Biha infejquh!


Patri Mario Attard OFM Cap

Ġieli ġralek li tibda tinkwieta fuq ix-xejn? Li minn naqra ħsieb il-ħaġa issirlek qartalla? Ġieli ġralek li l-inkwiet f’moħħok jibda’ jikbirlek qisu sponża daqshiex?

Inkwiet fil-ħajja hawn kemm trid! Ġieli nidħlu fih aħna. Għal għadd ta’ raġunijiet. U, xi minn daqqiet, insibuna bħal Pilatu fil-Kredu. Hi x’inhi l-istorja inkwiet jibqa’ ikollna. Il-ħajja hija magħmula mill-inkwiet. Biżżejjed xi ħaġa ma tmurx kif xtaqna. Arana ninkwetaw fuqha! Forsi jekk il-ħaġa nkunu nafu biha aħna biss u mhux ħa toħloq ħafna storjbu abbli tgħaddi. Imma ħej jekk se jkun involut fiha ħaddieħor allura ħa nibdew ninkwetaw u ġib lil min jinkwieta!

Imma bl-inkwiet biss qatt ma ssolva xejn. Anzi! Li persuna tintefa’ fuq siġġu u toqgħod tagħti fuq wiċċha u tgħid: “X’biċċa gratli x’biċċa ġratli!” Inkella tinfaqa’ tgerger minn filgħodu sa filgħaxija l-affarijiet m’humiex se jittranġaw. Biex jittranġaw wieħed irid jaħdem fuqhom. Tajjeb ngħidu li l-inkwiet joħdilna saħħitna. Jaf jixrobilna l-fundamenti ta’ moħħna! Inkwiet iġib inkwiet! Xi ħadd darba qalli: “Naqra inkwiet qatt ma qatlet il-ħadd!” Mitt darba u elf sieħbi! Imma attenzjoni ħbieb għaliex ħafna inkwiet itaqqal. U ma jħallix lil dak li jkun jara sewwa xi jkun qed jiġri madwaru. Aħseb u ara x’inhu jagħmel! Tant hu hekk li ġieli persuni inkwetati sew kemm-il qaluli: “Patri! M’għandix moħħ!” Jiġifieri moħħhom tant kemm huwa meħud minn dak li jkunu għaddejja minnu li lanqas ikollhom moħħ jaħsbu fi ħwejjeġ oħra! Li, ħafna drabi, jafu jkunu ħafna aktar importanti mill-inkwiet tagħhom!

Mhux kull inkwiet l-istess. Hawn ċertu inkwiet li jispiċċa l-għaliex is-sitwazzjoni tista’ tittranġa. Filwaqt li hawn inkwiet ieħor li ma jmurx ukoll. Għalkemm xorta waħda jista’ inaqqas l-intensità tiegħu. Int ħu l-każ meta, ngħidu aħna, titlef mowbajl. Jiswa kemm jiswa flus il-mowbajl dejjem hemm soluzzjoni għalih. Jew jinstab. Inkella wieħed jixtri ieħor. Iżda hawn telfiet li ma ġġibhomx lura. Qed nirreferi għal dawk it-telfiet ta’ familjari, qraba u ħbieb. Ibda minn dawk it-telfiet li nkunu mħejjija għalihom. U spiċċa minn oħrajn li jseħħu ċum bum! Il-Mulej jiskansana minn dawn it-telfiet li jaqtgħu fil-laħam il-ħaj! Mhux l-ewwel darba li f’moħħi u f’qalbi jidwu l-frażijiet li jgħiduli, minn żmien għal żmien, il-familjari u l-qraba ta’ xi ħadd għażiż li jkun għadu kemm ħalliena fl-Isptar. “Patri! Issa kif se nġibu lura?” X’vojt ħallhieli!” Mhux ta’ b’xejn li ġieli sibt min jgħidli: “X’sens fadlilha ħajti?”

In-niket dejjem niket. L-aktar dan it-tip ta’ niket li jiġi fuq il-persuni bħal mewġa daqshiex! Ajma x’tsunami ta’ niket dak! Madankollu, anki f’dawn il-mument diffiċli, il-ħajja trid tissokta. Minkejja li t-telfa tibqa’ tnixxi d-demm. Għaliex il-ħajja bilfors li trid tibqa’ għaddejja. Irrispettivament minn dak kollu li ngħaddu minnu! Dan jgħidulna saħansitra ġisimna stess. Kemm se ndum ma niekolx? Kemm se ndum ngħid li l-istonku ingħalaqli? Fl-aħħar jrid jasal dak il-mument li niftaħ ħalqi u niekol. Fl-aħħar irrid inqabbad ma’ fommi dik it-tazza mimlija ilma, lumintata, birra jew inbid. Ġismi jrid jgħix. Bil-ħtiġijiet tiegħu qed jgħidli l-ħajja trid tkompli

U, la l-ħajja ma waqfitx, anki meta seħħu l-agħar diżażtri naturali jew dawk li ġew mill-bniedem, huwa importanti li f’dawn il-mumenti naraw x’nagħmlu biex bl-inkwiet il-kwart ma jsirx ratal f’rasna! Darba, f’quddiesa li kelli fil-Knisja tagħna l-Kapuċċini f’Għajn Dwieli, l-Mulej għallimni vers ħelu imma qawwi li rrid ngħidu lil moħħi spiss. Speċjalment meta jaqbad jinkwieta u jinkwieta! Meta Ġesù ħass lil Ġajru, il-kap tas-sinagoga, jinkwieta l-għaliex sema’ lin-nies jgħidulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?” (Mk 5:35) qallu: “Tibżax, biss inti emmen” (Mk 5:36).

Meta naqbdu lil moħħna jinkwieta u jħammem fuq ix-xejn l-għaliex ma ngħidulux: “Tibżax, biss inti emmen” (Mk 5:36)? Din il-Kelma ta’ Ġesù! Biha infejquh!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: