Home > Ġenerali > Diskors għal min għandu widnejn

Diskors għal min għandu widnejn


 Patri Mario Attard OFM Cap

Id-diskors tal-Papa Franġisku lill-Kurja Rumana għal żmien il-Milied dejjem iqajjem fuq ix-xwiek sabiex wieħed jieħu azzjoni. F’din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena d-diskors kien imsejjes fuq l-akkrostiku M-I-S-E-R-I-C-O-R-D-I-A. Dawn huwa l-kwalitajiet ta’ min qed iservi lill-Knisja:

Missjonarjetà u pastoralità: “Il-missjonarjetà hi dak li jagħmel, u juri, lill-Kurja fertili u għammiela; hi l-prova ta’ l-effikaċja, ta’ l-effiċjenza u ta’ l-awtentiċità tal-ħidma tagħna… Kull imgħammed hu missjunarju tal-Bxara t-tajba … b’ħajtu, bil-ħidma tiegħu u bix-xhieda hienja u konvinta tiegħu.  Il-pastoralità sana hi virtù indispensabbli speċjalment għal kull saċerdot.  Hu l-impenn ta’ kuljum li nimxu wara r-Ragħaj it-tajjeb, li jieħu ħsieb tan-nagħġiet tiegħu u jagħti ħajtu biex isalva l-ħajja ta’ l-oħrajn.  Hu l-kejl tal-ħidma tagħna fil-Kurja u bħala saċerdoti.  Mingħajr dawn iż-żewġ ġwenħajn ma nkunu nistgħu qatt intiru u lanqas nilħqu l-beatitudni tal-“qaddej fidil” (ara Mt 25:14-30)”.

Idonjetà u għaqal: “L-idonjetà titlob l-isforz personali li niksbu r-rekwiżiti meħtieġa u mitluba biex neżerċitaw bl-aħjar mod il-ħidmiet u l-attivitajiet tagħna, bl-intellett u l-intuwizzjoni.  Din tmur kontra r-rakkomandazzjonijiet u l-ħlas minn taħt. L-għaqal ta’ min moħħu jilħaqlu hu l-prontezza tal-ħsieb li jifhem u jaffronta s-sitwazzjonijiet b’għerf u kreattività. Idonjetà u għaqal …jsegw[u] dak il-vers famuż: ‘Nagħmel kollox bħallikieku Alla ma kienx jeżisti u, wara, inħalli kollox f’idejn Alla bħallikieku jien ma kontx neżisti’”.

Spiritwalità umanità: “L-ispiritwalità hi l-kolonna li żżomm wieqaf kull servizz fil-Knisja u fil-ħajja Nisranija.  Hi li titma’ l-ħidma kollha tagħna, iżżommha wieqfa u tħarisha mid-dgħufija umana u mit-tentazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.  L-umanità hi dik li tlaħħam il-veriċità tal-fidi tagħna… L-umanità hi dak li jagħmilna differenti mill-magni u mir-robots li ma jisimgħux u ma jħossux…  L-umanità tfisser li nkunu kapaċi nimxu bi ħlewwa u familjarità u tjieba ma’ kulħadd (ara Fil 4:5)”.

Eżemplarità u fedeltà: “Eżemplarità biex nevitaw l-iskandli li jfieru l-erwieħ u jheddu l-kredibbiltà tax-xhieda tagħna.  Fedeltà lejn il-konsagrazzjoni tagħna, il-vokazzjoni tagħna, waqt li niftakru dejjem fi kliem Kristu: ‘Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna” (Lq 16:10) u ‘Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar.  Ħażin għaliha d-dinja minħabba l-iskandli!  Għax jeħtieġ li l-iskandli jsiru, imma ħażin għalih dak il-bniedem li minħabba fih isiru l-iskandli’” (Mt 18:6-7).

Razzjonalità u amabbiltà: “Ir-razzjonalità [tgħinna] nevitaw l-eċċessi emottivi u l-amabbiltà biex nevitaw l-eċċessi tal-burokrazija u tal-programmazzjonijiet u l-pjanifikazzjonijiet.  Huma meħtieġa għall-bilanċ tal-personalità: ‘L-għadu josserva tajjeb jekk ruħ hix vulgari jew delikata; jekk hi delikata, jagħmel mod li jagħmilha delikata żżejjed, biex imbagħad iktar iħabbatha u jħawwadha’ (San Injazju)”.

Innokwità u determinazzjoni. “L-innokwità … tagħmilna kawti fil-ġudizzju li nagħmlu, kapaċi noqogħdu lura minn azzjonijiet impulsivi u mgħaġġla.  Hi l-ħila li noħorġu l-aħjar minna nfusna, mill-oħrajn u mis-sitwazzjonijiet billi naġixxu b’attenzjoni u komprensjoni.  Tfisser li nagħmlu lill-oħrajn dak li rridu li jsir magħna (ara Mt 7:12 u Lq 6:31).  Id-determinazzjoni hi li naġixxu b’rieda soda, b’viżjoni ċara u b’ubbidjenza lejn Alla, u biss għal-liġi suprema tas-salus animarum (ara CIC, kan. 1752)”.

Karità verità.  “Żewġ virtujiet indissolubbli ta’ l-eżistenza Nisranija: ‘Nagħmlu s-sewwa fl-imħabba u ngħixu l-imħabba fil-verità’ (ara Efes 4:15)”.

Onestà maturità.  “L-onestà hi r-rettitudni, il-koerenza u l-aġir b’sinċerità assoluta magħna nfusna u ma’ Alla.  Min hu onest ma jaġixxix rettament biss taħt il-ħarsa ta’ min qed jissorveljah jew tas-superjur; l-onest ma jibżax li jinqabad, għax qatt ma jqarraq b’min jafda fih.  L-onest qatt ma joqgħod jordna lill-persuni jew jagħmel tiegħu l-affarijiet li ġew fdati f’idejh biex jamministrahom, bħall-‘qaddej il-ħażin’ (Mt 24:48)… Il-maturità hi li nfittxu li nilħqu l-armonija bejn il-ħiliet fiżiċi, psikiċi u spiritwali tagħna”.

Rispettożità umiltà:  “Ir-rispettożità hi l-kwalità ta’ l-erwieħ nobbli u delikati; tal-persuni li jfittxu dejjem juru rispett awtentiku lejn l-oħrajn, lejn ir-rwol tagħhom, lejn is-superjuri u lejn dawk dipendenti minnhom, lejn il-prattiċi, lejn il-karti, lejn is-sigriet u lejn ir-riservatezza; il-persuni li jafu jisimgħu b’attenzjoni u jitkellmu b’edukazzjoni.  L-umiltà… [tfisser] … li aktar ma jikbru fl-importanza aktar jikber fihom l-għarfien li m’huma xejn u li ma jistgħu jagħmlu xejn mingħajr il-grazzja ta’ Alla (ara Ġw 15:8)”.

Dovizzjożità u attenzjoni.  Iktar ma nafdaw f’Alla u fil-providenza tiegħu, aktar aħna dovizzjużi f’ruħna u aktar aħna miftuħa biex nagħtu, għax nafu li aktar ma tagħti, aktar tirċievi…  L-attenzjoni hi li nagħtu każ tad-dettalji u noffru l-aħjar tagħna nfusna u qatt ma ninsew noqogħdu għassa tal-vizzji u n-nuqqasijiet tagħna.  San Vinċenz de Paul hekk kien jitlob: ‘Mulej, għinni nintebaħ dritt: b’dawk li qegħdin maġenbi, b’dawk li huma mħassbin u mifxula, b’dawk li qed ibatu bla ma juru, b’dawk li jħossuhom waħedhom bla ma jixtiequ’”.

  1. Impavidità prontezza.  Ma tkunx beżżiegħ ifisser ma tħallix id-diffikultajiet ibeżżgħuk…; ifisser taġixxi b’kuraġġ u determinazzjoni u bla distakk “bħal suldat tajjeb” (2 Tim 2:3-4); ifisser tagħraf tmidd l-ewwel pass bla ma toqgħod lura…  Il-prontezza, … hi li tagħraf taġixxi b’libertà u ħeffa bla ma tintrabat mal-ħwejjeġ materjali li jgħaddu…  Tkun pront ifisser tkun dejjem miexi, bla ma qatt ittaqqal iżżejjed lilek innifsek għax tiġbor ħwejjeġ inutli u tingħalaq fil-proġetti tiegħek, u bla ma tħalli l-ambizzjoni titla’ fuq rasek”.

Affidabbiltà sobrjetà.  “Affidabbli hu min jaf jirrispetta l-impenji li għandu jagħmel b’serjetà u kredibbiltà, meta hu osservat imma fuq kollox meta jsib ruħu waħdu; hu dak li jxerred madwaru sens ta’ trankwillità għax qatt ma jittradixxi l-fiduċja li poġġew fih.  Is-sobrjetà … hi l-ħila li nwarrbu dak li hu tal-qoxra u nirreżistu l-loġika konsumistika dominanti.  Is-sobrjetà hi prudenza, sempliċità, essenzjalità, ekwilibriju u temperanza.  Is-sobrjeta hi li nħarsu lejn id-dinja bl-għajnejn ta’ Alla u bil-ħarsa tal-foqra u min-naħa tal-foqra.  Is-sobrjetà hi stil ta’ ħajja li juri l-primat ta’ l-ieħor bħala prinċipju ġerarkiku u jesprimi l-ħajja bħala attenzjoni u servizz għall-oħrajn.  Min hu sobrju hu persuna koerenti u essenzjali f’kollox, għax jaf inaqqas, jirkupra, jirriċikla, isewwi u jgħix bis-sens tal-qies.”

Għandhomx dawn ikunu ukoll il-kwalitajiet tal-politiċi, tal-ġenituri u għal kull min għandu widnejn?

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: