Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > L-ekumeniżmu tad-demm

L-ekumeniżmu tad-demm


Patri Mario Attard OFM Cap

 Mal-bidu ta’ sena ġdida wieħed iħares lura lejn is-sena li tkun għadha kemm għaddiet ħalli jara kif din tkun marret. Xi ħaġa li laqgħtini mis-sena li għaddiet kien in-numru kbir ta’ ħaddiema pastorali li ħallew ħajjithom għall-Mulej Ġesù.

Fil-fatt, skont ir-rapport tal-Agenzia Fides, li tagħmel parti mill-Kongregazzjoni tal-Evanġelizzazzjoni tal-Popli tal-Vatikan, wera biċ-ċar kemm in-numru tal-ħaddiema pastorali maqtula mal-erbat irjieħ tad-dinja s-sena li għaddiet kiber. Il-martri Insara tas-sena li għaddiet jappartjenu għal erba’ kontinenti, jiġifieri dak tal-Amerika, l-Afrika, l-Asja u l-Ewropa. Skont l-istatistika instab li n-numru ta’ ħaddiema pastorali li jaħdmu fil-Knisja Kattolika u li ġew maqtula b’mod mill-aktar vjolenti seħħ hekk: fl-Amerika inqatlu 8 ħaddiema pastorali. Jiġifieri, 13-il saċerdot, 4 sorijiet u 5 lajċi. Fl-Afrika n-numru kien ta’ 3 ħaddiema pastorali. Jiġifieri, 3 saċerdoti, soru u persuna lajka. Fl-Asja insibu 7 ħaddiema pastorali li tilfu ħajjithom. Dawn kienu saċerdot, 2 sorijiet u 4 lajċi. Filwaqt li fl-Ewropa insibu 2 saċerdoti maqtula fi Spanja.

Ir-rapport isostni li l-Isis, il-Boko Haram u d-diskriminazzjoni tal-Insara f’pajjiżi fejn ir-reliġjon qiegħdha f’idejn l-Istat jissokta juri l-qlubija li tkun Nisrani. Anki jekk dan ifisser attakki u massakri. Permezz tar-rapport tagħha l-Agenzia Fides qalet li b’din l-informazzjoni trid tqajjem il-kuxjenza tan-nies ta’ rieda tajba biex ikollna soċjetajiet aktar ġusti u solidali.

Fid-diskors li kien għamel lill-Moviment Tiġdid tal-Ispirtu nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju 2015, fi Pjazza San Pietru, Papa Franġisku tkellem fit-tul fuq dak li sejjaħlu l-ekumeniżmu tad-demm.

“Unità għax id-demm tal-martri tal-lum jagħmilna ħaġa waħda. Hemm l-ekumeniżmu tad-demm. Nafu li dawk li jobogħdu lil Ġesù Kristu qabel ma joqtlu nisrani ma jistaqsuhx; ‘Int Luteran, int Ortodoss, int Evanġeliku, int Battista, int Metodista?’  Int Nisrani!  U jaqtgħulu rasu. Dawn ma jitħawdux; jafu  li hemm għerq li jagħti l-ħajja lilna lkoll u li dan jismu Ġesù Kristu, u li hemm l-Ispirtu s-Santu li jmexxina lejn l-unità! Dawk li jobogħdu lil Ġesù Kristu u li huma ggwidati mill-ispirtu tal-ħażen ma jiżbaljawx, jafu u allura joqtlu mingħajr ma joqogħdu jistaqsu”.

Imbagħad il-Papa biex aktar ikompli jlaħħam u jfiehem x’ried ifisser bl-ekumeniżmu tad-demm irrakkonta storja vera.

“Ser ngħidilkom xi ħaġa, storja vera, li forsi ġa rrakkuntajthielkom. F’belt fil-Ġermanja, f’Hamburg, kien hemm kappillan li kien qed jistudja xi kitbiet minħabba l-kawża ta’ beatifikazzjoni ta’ wieħed saċerdot maqtul min-Nażi, li tawh il-giljottina. Għaliex? Għax kien jgħallem il-katekiżmu lit-tfal. Waqt li kien qed  jagħmel dan l-istudju  sab li ħames minuti wara li qatlu lil dan is-saċerdot, kienu qatlu pastor Luteran għall-istess raġuni. Id-demm ta’ dawn it-tnejn tħallat: it-tnejn kienu martri, it-tnejn kienu martri. Dan hu l-ekumeniżmu tad-demm. Jekk l-għadu jgħaqqadna fil-mewt, ser inkunu aħna li nifirdu lil xulxin fil-ħajja? Ejjew inħallu l-Ispirtu s-Santu jidħol, ejjew nitolbu biex nimxu ‘l quddiem ilkoll flimkien. ‘Imma hemm id-differenzi!’ Ejjew inwarrbuhom u nimxu flimkien f’dak li jgħaqqadna; hemm ħafna affarijiet li huma komuni għalina lkoll: hemm it-Trinità Qaddisa, hemm il-Magħmudija. Ejjew nimxu ‘l quddiem bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu”.

Fid-diskors tiegħu l-Papa semma l-esperjenza tat-23 martri Egizzjan li nqatlu mill-Istat Iżlamiku u l-martri tal-Uganda biex juri li l-ekumeniżmu tad-demm hija xhieda komuni fost l-Insara ta’ diversi Knejjes u denominazzjonijiet.

“Ftit xhur ilu, kien hemm ukoll dawk it-tlieta u għoxrin Eġizzjan Kopti li ġew maqtula fuq ix-xatt tal-Libja; dak il-ħin huma lissnu l-isem ta’ Ġesù. ‘Imma ma kinux Kattoliċi….’ Kienu Nsara, kienu ħutna, kienu martri tagħna! L-ekumeniżmu tad-demm. 50 sena ilu, fil-kanonizzazzjoni taż-żgħażagħ martri tal-Uganda, il-Beatu Pawlu VI kien qal li  ma’ dawn iż-żgħażagħ kien hemm ukoll sħabhom katekisti Anglikani li xerrdu demmhom għall-istess ħaġa. Kienu Nsara, kienu martri. Skużawni, tiskandalizzawx ruħkom, dawn huma l-martri tagħna! Għax fetħu t-triq għal Kristu, u dan hu l-ekumeniżmu tad-demm. Ejjew nitolbu filwaqt li niftakru fil-martri komuni tagħna”.

Kliem Papa Franġisku jfakkarni f’dak li kien qal il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara, il-Kardinal Kurt Koch, fil-laqgħa interreliġjuża li kienet organizzata mill-Komunità lajka Kattolika ta’ Sant Egidio, ġewwa Munich fis-16 ta’ Settembru 2011.

 

“Minħabba li illum il-Knejjes u l-komunitajiet ekkleżjali Insara ilkoll għandhom il-martri tagħhom, jinħtieġ li nitħaddtu dwar ekumeniżmu rejali tal-martri, li jħaddan fih innifsu wegħda sabiħa: minkejja t-traġedja tal-firdiet bejn il-Knejjes, dawn ix-xhidiet qawwija ta’ fidi wrew li Alla nnifsu jżomm, fl-aktar livell profond, il-komunjoni ta’ fidi qalb l-imgħammdin, ikkonfermata mis-sagrifiċċju suprem ta’ ħajjithom… Filwaqt li aħna, bħala Insara u Knejjes, ngħixu fuq din l-art f’komunjoni li għadha imperfetta, il-martri fil-glorja tas-sema huma issa f’komunjoni sħiħa u perfetta”.

Il-Kardinal Koch qal li “anki illum, bħala Insara, għandna ngħixu fit-tama li d-demm tal-martri ta’ żmienna għad xi darba jkun iż-żerriegħa tal-għaqda sħiħa tal-Ġisem ta’ Kristu”. Għalhekk, kif ikkonkluda l-Kardinal Koch, “l-ekumeniżmu tal-martri ma jikkonstitwix biss fin-nukleju tal-ispiritwalità ekumenika imma huwa wkoll l-aqwa eżempju li l-promozzjoni tal-għaqda tal-Insara u l-imħabba preferenzjali għall-fqar huma assolutament inseparabbli”.

Issa li ħa tibda’ l-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Insara (mit-18 sal-25 ta’ Jannar) intom, martri Insara, itolbu għalina ħalli nkunu merħla waħda u ragħaj wieħed! Amen.

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: