il-gazzetti, ir-radjijiet, it-televiżjoni, il-websites, il-Facebook, it-tweeter, l-iskype, l-mobile, u kull mezz ieħor tal-kommunikazzjoni soċjali. Ħa nwassluh bl-umiltà, bil-ħlewwa, bir-rispett, bis-sabar u bil-ħniena tiegħu. Nafu li jgħajruna li m’aħniex tolleranti. Imma t-tolleranza trid ġenitur: il-verità. Inkella tisfratta! Titħarbat! U tħarbat!

Ħa nirriskjaw iva nxandru l-fidi li ssalva, Ġesù Kristu! Is-Salvatur tad-Dinja!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: