Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Tiratur ta’ klassi kbira

Tiratur ta’ klassi kbira


 Patri Mario Attard OFM Cap

Hekk nafu lil għażiż ħabib u prim kuġin tal-għażiż Missieri, Joe Attard. Joe jibqa’ immarkat ħafna f’qalbi mhux biss l-għaliex huwa demmi imma wkoll minħabba t-tagħlim kbir li tani f’ħajtu. U, fuq kollox, fil-passaġġ tiegħu għall-ħajja ta’ dejjem.

Ħaġa mill-isbaħ li taffaxxinani f’Joe hija l-pożittività tiegħu. Meta niftakar fih mill-ewwel jitla’ f’moħħi u f’qalbi dak li kien jgħid il-player Amerikan tal-baseball Wade Boggs: “Attitudni pożittiva tikkawża rejazzjoni katina għall-ħsibijiet pożittivi, ġrajjiet u konsegwenzi. Hija katalista u tikkawża riżultati straodinarji”.

Dan nista’ ngħidu b’wiċċi minn quddiem fuq sport li Joe kien surmast tas-surmastrijiet fih: l-isparar fuq il-plattini. Kemm ili nafu Joe kien wieħed mill-aqwa tiraturi li qatt rat ix-xena lokali tal-isparar. L-ewwel nett fid-dixxiplina Ball Trap. Kemm il-kompetizzjoni rebaħ! Ruxmata trofej. Gzuz ta’ snieter ta’ kanna. L-istraigths (jiġifieri meta l-25 plattina jintlaqtu kollha) li għamel Joe ma ngħoddhomx! Minn barra l-ewwel kanna Joe kien ħafif ħafna fit-tieni tir. Kemm kisser plattini bit-tieni kanna!

Dixxiplina oħra tal-isparar li Joe kien tassew jeċċella fiha kienet l-Olympic Trap. Għadni narah qisu issa quddiemi ikkonċentrat fuq l-istation qabel jispara. Bħalma darba qalli wieħed  anki jekk kien jispara b’lasta Joe ukoll kien jagħmel straight! Joe, flimkien mal-għażiż ħija Silvio, seħħlu imur jirrapreżenta lil Malta fl-14-il edizzjoni tal-Logħbiet tal-Commonwealth li kienu saru f’Auckland, New Zealand. Sewwasew mill-24 ta’ Jannar sat-3 ta’ Frar tal-1990. Fil-kompetizzjoni tal-Olympic Trap Joe kien kiseb riżultat tasew prestiġġjuż għall-pajjiżna. F’dawk iż-żminijiet, fejn it-tiraturi ma kienux sponsorjati imma kienu jħallsu kollox minn bwiethom, Joe seħħlu jidħol mal-ewwel tmienja.

Sparatura oħra mill-aqwa ta’ Joe li tibqa’ stampata f’moħħi u f’qalbi kienet l-All Malta Championship tal-1986. Dakinnhar Joe tella’ score fenomenali meta laqat 186 plattina minn 200. Kulħadd baqa’ imbellaħ bl-istraights u l-erbgħa u għoxrinijiet li beda jolqot Joe fir-rounds li spara. Personalment kien impressjonani għall-mod kif kien laqat ċertu plattini li tassew kienu angolati u kienu jiġru daqs ir-riħ! Għadni niftakar s’issa l-applaws kbir li tajnieh u kemm erfajnieh ‘il fuq. Anki jien, li dak iż-żmien kelli biss 14-il sena, erfajt fih ukoll! F’dak il-jum Joe kien uriena li kien tassew champion kbir!

F’waħda miż-żjarat li għamiltu d-dar dan l-aħħar niftakru jgħidli fil-kċina: “F’dak il-ħin, meta nkun fuq l-istation, l-unika żewġ persuni li jeżiżtu fuq wiċċ id-dinja huwa jien u l-plattina”. Ir-riżultati kienu juru waħedhom il-kalibru ta’ Joe. Il-konċentrazzjoni tiegħu kienet tikxef kemm dan il-bniedem kbir kien eżatt u ddedikat għall-aħħar fl-isport tiegħu. Kif nista’ ninsa’ il-mod kif kien iżomm iċ-chip tas-senter qabel jispara? It-tefa’ ta’ wiċċu ‘l quddiem, l-akkumpanjament tiegħu tal-plattina, u, fuq kollox, l-addattament li kien jagħmel skont l-irjieħ tar-range li jkun, għadhom s’issa jitilgħuli quddiemi.

Atleta kbir tinduna bil-kalibru tiegħu mill-ammont ta’ ħin li jqattagħlek jittrenja. Għadni nistennieha ġejja l-Honda wine Civic, kull nhar ta’ Sibt għas-1.15 pm bum ta’ wara nofsinnhar, biex hu u ħija Silvio jmorru jittrenjaw fir-Range tal-isparar tal-Bidnija flimkien.

Avolja għaddew mat-33 sena minn dan li qed nirrakkkonta imma l-qawl Ingliż, practice makes perfect, rajtu jseħħ fuq front ieħor fil-ħajja ta’ Joe. Dan l-isportiv kbir kien bniedem li l-fidi Nisranija tiegħu kien jipprattikaha. Ma ninsa qatt il-karità moħbija li kien jagħmel. U, fuq kollox, għall-mod Nisrani kif għex il-marda tiegħu. Kull darba li kont inżuru wiċċu kien jixgħel meta kont nistiednu biex inqarru u inqarbnu. Kemm sab komfort fit-talb Joe! U l-iżjed fil-Kurunella tal-Ħniena Divina li tant kien iħobb! Mhux ta’ b’xejn li ftit sigħat qabel ma’ ħalliena Joe kellu x-xorti li jiġi akkumpanjat b’din it-talba qawwija fi triqtu lejn is-Sema.

Joe, grazzi kemm għallimtni. Grazzi li nissilt fija x-xewqa li nibqa’ nitgħallem f’ħajti. Li naħseb u nagħrbel qabel infattarha. Li nkun pożittiv. Ħa nimmisjak ħafna flimkien ma’ martek, uliedek, ħutek u qrabatek. Joe, int tiratur ta’ klassi kbira għaliex irbaħt l-aqwa kompetizzjoni, kissirt l-aqwa plattina, is-salvazzjoni ta’ ruħek! Prosit Joe! Nitolbu għalik! Itlob għalina!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: