Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Suor Cristina fever

Suor Cristina fever


Patri Mario Attard OFM Cap

Tmiem il-ġimgħa tal-ġimgħa ta’ qabel il-Milied tas-sena li għaddiet, jiġifieri dik tal-2015, jibqa’ mfakkar fl-istorja tal-ispettaklu lokali. Kien it-tmiem il-ġimgħa fejn pajjiżna laqa’ bil-ferħ u bl-entużjażmu kollu lil Suor Cristina Scucca!

Min ma jafhiex lil Suor Cristina? Ma tistax ma tittajpax isimha fuq google jew inkella fuq You Tube u dlonk ma jitilgħulekx pataflun ta’ informazzjoni u filmati fuqha. Bħalma ħafna jafu Suor Cristina rebħet il-finali ta’ The Voice of Italy ftit xhur ilu. Pajjiżna kellu l-pjaċir, ix-xorti u l-unur li jilqagħha wara dan is-suċċess kbir li għamlet. Fil-fatt Suor Cristina kienet fostna u tat kunċert mill-isbaħ b’riżq il-Caritas Malta. It-titlu tal-kunċert kien Natale con Suor Cristina. Dan il-kunċert sar fid-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi nhar il-Ħadd 20 ta’ Diċembru. Jakkumpanjaw lil Suor Cristina kien hemm diversi kantanti Maltin fosthom Amber u Gianluca Bezzina.

Din il-famuża soru Ursolina, li għad għandha biss 27 sena, irnexxielha tisraq l-attenzjoni ta’ miljuni kbar ta’ nies kemm fl-Italja u kif ukoll madwar l-Ewropa kollha. L-ingredjenti rebbieħa għal dan is-suċċess kbir li Suor Cristina għadha twettaq huma l-vuċi, is-sempliċità u s-simpatija li tħaddan. Il-messaġġ li Suor Cristina twassal minn qalbha, permezz tal-kant sabiħ li tkanta, huwa li Alla huwa mħabba. Fid-diversi intervisti li tat Suor Cristina tħoss li dan huwa l-messaġġ li għandha twassal permezz tal-mużika.

Huwa tassew sabiħ tara ħafna persuni juru simpatija u entużjażmu lejn din is-soru. Suor Cristina hija waħda mill-membri fil-ħajja ikkonsagrata li tagħti dawl ġdid ta’ x’jiġifieri tevanġelizza fid-dinja tallum. Hija tassew ħaġa ta’ min jammirha li soru twassal l-imħabba ta’ Alla fid-dinja tal-ispettaklu. Irid tassew ikollok gazz biex tagħmel dan il-pass. Mingħajr dubju li huwa pass ta’ kuraġġ, determinazzjoni u, fuq kollox, ta’ fidi kbira. Madankollu Suor Cristina m’hijiex l-unika waħda li għamlet din il-bravura. Insemmi lill-Ekklesia Sisters li, b’tant kuraġġ, sempliċità u fidi, daħlu għall-konkors tal-Eurovision Song Contest. Il-poplu Malti ħabbhom. Apprezza l-isforzi erojċi tagħhom. Apprezza l-qalb kbira tagħhom għal Ġesù Kristu li kienu lesti ixandruh anki barra minn xtutna. Il-vot tal-pubbliku wera biċ-ċar fejn kienet qalb il-poplu Malti dakinnhar. Spiċċaw it-tieni post fit-televoting.

Lanqas ma rrid ninsa patrijiet li għamlu isem fid-dinja tal-kant kemm fil-preżent u kif ukoll fil-passat. Dan juri kemm il-Knisja minn dejjem kellha għal qalbha l-mużika. Anki l-mużika li tmiss il-qalb tal-poplu. Mela, Suor Cristina hija parti minn dan il-moviment sabiħ u li għadu għaddej fil-Knisja li l-ħin kollu qed ifittex kif jagħmel il-messaġġ ta’ Kristu aktar viċin tan-nies. Qiegħdin fejn qiegħdin. L-aktar ta’ dawk li huma involuti sewwa fid-dinja iebsa u mimlija perikli bħalma hi dik tal-ispettaklu.

Biss tajjeb niftakru wkoll li Suor Cristina tfakkarna wkoll f’tant patrijiet, sorijiet u qassisin li, ‘il bogħod mill-kameras tat-Televiżjoni, qiegħdin iwettqu xogħolijiet imprezzabbli. ‘Il bogħod mill-ewforija tal-applawżi u tas-swali maħnuqa bin-nies. Qed nirreferi għax-xogħlijiet li dawn il-qalbiena jagħmlu man-nies batuti bħall-morda, il-priġunieri, ir-refuġjati, l-orfni, nies b’diżabilità, mal-istudenti tal-iskejjel u fl-università, nies li qiegħdin fi programmi tad-droga u l-alkoħol, nies li għaddejjin minn inkwiet kbir u dawn l-anġli, bis-sabar kollu, jakkumpanjawhom. Irrid insemmi wkoll ix-xogħol kbir, kontinwu u li ma jidhirx li jsir fil-parroċċi tagħna. U hemm, ‘il bogħod mill-kameras u mill-follol tan-nies, dawn l-individwi ikkonsagrati lil Alla tarahom jaħdmu bla heda u jġibu differenza kbira fil-ħajja tal-persuni li magħhom jaħdmu. Xi ġmiel li l-istess Papa Franġisku li jrid lilna l-patrijiet u s-sorijiet noħorġu mill-kunventi u niltaqgħu mas-soċjetà huwa l-istess Papa li b’saħħa jridna nagħtu ħajjitna għan-nies tal-periferiji tas-soċjetà tagħna. Ma dawk li l-kameras ma jilħquhomx.

Ħaġa mill-isbaħ li qalet Suor Cristina hija li l-flus li kienet se taqla’ mill-kunċert ta’ Malta se jmorru għall-ħidma ta’ karità li l-Kongregazzjoni tagħha qed twettaq fil-Brażil biex tagħti lill-adoloxxenti Brażiljani futur aħjar. Prosit Suor Cristina!

Waqt li tibqa’ tammira lil Suor Cristina ammira wkoll bosta patrijiet, sorijiet u qassisin għall-ħidma li qiegħdin iwettqu għall-ġid tiegħek stess!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: