Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Bil-wifi jew bil-cable?

Bil-wifi jew bil-cable?


Patri Mario Attard OFM Cap

Wifi! Cable! Kulħadd isemmihom! Illum qiegħdin ngħixu fi żmien tal-informatika sieħbi! Jekk għadek mintix midħla tal-kompjuter inħeġġek ħalli tkun. Din mhix kwistjoni ta’ lussu! Dan sar bżonn!

Il­-wifi u l-cable huwa forom ta’ kif wieħed ikun jista’ jidħol fis-sistema tal-Internet. Niftakar li meta smajt għall-ewwel darba bl-Internet, jiġifieri fis-sena 1998, kont issaħħart bl-idea li daqstant miljuni ta’ nies madwar id-dinja jirnexxielhom jikkomunikaw ma’ xulxin permezz ta’ katina ta’ kompjuters! X’idea ġenjali!

Mhux sabiħa jew li tkun tista’ tkellem lill-ħbiebek u l-qrabatek li qiegħdin tant ‘l bogħod minnek b’mod virtwali? Dak il-ħin stess? Qabel dawn il-ħwejjeġ konna tabilħaqq noħolmuhom! Imma illum, għall-grazzja ta’ Alla, letteralment ngħumu fihom!

Madankollu l-biċċa tal-wifi u l-cable minn dejjem baqgħet tiffittali l-moħħi u l-qalbi. Imma l-wife u l-cable x’għandhom x’jaqsmu ma’ ħajjitna ta’ kuljum? Għall-ewwel ma tantx rajtha r-rabta. Imma mhux meta tibda’ tużahom sieħbi! Il-wifi huwa wireless. Għandek spazzju ristrett fejn tużaħ. M’għandekx il-cable li jxekklek imma kif taqbeż id-distanza tispiċċa bla reception! Biex tuża’ dan is-servizz irid ikollok l-password. Inkella nini tużaħ! Tista’ iddum turieha l-Ipad is-sabiħa? L-għaliex mingħajr servizz tibqa’!

Il-wifi difettuż. Ġieli jmur malajr. Ma jkunx daqshekk b’saħħtu. U, nistħajlek tistaqsini, “int bħalek Patri kif tafu dan kollu?” Ħeqq! Il-mistoqsija oħt il-għerf sieħbi. Darba minnhom tekniku bravu ħafna fil-qasam tal-Internet qgħad jispjegali dawn l-affarijiet bil-kalma kollha. Niftakru jgħidli: “Bil-cable aħjar. L-Internet jidħol aktar b’saħħtu”. Waqt li kien qiegħed jgħidli dan id-diskors mimli għaqal fettilli nitbissem. Il-connection mal-ħajja l-Imgħallem issa urihieli!

Hawn uħud fostna li ittesseraw ruħhom mal-grupp tal-wifi. Jew aħjar ma dawk li jqabblu fejn jaqblilhom. Kollox jagħmlu bl-aptit. Jekk illum għandi aptit ngħinek naqla’ għajnejja u nagħtihomlok. Imma tiġix għada sieħbi, meta nkun bihom, l-għaliex malajr nibgħatek issaqqi l-ħass tal-Marsa u ngħidlek bil-ħatfa: “Ħallini kwiet!” Il-biċċa tax-xogħol hi li lill-Mulej f’ħajjithom għadu jidħol bil-wifi. U l-viżjoni li għandhom tiegħu hija mċajpra. Ġieli jispiċċaw jiddakkru wkoll minn ċertu virus li jismu nofs kedda! Ħeqq! Jiena wkoll ġieli jattakkani! Ajma! L-aktar meta tiġi fuqi xi ġurnata li ma nkun irrid nara lil ħadd quddiem wiċċi!

Issa dan it-tip ta’ virus ikraħ! Fil-fatt il-kelma ta’ Alla, li m’għandiex tidwir ta’ kliem, tkellimna fuqu wiċċ imb’wiċċ! Jogħġobna jew ma jogħġobniex! “U lill-anġlu tal-knisja li hemm f’Laodiċija iktiblu hekk: ‘Dan jgħidlek l-Amen, ix-Xhud fidil u veru, minnu l-bidu tal-Ħolqien ta’ Alla: Jiena naf l-opri tiegħek, u naf li la inti kiesaħ u lanqas sħun. M’hux li kont jew kiesaħ jew sħun! U hekk, ladarba inti biered, u la sħun u lanqas kiesaħ, jiena sa nobżqok minn ġo ħalqi. Int tgħid, ‘Jiena għani, jiena stagħnejt u ma jonqosni xejn’, bla ma taf li l-imsejken huwa int, ta’ min jitħassrek, fqir, agħma u għeri’” (Apk 3 :14-17).

Dan kien tal-wifi miskin! L-għana telgħalu għal rasu! U beda jieħu kollox alla buona! Irtab wisq! U ġralu li għax ħajtu ma kinitx mibnija fuq Ġesù Kristu sar “jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!” (Mt 7:26-27).

Imma dak tal-cable le! Dak huwa minn “dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq 11:28). Jimxi mal-prinċipju li jagħti “lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Lq 20:25). Dan hu dak li jisma’ kliem Ġesù u jwettaq li jgħidlu! Dan huwa dak il-“bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat” (Mt 7 :24-25). X’saħħa! X’ċarezza!

U aħna? Tal-wifi jew tal-cable?

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: