Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Lilha biss fittixt!

Lilha biss fittixt!


 

Patri Mario Attard OFM Cap

Ismi sar jafu kulħadd. Ma tqallibx ktieb ta’ storja serju li ma tarnix imniżżel fih. Saħansitra anki fil-kotba li jfaħħru ħassieba kbar fl-istorja tal-ħsieb.

L-istudju minn dejjem ħabbejtu. Nammetti! Moħħi kien itini. U jien, ta’ tifel dejjem għatxan biex jitgħallem, xammart idejn moħħi ħa jqallbu kemm jifilħu ħsieb wara l-ieħor. Moħħi kien kartaxuga. Dak li kont naqra mal-ewwel kien jistampa ruħu fit-twavel imlaħħma tiegħu. Għalkemm mhux dejjem kien jitnaqqax fuq it-twavel ta’ qalbi. Għajr il-ktieb ta’ Ċiċerun fuq il-ħbiberija.

Il-ħbiberija! Kemm ħabbejtha! Kien l-għors tiegħi li jkolli l-ħbieb. Qatt ma ridt noqgħod waħdi. L-għaliex il-kumpanija dejjem ħabbejtha. Hijiex ta’ żgħażagħ ġuvintur ta’ mpari. Inkella tfajliet li kienu jogħġbuni. Waħda minnhom laqtgħet il-kordi ta’ qalbi. Inġbiddt lejha b’nirien jaħarqu ta’ mħabba. U mill-passjoni tal-imħabba għaddejt għas-serjetà li tgħix għal min tħobb. Minn din il-mara, li anki illum, wara daqshekk snin, isimha għadu miktub f’qalbi, kelli tifel li semmejt Adeodatu.

Madankollu l-qrusa ta’ ħajti fid-dnub, li tant niktet il-qalb għażiża u ħelwa ta’ ommi Monika, u sfat ir-rovina ta’ qalbi stess, ma setgħetx aktar tinżamm f’ruħi. L-għaliex ruħi, għalkemm mgħarrqa fis-sħana tal-passjoni, kienet qiegħdha tinfena. Postha ma kienx hemm! It-talb ħerqan ta’ ommi, li tant ħabbittni, li kienet kuntenta tissagrifika kull sold li kellha hi u Patrizju missieri għalija, beda jagħmel tiegħu. Għaliex ommi kellha biss xewqa waħda f’ħajjitha: dik li tarani nitgħammed u nsir Nisrani. Għal daqshekk biss hija kienet tgħix.

Jum minnhom bdejt inġib quddiem għajnejja l-ħajja mtajra tiegħi. Għall-ewwel ħsibt li minħabba li kont sirt professur tar-rettorika u r-rhetor tal-imperatur bdejt nimmaġina li dawn l-unuri kienu se jimlewli qalbi. Imma kemm mort imqarraq! Il-pożizzjonijiet, il-pjaċiri tal-ħajja, iż-żina, it-taħwid kienu donnhom bħal blata samma tad-dħin li bdiet tagħfas fuq il-qalb ċkejkna tiegħi. Għiduli intom xi stajt nagħmel? Fejn riddtuni immur? Fejn stajt niġġerra biex ninħeba?

Le ħbieb! Ma kelliex fejn naħrab iżjed għajr li naffaċċja lili nnnifsi. Iva! Lili nnifsi imsejken għaliex fittixt is-sbuħija fil-ħwejjeġ fihom infushom u mhux fil-Ħallieq li ħalaqhom! Sogħba kbira bdiet tiela’ għal qalbi! Sogħba ta’ ndiema kbira għal ħtijieti. U waqt li kont qed ngħum fil-qrusa ta’ dnubieti koroħ ta’ ħajti, li għad-dehra biss tagħhom tkexkixt, xi stajt nagħmel aktar għiduli milli ninfaqa’ nikbi xmara tad-dmugħ? Kliem l-Isqof Ambroġ baqa’ jidwi u jidwi f’moħħi: “Wistin! Tfittix il-verità. Imma ħalli l-verità issibek hi!”

U hekk kif kont mitfugħ għall-qiegħa tal-art nibki ħtijieti, dawk ħtijieti li megħkuni u ħamġuni, l-għaliex għamluni ilsir taż-żina tiegħi, smajt f’daqqa waħda mid-dar fil-qrib leħen ħlejju. Donnu kien ta’ tifel. Inkella ta’ tifla! U dan il-leħen għannej tennieli għanjietu f’widnejn qalbi:  “Ħu f’idejk u aqra, ħu f’idejk u aqra”. U jien, li għal snin sħaħ maqdart tant il-Kelma ta’ Alla l-għaliex rajtha ktieb stupidu, ħassejt ġewwa qalbi xenqa li mmur u niftaħha. Ma bqajtx le iżjed ngħum u negħreq f’dik ix-xmara tad-dmugħ. Imma qomt bilwieqfa! U mort, dritt dritt, lejn il-Bibbja li kelli quddiemi. U, waqt li ftaħtha bil-għaġla, donni f’qalbi ħassejt li kont se nsib teżor mill-isbaħ. Ġie iva quddiemi l-ewwel kapitlu li waqa taħt l-imġewħa għajnejja.

U qrajt mingħajr tlaqliq ta’ xejn: “Mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u l-għira, imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu”

Ma kelliex għalfejn naqra iżjed. Issa l-kliem ta’ San Pawl Appostlu ma kienx aktar għar-Rumani. Kien dirett għalija. Daqs xabla li taqta’ minn żewġt ixfar. Daqs vleġġa li tidħol biex tferi. Dan il-kliem minnufih ħassejtu qisu dawl ta’ fiduċja sħiħa jimlieli qalbi. Id-dlamijiet kollha tad-dubju ħarbu. Issa sirt naf li Alla jħobbni!

Tant li sejjaħli b’ismi! Wistin! Sejjaħli u bidilni b’imħabbtU! B’dik l-imħabba li l-ebda kariga jew mara ma setgħet qatt tagħtihieli!

Għalhekk jiena tlabt: “Lilek biss inħobb Mulej!” L-għaliex lill-Imħabba biss imbagħad fittixt!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: