Kesaħ!


Patri Mario Attard OFM Cap 

“Kesaħ!” Hekk ngħidu meta, bħal dan iż-żmien, ifettlilna noħorġu barra u ma jkollniex biżżejjed ħwejjeġ li jħarsuna mill-kesħa fina li qed tagħmel. Mela iġri ‘l ġewwa sieħbi għall-irdoss!

Kesaħ! L-għaliex mhux suppost li għandu jkun kiesaħ. Almenu hekk nistħajlu f’moħħna. It-temp għandu wieħed li joġgħobna. U mhux igerrixxna. Ħallieha li hawn min jippreferilek temp kiesaħ. “Għax l-hena tiegħi hi li noqgħod id-dar nara xi DVD sabiħ!” jgħidlek. Avolja l-mara tkun trid toħroġ naqra. Insomma, gosti!

Il-kelma “kesaħ!” tidħolli f’qalbi kull darba li nismagħha. Tfakkarni fil-kesħa. Li tkun kemm tkun b’saħħtek żgur li ma tissaportihiex. Il-kesħa, għalkemm hi tajba għal ċerti affarijiet, żgur li m’hiex tajba għall-aktar ħaġa li int u jien, mingħajrha, ma ngħixux: l-imħabba. Il-qalb qiegħdha hemm mhux sempliċiment biex tippompja d-demm u daqshekk. Il-qalb qiegħdha hemm biex tagħti u tirċievi. U x’inhu dak li tagħti u dak li tirċievi? Ikilha: l-imħabba!

Il-qalb qiegħdha hemm biex tissaħħan u issaħħan bl-imħabba li tagħti. Huwa mill-qalb li aħna niddeċiedu jekk bniedem insalvawhx inkella noqtluhx. Jekk nilqgħuhx jew inqaċċtuh minn fostna. Il-qalb hija t-tron jew tad-dinjità tagħna l-bnedmin. Inkella, minn naħa l-oħra, il-post fejn nafu naqgħu fl-aktar livelli moqżieża ta’ mġieba. Meta lil ħutna inbarruhom u noqtluhom b’kull mod. B’Kelma. Għemil. Jew sempliċi attitudni.

Il-qalb hija msejħa għalhekk li issaħħan lid-dinja tagħna b’għemejjel li jtejbu l-ħajja tal-iżvantaġġjati. L-ewwel nett nibdew minn dawk li magħhom ngħixu. Kemm djar fostna, b’xorti ħażina, tidħol u jkollok tilbes il-kowt tal-fer. Saħansitra f’sajf jaqli l-ġrieden bis-sħana u l-għaraq! U għaliex dan? Għax it-tifel ma jkellimx lil ommu jew lil missieru. U kif jazzardaw ikellmuh arah iberrqilhom ħa jħalluh bi kwietu. U t-tifla thedded li titlaq mid-dar jekk fid-dar ma jsirx eżattament dak li trid hi. Anki jekk id-dar mhux tagħha. U s’issa, mid-dar, ħlief tini tini ma għamlitx.

F’postijiet tax-xogħol jeżiżtu piki kesħin għaddejjin ukoll. Piki fini li jherru l-ġid komuni tal-intrapriża li tkun. Kompetizzjoni li twassal biex żewġ persuni jaslu li jagħmlu kull intopp lil xulxin basta wieħed jidher li qed ikisser lill-ieħor. Imbagħad, meta jkollhom jiltaqgħu l-għaliex ma jistgħux jagħmlu mod ieħor, dak li jkun jieħu dik id-distanza kiesħa biex iwassal il-messaġġ lill-persuna l-oħra li “miegħi m’għandekx x’taqsam!” Jew “iddendilx kusek miegħi!”

Ħasra meta din il-kesħa ġieli issibha fil-Knisja stess. Persuni ma jkellmux lill-oħrajn. Uħud jaraw kif jagħmlu u jaħarbu l-għaliex ġej it-tali. U t-talija. Ma nafx kif nippretendu li Ġesù jasal għand l-oħrajn meta dnubiet bħal dawn jibqgħu għaddejjin. Qisu qatt ma ġara xejn! Humiex dawn id-dnubiet skandalużi gambetti ħoxnin li ma jħallux il-messaġġ tal-paċi li ġabilna Ġesù milli jidħol fil-komunitajiet tagħna ħalli jibdel lis-soċjetà tagħna?

Irridu naħdmu iżjed ħalli nsaħħnu dan il-pajjiż mhux bil-heaters daqskemm bl-imħabba ta’ bejnietna. Irridu nieqfu mill-misħut vizzju li lil dawk inkellmuhom u lil dawk le. Irridu nieqfu nieħdu d-distanzi. Anki meta ma naqblux għandna nibqgħu inkunu aħwa bejnietna.

Veru li l-kesħa ta’ bħalissa ma nistgħu nagħmlulha xejn milli tkompli tolqot lill-pajjiżna madankollu qalbna nistgħu nedukawha biex taħfer u tirrikonċilja ruħha. Ħallina mela minn “Kemm kesaħ!” Ejjew insaħħnu qlubna bl-imħabba reċiproka ta’ bejnietna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: