Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-vanġelu tal-ħniena

Il-vanġelu tal-ħniena


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-messaġġ tal-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku għall-Jum Dinji tal-Emigrant u tar-Refuġjat kien f’sintonija perfetta mal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena li aħna qiegħdin niċċelebraw bħala Knisja. Il-qalba tal-messaġġ ta’ Papa Bergoglio kien jikkonċentra fuq il-vanġelu tal-ħniena.

Ma tiftaħx il-ġurnali jew ma tarax il-bulletini tal-aħbarijiet u ma tismax fuq l-emigrazzjoni illegali. Ilkoll nafu bit-tbatija li dawn ħutna jgħaddu minnha bil-għan li jaslu fil-pajjiż tal-ħolm tagħhom. Dak li jġagħlhom jaħabru minn pajjiżhom huma l-gwerrer, il-ġlied, il-faqar, id-diskriminazzjoni u l-bqija. Jaħarbu minn art twelidhom biex isibu post aħjar fejn ikunu jistgħu jgħixu l-kumplament ta’ ħajjithom. B’xorti ħażina dawn ħutna li, fi kliem il-Papa, huma “vittmi tal-vjolenza u tal-faqar”, spiss jispiċċaw “abbużati mit-traffikanti tal-bnedmin”. Barra minhekk meta jiskapulawha minn diffrejn dawn in-nies li jittrattawhom b’tant kefrija isibu ostakolu ieħor ma’ wiċċhom: ilsien in-nies ta’ uħud miċ-ċittadini tal-pajjiż li jkun qed jospitahom. Mhux l-ewwel darba li r-refuġjati u l-emigranti jkollhom “jħabbtu wiċċhom ma’ realtà fejn jinbtu s-suspetti u l-biża’”. Il-Papa żied jgħid ukoll li dawn ħutna li qed ibatu spiss iħabbtu wiċċhom ukoll “ma’ nuqqas ta’ normattivi ċari u prattikabbli li jirregulaw is-soġġorn tagħhom u jipprovdu prattiċi ta’ integrazzjoni għal żmien qasir jew fit-tul, b’attenzjoni għad-drittijiet u d-dmirijiet ta’ kulħadd”.

Il-ħsieb aħħari tal-Papa Franġisku wara t-titlu tal-messaġġ għall-Jum Dinji tal-Emigrant u tar-Refuġjat, jiġifieri “Emigranti u refuġjati jsejħulna.  It-tweġiba tal-Vanġelu tal-ħniena,” huwa li “l-Vanġelu tal-ħniena llum iħarrek il-kuxjenzi, ma jħallix li wieħed jidra jagħlaq għajnejh għat-tbatija ta’ għajru u juri tipi ta’ risposti li għandhom għeruqhom fil-virtujiet teologali tal-fidi, it-tama u l-imħabba, u li jinbtu mill-opri tal-ħniena spiritwali u materjali”.

Tajjeb iżda li naraw ftit min huma tabilħaqq l-emigranti u r-refuġjati fid-dawl Nisrani. Il-Papa jagħtina tweġibiet mill-aktar interessanti li jħalluna nagħrblu sewwa ħa nagħrfu ma’ min qiegħdin tabilħaqq nittrattaw. Ifissrilna Papa Franġisku:

“Hu importanti li wieħed iħares lejn l-emigranti mhux biss skont jekk l-istatus tagħhom hux regolari jew le, imma fuq kollox bħala persuni li, minħabba d-dinjità tagħhom, jistgħu jagħtu sehemhom għall-ġid u l-progress ta’ kulħadd, b’mod partikulari meta jassumu b’responsabbiltà d-dmirijiet fil-konfront ta’ min jilqagħhom, u jirrispettaw b’rikonoxxenza l-patrimonju materjali u spiritwali tal-pajjiż li jilqagħhom, filwaqt li jobdu l-liġijiet u jħallsu l-kontribuzzjonijiet li suppost iħallsu. Madankollu, wieħed ma jistax jirriduċi l-emigrazzjoni għal dimensjoni politika u leġiżlattiva, għal implikazzjonijiet ekonomiċi u għal koeżistenza ta’ kulturi differenti fl-istess territorju. Dawn l-aspetti huma kumplimentarji għall-ħarsien u għall-promozzjoni tal-persuna umana, għall-kultura tal-inkontru tal-popli u għall-għaqda, fejn il-Vanġelu tal-ħniena jispira u jinkoraġġixxi mogħdijiet li jġeddu u jbiddlu lill-umanità kollha.”

Għaliex l-emigranti għandhom id-dinjità tagħhom? L-għaliex, bħali u bħalek, ġew maħluqa xbiha ta’ Alla u mifdija bid-demm ta’ Kristu. Mela, bħali u bħalek, huma r-riċevituri tal-ħniena ta’ Alla l-Missier. Ejjew ma ninsewx li int u jien nirċievu bil-bosta l-ħniena ta’ Alla l-Missier kull ħin u kull mument. Għalhekk, kif ifisser tant tajjeb il-Papa Franġisku, “il-ħniena mogħtija minn Alla fil-fatt tagħti lok għal sentimenti ta’ gratitudni mimlija ferħ għat-tama li fetaħ għalina l-misteru tal-fidwa fid-demm ta’ Kristu.  Din, imbagħad, tmantni u ssaħħaħ is-solidarjetà lejn ħaddieħor bħala bżonn ta’ tweġiba għall-imħabba gratwita t’Alla, ‘li ġiet imsawba f’qalbna permezz tal-Ispirtu s-Santu’ (Rum 5,5)”.

Huwa l-għaliex aħna irċevejna bil-bosta l-ħniena ta’ Alla f’ħajjitna li “kull wieħed minna hu responsabbli tal-ġar tiegħu: aħna kustodji ta’ ħutna, kull fejn jinstabu”. Ejjew ma ninsewx li, kif jgħidilna l-Papa Franġisku, “il-ħarsien ta’ kuntatti personali tajba u l-ħila li negħlbu l-preġudizzji u l-biża’ huma ingredjenti essenzjali biex nikkultivaw il-kultura tal-laqgħa, fejn dak li jkun hu lest mhux biss biex jagħti, imma anki biex jirċievi mingħand ħaddieħor. Fil-fatt, l-ospitalità tistagħna billi tagħti u tirċievi”.

Konxja mit-tbatijiet li l-emigranti ħutna għaddejjin minnhom il-Papa jgħid li “l-Knisja hi qrib dawk kollha li jagħmlu li jistgħu biex jiddefendu d-dritt ta’ kulħadd li jgħix b’dinjità, fuq kollox li jeżerċita d-dritt li ma jemigrax biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-pajjiż nattiv”. L-Isqof ta’ Ruma issokta jgħid li “dan il-proċess għandu jinkludi fl-ewwel livell, il-bżonn li jiġu mgħejjuna l-pajjiżi minn fejn jitilqu l-emigranti u r-refjuġati.  Hekk ikun ikkonfermat li s-solidarjetà, il-kooperazzjoni, l-interdipendenza internazzjonali, u t-tqassim ekwu tal-ġid tad-dinja huma elementi fundamentali biex issir ħidma profonda u determinata fiż-żoni minn fejn jitilqu l-emigranti, biex jonqsu dawk l-iżbilanċi li jġiegħlu lin-nies, bħala individwi jew kollettivament, jabbandunaw l-ambjent naturali u kulturali tagħhom”. Il-Papa qal li “f’kull każ, hemm bżonn li jiġu evitati, jekk hu possibli sa mill-bidu nett, il-ħarba tar-refuġjati u l-eżodu minħabba l-faqar, il-vjolenza u l-persekuzzjoni.”

Fl-għeluq tal-messaġġ tiegħu Papa Franġisku fakkar li “fl-għeruq tal-Vanġelu tal-ħniena il-laqgħa u l-merħba lill-barrani jingħaqdu mal-laqgħa u l-merħba lil Alla: li tilqa’ lill-ieħor ifisser li tilqa’ lil Alla nnifsu!” Il-Papa appella lill-emigranti u lir-refuġjati: “Tħallux li jinsterqulkom it-tama u l-ferħ tal-għejxien li jnixxu mill-esperjenza tal-ħniena t’Alla li tintwera fin-nies li tiltaqgħu magħhom f’ħajjitkom”.

Jalla ż-żewġ bibien li nfetħu nhar is-Sibt 16 u l-Ħadd 17 ta’ Jannar f’Lampedusa ifakkruna fid-dmir tagħna, ilkoll kemm aħna, li ngħinu lill-emigranti jintegraw ruħhom magħna. U aħna magħhom. It-tieni bieb li nfetaħ f’Lampedusa nhar il-Ħadd 17 ta’ Jannar, li m’huwiex dak ta’ Knisja imma monument ta’ memorja għal dawk l-emigranti li tilfu ħajjithom, bl-isem ta’ Bieb għall-Ewropa, jfakkarna li anki dawn ħutna għandhom id-dritt bħalna li jkollhom ġejjieni aħjar. Ejjew, għal darb’oħra, inħallu kliem Papa Franġisku, fil-katekeżi li ta nhar l-Erbgħa 18 ta’ Novembru 2015, jimla’ l-qalbna bil-kuraġġ, bit-tama u b’impenn għal soċjetà mibnija fuq il-ġustizzja, il-paċi u s-solidarjetà. “Sa jkun hemm il-bieb imqaddes, imma hemm ukoll il-bieb tal-ħniena kbira ta’ Alla! Ħa jkun hemm ukoll il-bieb tal-qalb tagħna biex kulħadd jirċievi l-maħfra ta’ Alla u min-naħa tagħna nagħtu wkoll il-maħfra tagħna, u nilqgħu lil dawk kollha li jħabbtu fuq il-bieb tad-dar tagħna”.

Ejjew ngħixu bil-vanġelu tal-ħniena!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: