Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-qassis u l-fekruna

Il-qassis u l-fekruna


Patri Mario Attard OFM Cap

Issa daħalli messaġġ. Mela qbadt il-mowbajl u bdejt inwieġbu. Imbagħad ċempilli xi ħadd. Isa! Għafast il-buttuna u bdejt inwieġbu wkoll. U wara kont miexi fit-triq jew fil-kuritur tal-Isptar u waqqafni xi ħadd. Għandu bżonn jitħaddet. Mela ninsa dak kollu li kelli nagħmel ħa noqgħod nisimgħu.

Din m’hijiex biss il-ħajja ta’ sempliċi Patri fil-kunvent li dalgħodu, b’ferħ kbir f’qalbu, qed jieħu gost jiktiblek dawn il-kelmtejn minn qalbu. Din hija ħajtek ukoll. Int li min jaf x’ma tagħmilx u kemm tissallab biex tiekol biċċa ħobż int u titmagħha lill-uliedek. Anzi! Biex inkun aktar eżatt, aħjar ngħid li l-ewwel titmagħha lilhom biex imbagħad, jekk jibqa’, tara jibqax għalik u għas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. Kos hux! Ma tbiddel xejn mill-istess sagrifiċċju li kien isir dahri fil-familji bieżla Maltin u Għawdxin meta, minflok id-dawl qawwi tat-tubi, kien ikollna l-lampi tal-pitlorju. B’dawk it-tubi maħdumin sbieħ u bis-sengħa li allaħares tkun kemxejn salvaġġ magħhom għaliex jiġu f’idejk!

Minn ħaġa għall-oħra! U, aktar m’għandna x’nagħmlu aktar se jkollna x’nagħmlu! Għaliex ix-xogħol iġib ix-xogħol. Issa l-problema m’hijiex ix-xogħol fih innifsu. Ix-xogħol salmura tal-ġisem. Almenu hekk kienu jgħidulna missirijietna. U hekk hu! Il-ġisem ma ġiex maħluq biex jitkaħħal ma’ pultruna ta’ uffiċċju. Lanqas biex iqatta’ s-siegħat qiegħed. Le! Il-ġisem ġie maħluq biex jaħdem. Madankollu, u din irridu ngħiduha l-għaliex qed inħallsu l-prezz qares tagħha, tgħidlix li l-ġisem ġie maħluq biex ikun skjav tax-xogħol tafux. Lanqas ma ġie maħluq biex isir il-maxtura jew biex ifissed l-istress. L-istress ħajjitna qed iġibha fixxa! Jitfagħha lura bħall-granċ! Jirrendieha eżiżtenza u mhux jeżalta d-dinjità tagħha li hi ħajja umana!

L-istress irridu niġġieldulu ħbieb! Ma jistax ikun li qalbna tħabbat aktar milli suppost. Bħalma ma jistax ikun li l-lista tal-ħwejjeġ li għandna nagħmlu tieħu r-riedni hi f’ħajjitna. Ċertu ħwejjeġ iridu jistennew. U għandhom jistennew. U bilfors ikollhom jistennew. Ma ninsa qatt kelma sabiħa li kien qalli saċerdot għaqli waqt li kont nistudja t-teoloġija pastorali: “Jekk ma titgħallimx tieħu brejks qosra fil-ħajja ikollok ta’ bilfors tieħu brejk twil”.

X’għaqal miegħu dan il-qassis! Irridu nitgħallmu nieħdu brejks qosra ħa nimtlew mill-ġdid bl-istammina ħa nkomplu għaddejjin. Dan l-istess bħal meta għandek żiemel tat-trott qed itellaq. Ġerrej f’sensieħ ma jaqbad iż-żiemel u mill-ewwel ineħħielu t-tappijiet minn widnejħ ħa jarma jiġri kemm il-Mulej tah saħħa! Jekk jagħmel hekk ibqgħu ċerti li mal-ewwel dawra tant kemm jgħejja li lanqas ikun jiflaħ idur dawra oħra fit-tiġrija. U mhux biss jispiċċa l-aħħar wieħed imma anki ħmar jgħaddih!

Din sieħeb l-istorja li kienu jgħidulna meta konna żgħar. Jiġifieri dik tal-fenek u l-fekruna. Il-fenek, bil-ġiri u t-tferfix kollu tiegħu, ħaseb li t-tellieqa se jirbaħha hu. Imma x’ġaralu? Ġera ġirja tajba u għejja! U tant kemm għejja li raqad raqda fil-fond li damdmietu u meta qam intebaħ li l-fekruna, li tant kien waqqa’ għaċ-ċajt, kienet rebħietlu hi! Għax il-fekruna, għalkemm kajmana, kull pass li għamlet għamlietu bil-mod. Bil-ħsieb. Bil-paċi. B’persważjoni. Il-qawwa tagħha kienet ġejja mill-fatt li kienet żgura minn dak li kienet qed tagħmel. Kellha ċ-ċans kollu biex taħseb. Tiżen. U twettaq. U, għax kont se ninsa’, mingħajr ħafna paroli ta’ x’se tagħmel u ma tagħmilx! Il-fekruna kienet esperta fl-arti tas-sorpriża. U s-skiet tagħha minflok ħlietu fit-tgergir u l-qtiegħ il-qalb sarrfietu fil-mixja tagħha lejn ir-rebħa!

Ejjew nitgħallmu mill-biċċa għerf tal-qassis u tal-fekruna! Ejjew nitgħallmu nieħdu waqfiet qosra u spissi matul ħidmietna. Ħalli nibqgħu friski! Filwaqt li mill-fekruna nitgħallmu li ħaġa nagħmluha bil-mod u tajba. Bil-ħsieb u bil-galbu. U hekk nagħmluha tajba mill-ewwel u niffrankaw xebgħa ħin nirrepetuha fix-xejn!

Il-qassis u l-fekruna. Wieħed inkullat ‘il fuq fis-sema filwaqt li l-oħra inkullata l-isfel mal-art! It-tnejn li huma jgħallmuna nisktu u nħallu s-skiet imexxina!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: