Nibdew bil-barka


Patri Mario Attard OFM Cap

L-arloġġ qaleb! Is-sena l-ġdida bdiet! Merħba bik 2016! Is-Sena t-Tajba! Għaddiet sena u ġiet oħra! Ommi Mà kemm jgħaddi ż-żmien!

Ma kull sena li tibda’ kulħadd jiġri għat-tazza tax-xorb. Ħa jifraħ! Ħa jagħti merħba kbira minn qalbu lis-sena l-ġdida li tkun għadha kemm fetħet għajnejha! Mhux li kien li din is-sena tkun bil-wisq aħjar milli kienet is-sena l-oħra! Mela ħa niċċelebraw! Ejja nieħdu grokk flimkien! Grokk sabiħ! Ilaqqa’ u jferraħ lin-nies flimkien. Isaħħaħhom fl-ispirtu ta’ ħbiberija ta’ bejniethom. Biss l-akoħol waħdu ma tantx jista’ jasal fil-bogħod. Jinħtieġlu xi ħaġa oħra biex jaħdem kif għandu jaħdem mingħajr, sintendi, ma jkisser lill-persuni li xorbuh biex jifirħu. Qabel xejn l-alkoħol jinħtieġlu jsib is-sodda mifruxa tal-paċi fil-qalb. Fil-moħħ. U, fuq kollox, fir-ruħ!

Huwa l-għaliex hija konxja sewwa minn din il-ħtieġa tagħna l-bnedmin li mingħajrha inkunu tassew qisna “strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku!” (1 Kor 13:1) li l-Knisja tagħtina qari mill-isbaħ fil-jum tal-Ewwel tas-Sena. Ta’ Ommna li hi tridna nibdew is-sena bil-barka! Għiduli, x’hemm isbaħ mill-barka? Ngħidilkom b’qalbi kollha: xejn! Fil-veru sens tal-kelma tafux! Għaliex x’inhi l-barka jekk mhux talba lil Alla nnifsu biex jurina t-tjieba tiegħu? Biex jiftaħ qalbna ħalli jressaqna dejjem aktar lejn il-qalb ħanina tiegħu li taħfrilna kontinwament? Biex minn issa idaħħalna fil-ħajja ta’ dejjem li għaliha aħna ġejna maħluqa?

U għaliex taħsbu li nieħdu l-affarijiet li jkollna għand il-Patri jew il-Qassis biex ibierikhomlna? Mhux l-għaliex nemmnu li bil-barka li nirċievu permezz ta’ dawn il-qaddejja ikkonsagrati lill-Mulej għalkemm dgħajfa u midinbin bħalna, din tniżżel il-grazzja ta’ Alla tat-tjieba, tal-maħfra, tal-protezzjoni kontra l-ħażen u tal-ħajja ta’ dejjem fuqna stess permezz ta’ dawk il-ħwejjeġ li nkunu se nużaw? Meta oġġett jiġi mbierek huwa aħna li se nużawħ li nitbierku! Mela, la aħna l-bnedmin aħna l-krema tal-ħolqien, allura ejja ħa nitbierku u nieħdu l-affarijiet għand il-Patri u l-Qassis ħa jberikhomlna!

Imma l-qari ta’ nhar l-Ewwel Jum tas-Sena ifakkarna li huwa aħna li għandna bżonn nitbierku. Mhux bl-ilma tal-imqarrun tafux! Dak tgħidx kemm jaħraq! Imma bil-freskezza tal-grazzja ta’ Alla. Il-qari inissilli d-dmugħ f’għajnejja ħbieb kemm hu sabiħ! Isimgħu x’barka din!

Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem! (Num 6:24-26).

Issa immaġinha jekk din il-barka tgħidha fuq ir-raġel li soltu jqabbiżhomlok bl-ikraħ! Jew fuq il-mara li l-ħin kollu tredden u ma tieqafx! Inkella fuq dak it-tifel li, tant kemm jagħmel ta’ rasu, għad ikun kaġun li jgħallik! Jew fuq it-tifla li ma tistax tkellimha l-għaliex tkun trid tieklok! U, ta’ bniedem u bniedma li int qabel ma’ int ġenitur, ikollok aptit tiżbranaha!

Imma le! Int Nisrani! Nisranija! Bħali! U f’qalbek hemm teżor li jismu l-magħmudija. Din is-sena nistiednek tieħu triq oħra. Kuljum bierek lin-nies li magħhom tgħix b’din il-barka sabiħa. Ma ddumx tgħidha. Linja u nofs kollox! Imma ħej il-qawwa li fiha tremenda! Għaliex min minna m’għandux bżonn il-protezzjoni tal-Mulej? Minn minna m’għandux bżonn id-dawl tiegħu? Min minna m’għandux bżonn il-ħniena tiegħu? U, wisq aktar, imħabbtu ta’ Alla? Jiġifieri dik l-imħabba li meta nirċevuha tant inħossu serħan u paċi f’qalbna?

U mhux għalhekk li tistona bil-kbir, u kważi jagħtik l-istonku tiegħek meta tisma’ lil uħud minna l-Patrijiet u l-Qassisin, wara li tkun talbthom: berikni Father! Iwieġbek: ċaw? X’inhu?! Ċaw?! Ċaw x’inhi? U ħalliena Patri u Qassis f’ġieħ kemm hemm! Kun dak li int! Berikna! Għidli: Kun imbierek! Kun imbierka! U ħa ngħidlek … minix se nħallik kwiet qabel tberikni tafx!

U meta tkun marid/a itolbu hekk il-Mulej: Mulej, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu bierek ….  u semmi l-persuni u l-partijiet tal-ġisem li huma morda.

Ejja ngħixuha l-barka ħbieb!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: