Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Wassalt messaġġ ta’ tama lill-Afrika

Wassalt messaġġ ta’ tama lill-Afrika


Patri Mario Attard OFM Cap

Għall-grazzja t’Alla intemm b’wiċċ il-ġid il-vjaġġ Appostoliku ta’ Papa Franġisku li din id-darba ħadu fil-Kenja, fl-Uganda u fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali. Dan il-vjaġġ beda mill-Erbgħa 25 ta’ Novembru u wasal fi tmiemu nhar it-Tnejn 30 ta’ Novembru 2015. Il-qalba ta’ dan il-vjaġġ kienet il-virtù tat-tama.

Fl-eżortazzjoni li għamel lil dawk preżenti waqt l-Udjenza tal-Erbgħa 2 ta’ Diċembru fi Pjazza San Pietru li matulha tħaddet fuq il-Vjaġġ Appostoliku li wettaq fl-Afrika l-Papa qal: “Infaħħru flimkien lill-Mulej għal dan il-pellegrinaġġ fl-art ta’ l-Afrika, u nħallu jmexxuna l-kelmiet-muftieħ tiegħu: ‘Kunu sħaħ fil-fidi, la tibżgħux’‘Tkunu xhieda tiegħi’‘Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor’”.

Il-Papa qal li tul il-vjaġġ tiegħu hu ġab messaġġ ta’ tama għal kull nazzjon li huwa żar. Franġisku innota li f’kull waqfa li għamel kellha post speċjali f’qalbu. Ibda’ minn dik fil-Kenja. Għal dan il-pajjiż il-Papa qal:

“Fil-Kenja ltqajt ma’ l-Awtoritajiet u d-Diplomatiċi, u anki ma’ dawk li joqogħdu fi kwartier popolari; iltqajt mal-mexxejja tad-diversi konfessjonijiet Insara u tar-reliġjonijiet l-oħra, is-saċerdoti u l-ikkonsagrati, u ltqajt maż-żgħażagħ, ħafna żgħażagħ!  F’kull okkażjoni qawwejtilhom qalbhom biex jgħożżu l-għana kbir ta’ dan il-pajjiż: għana naturali u spiritwali, minħabba fir-riżorsi ta’ l-art, il-ġenerazzjonijiet ġodda u l-valuri li jsawru l-għerf tal-poplu.  F’dan il-kuntest hekk drammatikament attwali fraħt li stajt inwassal il-kelma kollha tama ta’ Ġesù: ‘Żommu sħaħ fil-fidi, la tibżgħux’.  Dan hu l-motto taż-żjara.  Kelma li jgħixuha kuljum tant persuni umli u sempliċi, b’dinjità għolja; kelma li xehdu għaliha b’mod traġiku u erojku ż-żgħażagħ ta’ l-Università ta’ Garissa, maqtula fit-2 ta’ April li għadda għax kienu Nsara.  Demmhom hu żerriegħa ta’ paċi u ta’ fraternità għall-Kenja, għall-Afrika u għad-dinja kollha”. Il-Papa qal li l-Kenja, pajjiż imbierek mir-riżorsi umani u naturali, iġagħlna nirriflettu dwar “l-isfida globali ta’ żmienna: li nieħdu ħsieb tal-ħolqien u nirriformaw il-mudell ta’ żvilupp [li] jkun iżjed ekwu, inklużiv u sostenibbli”.

Il-Papa tħaddet ukoll dwar il-vjaġġ tiegħu fl-Uganda li rrefera għaliha bħala art il-martri. Meta tħaddet fuq il-mawra tiegħu f’dan il-pajjiż Papa Franġisku wera t-tama tiegħu li l-komunità Nisranija Ugandiża tippersevera fix-xhieda tagħha tal-fidi u l-karità  u hekk tkun “ħmira għas-soċjetà kollha”. Huwa tħaddet ukoll dwar iż-żgħażagħ Ugandiżi li, minkejja d-diffikultajiet li qiegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom, qiegħdin jipperseveraw fid-don tat-tama. Il-Papa faħħar l-isforzi qalbiena tagħhom li “jfittxu jgħixu skond il-Vanġelu u mhux skond id-dinja, imorru kontra l-kurrent”. Huwa faħħar ukoll l-eżempju mill-isbaħ tas-“saċerdoti, l-irġiel u nisa kkonsagrati li jum wara l-ieħor iġeddu l-‘iva’ totali tagħhom lil Kristu u jiddedikaw ruħhom bil-ferħ għall-qadi tal-poplu qaddis ta’ Alla”. Għaraf “il-ħidma effikaċi” tal-Uganda “kontra l-AIDS u fil-merħba mogħtija lir-rifuġjati”.

Fit-tielet waqfa tal-vjaġġ tiegħu fir-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali, f’pajjiż li qiegħed jesperjenza konflitti interni u tbatija mill-aktar kbira, Papa Franġisku fakkar ukoll lil dawk preżenti li l-ftuħ tiegħu tal-ewwel Bieb Qaddis tal-Ġublew tal-Ħniena għandu jkun “bħala sinjal ta’ fidi u ta’ tama għal dak il-poplu, u simbolikament għall-popli kollha Afrikani li l-iktar għandhom bżonn jinħelsu u jitfarrġu”.

Imbagħad, b’mod spontanju, il-Papa tħaddet dwar il-missjunarji li jaħdmu u jgħixu fl-Afrika u fis-sagrifiċċji li jagħmlu. B’mod partikulari l-Papa irrakkonta x-xhieda qawwija ta’ soru Taljana missjunarja ta’ 81 sena li ilha tgħix f’dan il-kontinent kbir minn mindu kellha fuq l-għoxrinijiet.

“F’Bangui sibt soru, Taljana.  Kienet tidher anzjana: ‘Kemm għandek żmien?’, staqsejtha.  ‘81’ – ‘Mela mhux ħafna, sentejn ikbar minni’.  Din is-soru kienet ilha hemm sa minn meta kellha 23-24 sena: ħajja sħiħa!  U bħalha, tant oħrajn.  Kienet ma’ tifla ċkejkna.  U t-tifla, bit-Taljan, kienet qed tgħajtilha: ‘Nanna’.  U s-soru qaltli: ‘Imma jien propju m’iniex minn hawn, imma minn pajjiż tal-qrib, il-Kongo; imma ġejt bil-kenura, ma’ din it-tifla’.  Dawn huma l-missjunarji: qalbiena.  ‘U int x’tagħmel, Swor?’ – ‘Jiena infermiera u mbagħad studjajt ftit hawnhekk u sirt ostetrika u wellidt 3,280 tarbija’.  Hekk qaltli.  Ħajja sħiħa mogħtija għall-ħajja, għall-ħajja ta’ l-oħrajn.  U bħal din is-soru, hemm tant oħrajn, ħafna: tant sorijiet, tant saċerdoti, tant reliġjużi li jaħarqu ħajjithom biex ixandru lil Ġesù Kristu.  Kemm hi ħaġa sabiħa tara dan.  Xi ġmiel!”

 

Fl-isfond ta’ din ix-xhieda mill-isbaħ li ħarġet mill-qalb ta’ din is-soru l-Papa appella liż-żgħażagħ Ewropej b’din it-tħeġġiġa. “Imma jien sa ndur fuq iż-żgħażagħ: Aħsbu x’ħa tagħmlu b’ħajjitkom.  Aħsbu f’din is-soru u f’tant oħrajn bħalha, li taw ħajjithom u ħafna minnhom mietu hemm…  Indur fuq iż-żgħażagħ: aħseb xi trid tagħmel b’ħajtek.  Issa hu l-waqt li taħseb u titlob lill-Mulej jurik ir-rieda tiegħu.  Imma nitolbok, teskludix din il-possibbiltà li ssir missjunarju, biex twassal l-imħabba, l-umanità, il-fidi f’pajjiżi oħra.  Mhux biex tagħmel proselitiżmu: le.  Dak jagħmluh oħrajn li jfittxu ħaġa oħra.  Il-fidi l-ewwel nippriedkawha bix-xhieda u mbagħad bil-kelma.  Bil-mod”.

Hekk ħu għeżież żgħażagħ! Bil-mod! Aqbdu dan l-appell sabiħ tal-Papa Franġisku u xtarruh fil-qalba ta’ qalbkom quddiem Ġesù fit-talb. Tgħid jien imsejjaħ u imsejħa biex inkun missjunarju? Missjunarja? Kollox jista’ ikun! Meta tisimgħu isejjaħlek emmen li qed isejjaħlek u mur fejn jibgħatek!

X’hemm isbaħ milli tagħti ħajtek lil Ġesù f’ħutek fil-bżonn? Qiegħdin fejn qiegħdin?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: