Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > F’dari reġgħet daħlet il-barka!

F’dari reġgħet daħlet il-barka!


Patri Mario Attard OFM Cap

Meta kont żgħir, boċċu boċċu, sħabi kienu jinbxuni: “Hawn ferħan!” Dak iż-żmien tgħidx kemm kont nieħu għalija! L-għaliex, f’dak iż-żmien, kont naħseb li li nkun ferħan ifisser li nkun iblaħ!

Kuntrarju għal dak iż-żmien illum għandi kollox. M’hemmx oġġett li riedtu u ma xtrajtux! Karozzi għandi għal waħda. Tnejn. Tlieta. Kollha tad-ditta eh! Għaliex jien, meta nixtri xi ħaġa, jew nixtrieha sewwa inkella ma nixtrieha xejn! L-affarijiet tad-ditta jinżluli għasel! Hekk għallimni missieri!

Imbagħad ġejt għaż-żwieġ. U lil sħabi ridt nurihom li miegħi ċajt m’hemmx. Għażilt b’marti l-aktar mara faqgħa li kien hemm fir-raħal. Kulħadd kien jgħir għalija meta kienu jarawni għaddej nitkessaħ magħha. U jien, biex nurihom li bħali m’hawnx u, ibqgħu ċerti, li lanqas qatt ikun hawn, ħadtha bl-għeruq u x-xniexel.

Lit-tfajla tajtha minn kollox. Flus. Safar. U, m’għandnix xi ngħidu, xi naqra tat-taħwid ukoll. U illum mhux kulħadd hekk jagħmel x’kull waħda? Iżżewwiġna u kellna żewġ ulied. L-istess. Tajthom minn kollox. Mhux biss ma ridthomx ikunu inqas mit-tfal l-oħra. Ridthom l-aqwa. L-aħjar. Anzi! Aqwa minn aħjar! Minkejja daqshekk flus f’idejja, ħadt l-isbaħ mara tar-raħal, u għandi żewġt itfal li ma tpinġiehomx xorta waħda f’qalbi kien hemm vojt kbir.

Ħsibt li r-raġuni forsi setgħet kienet li mara waħda mhux biżżejjed għalija. Għalhekk mhux l-ewwel darba li mort ma’ xi mara oħra. La money no problem kelli fejn inħallas u nieħu ta’ dak li nħallas. Ma’ marti l-istorja ma tantx kienet sejra sewwa. Dejjem bil-ġlied. U ma nafx kemm-il darba konna wasalna fix-xifer li nisseparaw. Ħsibnieha wkoll biex niddevorzjaw.

Sakemm darba, għajjien b’din il-ħajja, kont se nagħmel biċċa tinkiteb. Kont se noħroġ filgħodu bħas-soltu u nagħmel xi ħmerija. Xejn xejn intemm id-dwejjaq kbar li kelli fija. Qomt. Inħsilt. Ilbist. U tlaqt ‘il barra a la ħanżira! Mingħajr lanqas biss m’għedtilhom: “Bonġu ħnieżer!” Qbadt il-karozza li mmur biha għax-xogħol u ġbidt għall-irdum. Imma, jiena u sejjer, għaddejt minfejn kappella ħelwa u ċkejkna fil-kampanja. Ma nafx għaliex imma inzertat miftuħa. Għalhekk waqqaft il-karozza. Inżilt. Dħalt. U poġġejt bil-qiegħdha.

Fuq is-siġġu kien hemm ktieb tal-kant. Minn dawk li kont insib fuq il-bank tal-knisja meta, tant snin ilu, kont immur kull nhar ta’ Ħadd għall-quddiesa. Ovvjament biex lil ommi nagħlqilha ħalqha. Daqskemm kienet tiffittani biex immur! Bil-fixla u l-uġiegħ ta’ qalb li kelli mhux biss ftaħtu bil-għaġla imma ftaħtu minn wara minflok minn quddiem! Ma nafx. Forsi b’kumbinazzjoni. Imma ġiet quddiem għajnejja talba li tgħidx kemm kont nieħu gost nitlobha meta kont żgħir.

 

Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.

Fejn hemm il-mibgħeda,

ħallini nħeġġeġ l-imħabba;

fejn hemm il-ħtija,

ħallini nferrex il-maħfra;

fejn hemm id-dubbju,

ħallini ndaħħal il-fidi;

fejn hemm il-qtigħ il-qalb,

ħallini nqawwi t-tama;

fejn hemm id-dlam,

ħallini inkebbes id-dawl;

fejn hemm in-niket;

ħallini nxerred il-ferħ.

 

La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ

milli nfarraġ jien;

la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor

milli nifhem lil ħaddiehor jien;

la tħallix li iżjed ikun maħbub,

milli nħobb jien.

 

Għax meta nagħtu,

aħna naqilgħu.

Għax meta naħfru,

aħna nkunu maħfura.

Għax meta mmutu,

nqumu għall-Ħajja ta’ dejjem.

X’ħin qrajtha minn għajnejja bdiet nieżla xmara dmugħ. U le! Kemm jien iblaħ! Issa mbilli ħa nagħtiha għal isfel x’se nsolvi f’ħajti b’daqshekk? L-iżjed li nista’ nasal hu li immut imdejjaq! U arem! U mhux aħjar nitħeġġeġ fl-imħabba, nferrex il-maħfra, ndaħħal il-fidi, nqawwi t-tama, inkebbes id-dawl, inxerred il-ferħ, infarraġ lil ħaddieħor, li nifhem lil ħaddieħor, nħobb? Il-vera ferħ tiegħi mhux b’hekk se nsibu meta nagħti u naħfer?

Minn dakinnhar l’hawn qerrejt qrara tajba. Qed immur għall-quddiesa tal-Ħadd. U nitlob kuljum ma’ marti u wliedi. Qed ngħin lill-batut. U f’dari reġgħet daħlet il-barka!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: