Waqgħa u qawma


Patri Mario Attard OFM Cap 

Il-ħajja mimlija sorpriżi. U s-sorpriżi, li jistgħu għall-ewwel jintiegħmu pożittivi inkella negattivi, dejjem iħallu effett pożittiv aħħari u dejjiemi. L-għaliex jagħtu tagħlima. Mhux bi tpattija. Imma bħala fejqan u twissija.

Mela f’dawn il-jiem kont miexi. U moħħi dejjem idur. Jaħseb. Illum, jiena u ngħid dan il-kliem, nitbissem. U nidħak ukoll! Għaliex le? Forsi l-għaliex is-sorpriża li se nkellimkom fuqha ma tobsruhiex. Waqt li kont qed naħseb fuq ħsieb mort inqiegħed riġli, ħafif ħafif, fuq biċċa konkos li kienet qed tagħlaq gandott. Mitluf kif kont fi ħsibijieti u għalhekk il-poles li kien hemm apposta ma rajthomx, filli kont fl-art u filli nsibni nieżel u nieżel l’isfel. Iva! Inżilt fil-konkos biċ-ċoqqa b’kollox!

Tistgħu taħsbu kif tħossok meta tinżel hekk, f’daqqa u sabta! Għall-grazzja ta’ Alla inżilt kważi sa’ irkuptejja. Mhux, bħalma darba irrakkuntali wieħed raġel, li kien niżel sa’ għonqu! X’waħdadin hux! Imma anki jekk inżilt sa rkuptejja xorta waħda ħadt qatgħa fi msarni. Is-sabiħa hi li meta ippruvajt nitla’ erġajt żlaqt u ġejt fuq irkopti tal-lemin!

Il-ħin beda għaddej. Il-laqgħa li kelli nattendi għaliha mill-ewwel għedtilha bye bye! U mela jien kont se mmur f’dik is-sala kollni konkos! Imma l-Mulej tassew ħanin. Fil-pront għadda żgħażugħ. Kif rani sa’ rkuptejja bil-konkos qalli: “Patri! Xi ġralek?” Fi ftit kliem irrakkuntajtlu dak kollu li għadda minn għalija. Iż-żgħażugħ, bi tjubija kbira, daħħalni f’daru. Anzi! Ħadni sal-kamra tal-banju ħa naħsel il-qorq, iċ-ċoqqa u riġlejja mill-konkos! Lil dan iż-żgħażugħ rajtu tassew anġlu tal-Mulej! F’dak il-mument ta’ paniku hija tassew barka li Id il-Mulej tkun miegħek b’nies ta’ qalb kbira bħalma kien dan iż-żgħażugħ flimkien ma’ sħabu!

“Int is-Samaritan tiegħi sieħbi!” weġibtu. F’dak il-waqt stajt napprezza aktar il-qalb Maltija. Qalb li, waqt is-saram, tinsa’ kollox u tagħti l-ewwel għajnuna. Qalb li ġiet imsawra mill-wirt għażiż ta’ missirijietna. Il-wirt tal-fidi Nisranija li tgħidlek: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. Minkejja t-tibdiliet li għaddejna u għadna għaddejjin minnhom jidher ċar li dan il-prinċipju għadu sod f’qalbna Maltija. Sod daqs il-konkos li nżilt fih u, li ma kinitx l-għajnuna tal-Mulej permezz ta’ ħaddieħor, żgur li kont nibqa’ mwaħħal fih.

Kull waqgħa fiha qawma! Issa għandi tassew x’nitgħallem! L-ewwel nett li nara fejn nimxi. Ma rridx nintilef daqshekk fil-ħsieb li gandott bil-konkos ma naraħx! Avolja kien filgħaxija. U, it-tieni, il-bniedem tkun taf x’inhu waqt il-mument tal-bżonn. Il-waqt fejn tkun taħt is-salib u ssib xi Ċirinew li jagħtik dik il-palata ‘il fuq. Tgħid b’kumbinazzjoni li dakinnhar rajt dokumentarju sabiħ fuq ir-Redentur tal-Isla? Ma nafx! Madankollu li naf hu li kont jien stess li gawdejt mill-benna ta’ Ċirinew daqshekk ħanin li waqaf miegħi f’waqt is-saram.

Żgur li bħali int ukoll sibt min jieqaf miegħek f’xi inċident li għaddejt minnu. Inħeġġek, bħalma inħeġġeġ lili innifsi l-ewwel wieħed, li nies bħal dawn nitolbu għalihom. U nibqgħu rikonoxxenti għal dak li wettqu magħna. Wara kollox, xi darba jew oħra, jaqa’ kulħadd. Imma tassew sabiħa li wieħed isib min jagħtih idejh biex iqajmu mill-ġdid fuq saqajh!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: