Tal-gdim!


Patri Mario Attard OFM Cap   

Meta nkun qed naħdem l-Isptar mhux l-ewwel darba li jiġu fuqi persuni u jistaqsuni: “Patri. Fejn hu l-minus one jekk jogħġbok?” U jien, l-għaliex l-esperjenza fl-Isptar dejjem tgħallimni, nitbissmilhom waħda u ngħidilhom: “Jaqaw qiegħdin tistaqsu għad-Dental?” Jiġifieri tas-snien. U t-tweġiba tagħhom dejjem tkun: “Hekk hu Patri!”

Kemm jiġu nies għas-snien fl-Isptar! Is-snien! Kemm huma importanti! Mingħajrhom ma nkunux nistgħu nidħnu l-ikel. Lanqas ma nkunux nistgħu ngħinu lill-istonku tagħna biex jidħan l-ikel li nżoqquh jew li ngħabbulu. Sintendi … jiddependi mill-każ li jkun! Mela s-snien mhumiex biss għall-ornament. Biex meta nieħdu r-ritratt jiġi jidher dak ix-xedaq snien bojod ħalib! Donnhom kolonni żgħar ta’ l-avorju! Is-snien għandhom il-funzjoni speċifika tagħhom f’ġisimna.

Is-snien ifakkruni fil-gdim. Din il-biċċa tal-gdim tgħidx kemm hi interessanti. Immur fejn immur tgħidx kemm nismagħha din l-espressjoni tvenven daqs ir-riħ ma’ widnejja! “Ara x’inhi sabiħa! Tal-gdim!” X’irridu ngħidu biha din tal-gdim? Meta staqsejt lil xi wħud qaluli li aħna ngħiduha għat-trabi u t-tfal. Tant kemm narawhom gustużi f’għajnejna li ngħidulhom: “Ara x’inhu ħelu! X’inhi ħelwa! Tal-gdim!” Għax sbieħ. Simpatiċi. Għax daqskemm huma sbieħ jiġbduk! Imbagħad, dawn it-talin, fakkruni fil-qawl Malti: “Min jigdem iħobb u min joqros jogħbod”. U għaliex dan? L-għaliex min joqros iweġġa’. Mela kelma jew kumment mhux f’postu ikun ħafna aħjar għalija jekk nagħlaq ħalqi u nibla’ ilsieni u ma ngħidux! Jekk ma rridx li ninbgħad bla bżonn għall-ilsieni!

Intant. Il-qawl qal: “Min jigdem iħobb”. Imma veru li min jigdem dejjem iħobb? Id-darba l-oħra kien hemm raġel u qalli: “Illum tassew li ma tista’ tafda lil ħadd Patri! Anki l-akbar ħabib tiegħi gidimni!” Dan ir-raġel feda f’ħabibu u qliegħ! Ittradih! Qegħdin iva ngħixu f’soċjetà fejn hawn ħafna gdim. Abbli anki l-baħar issa tbattal mix-sharks. Għaliex issa x-sharks rabbew is-saqajn u bdew iduru magħna! Imma ejja ma mmorrux ‘il bogħod. Ikoll kemma aħna, xi darba jew oħra, gdimna lil xi ħadd. Imqar b’kelma mhux flokha.

Ilkoll ngħaddu mill-esperjenza tal-qawl Latin: mors tua vita mea. Jiġifieri l-mewt tiegħek u l-ħajja tiegħi. Mhux it-tigra biss li tilmaħ lil dik il-povra ċerva u tiġri ġirja warajha sakemm taħtafha, tqattagħha u tikolha ħajja. Hawn min iħobb jgħarrex, jispottja u jqatta’ l-priża tiegħu u tagħha tgħidx kemm. X’jimpurtah u x’jimpurtaha li lil dik il-persuna jkun kisrilha u kisritilha ħajjitha? L-aqwa li tajjeb u tajba jien! Il-ħajja mhux malajr tgħaddi?

Taħsbux li dan isir b’xi delitt tafux! Imqar b’dak id-diskors jew daqqa ta’ pinna li iċajpar jew toskura l-fama tal-persuna vittma. Basta jilħaq minflokha hu. Basta issa tgħaddi tagħha. Basta jieħu dak li jrid. Hawn oħrajn li, bl-iskuża tan-negozju, arahom dejjem attenti ħa jaraw lil min jigdmu. Inkella jbellgħu prodotti lill-konsumaturi li ma jkunux tal-livell li suppost ikunu. Biex ma nsemmux it-tellieqa mġenna għall-promozzjonijiet. Addijo l-edukazzjoni li nkun ħadt. Il-please jew it-thank you, jekk jien kollni Ingliżati. Ommi Mà kif minn nagħġa insir bhima feroċi li lest li nagħmel ħerba minn dak kollu li jiġi quddiemi! Basta li dak il-post nieħdu, u issa ħa ngħiduha a la Ingliża wkoll, at all costs! Imma xi prezz għoli qed inħallas jien li lest li nittradixxi u nbiegħ saħansitra lill-familti u anki lil ruħi stess basta nieħu dak li noħlom bih!

Gdim bħal dan hemm bżonn li jiġi mwaqqaf u evitat minnufih. Il-prezz li nħallsu għalih huwa kbir wisq. Jekk ħadd ma jibda’ ikollu fiduċja fija, l-għaliex jien mhux ta’ min jafdani, din hija l-agħar gidma li nista’ niġi migdum u migduma biha. Hija ħafna agħar mill-gidma li nkun gdimt jien lill-oħrajn. U x’lant hu li għall-gidma li nigdem l-għaliex ikolli ġuħ kbir għas-setgħa, għall-flus jew għall-pjaċir, inħalli lix-xitan jigdimli u jqattagħli barra minn ruħi l-ħniena, l-imħabba, il-ħbiberija, ir-rispett u l-lejaltà? Anqas ħaqq id-demm tan-niket li jibda’ jgelgel mill-ġerħa tiegħi!

U le! Ħallini mill-gdim! Snieni nużahom biex niekol ikel li jagħtini s-saħħa. U mela biex nigdem lin-nies?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: