Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > U jien x’jimpurtani!

U jien x’jimpurtani!


Patri Mario Attard OFM Cap

Mhux l-ewwel darba li qabżitilna! Veru? U, maħkumin mir-rabja tal-mument, għedna: “U jien x’jimpurtani wara kollox!” Imma, l-għaliex aħna nar tat-tiben, malajr reġa’ bdielna. U, minflok, għedna sogħbiena: “U le! Jimpurtani!” U sehmna mhux biss bqajna nagħtuh talli aktar imtlejna tilja xogħol nobis!

Imma mhux kulħadd jaħsibha bħalna. Hawn min li, għal raġuni jew oħra, ma jagħmilx hekk. Hawn min jimpurtah minnu biss! Mela l-ewwel hu, it-tieni hu u, jekk jibqa’, hu wkoll! Hawn min li tiegħu biss ifittex. U x’jimpurtah mill-ġid komuni tal-oħrajn. Sitta u sitta tnax! L-aqwa li qiegħed tajjeb jien! U issemmilix!

Din it-tendenza qiegħdha tikber fostna. Int ħu mis-sewqan! Ġieli tirringrazzja lill-Mulej kif tinġabar lura ħaj lejn id-dar. Il-mod ta’ kif isuqu xi wħud huwa ta’ twerwir. Stop signs ma jeżiżtux! Indicator lanqas! Kien hemm min baqa’ saħansitra għaddej minn fuq iż-zebra crossing! Imbagħad jiġri li jiġri. Inċident jista’ jkollu kulħadd. U żball kulħadd jista’ jagħmlu. Imma meta naf li suppost għandi nieqaf u nibqa’ apposta għaddej allura hemm tinsab irresponsabbiltà kbira!

Fil-bidu ta’ sena ġdida ejjew naħdmu kemm nifilħu biex neqirdu din il-ġerarkija mxajtna tal-ewwel jien, it-tieni jien u jekk jibqa’ jien. Fil-messaġġ għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Paċi ta’ din is-sena Papa Franġisku wissiena kontra tlett xejriet ta’ ndifferenza li ilkoll għandna naqra jew ħafna minnhom.

L-ewwel xejra ta’ indifferenza hija “dik lejn Alla” (nru. 3). Hawn min jaħseb li mingħajr Alla se jgħaddi. Kemm sejjer żball sieħbi jekk taħseb hekk! Hija tassew problema kbira meta nibdew naħsbu li aħna l-awturi tagħna nfusna, ta’ ħajjitna u tas-soċjetà mingħajr l-għajnuna ta’ Alla. Il-bniedem mingħajr Alla huwa dak li “jħoss li jista’ jagħmel kollox waħdu” (nru. 3). U bniedem hekk kif jispiċċa? Miskin jibda’ “jaħseb li m’hu midjun ma’ ħadd, ħlief miegħu nnifsu, u jippretendi li għandu biss drittijiet” (nru. 3). U hekk jispiċċa iżolat! Imwarrab! U kulħadd jiġġieled kontrih. Iżżejjed kollu żejjed hux!

It-tieni xejra ta’ indifferenza li jsemmi l-Papa hija dik lejn il-proxxmu. Hawn min hu kwiet imma indifferenti għall-mewt. Qalbu magħluqa. L-għaliex ma jagħtix kas l-oħrajn. Hawn “min iżomm ruħu infurmat tajjeb, jisma’ r-radju, jaqra l-ġurnali jew jara l-programmi televiżivi, imma dan jagħmlu b’mod distakkat, kważi biss bi drawwa: dawn il-persuni għandhom idea vaga tat-traġedji tal-ħajja li qed jifilġu lill-umanità imma ma jħossuhomx involuti, ma jgħixux il-kompassjoni” (nru. 3). Meta xi ħadd jikkonfrontahom ħa joħroġhom mill-qabar li qiegħdin jgħixu fih dawn it-talin donnhom “jieħdu gost jitfgħu l-ħtija tal-ħażen tagħhom fuq il-foqra u l-pajjiżi foqra, b’ġeneralizzazzjonijiet xejn f’lokhom, u jippretendu li ħa jsibu s-soluzzjoni f’‘edukazzjoni’ li tikkalmahom u timmansahom biex ma jagħmlux iżjed ħsara” (nru. 3). Imbagħad hawn oħrajn li “jippreferu ma jfittxux, ma jinfurmawx ruħhom u jgħixu bil-ġid u l-kumditajiet tagħhom torox għall-karba ta’ wġigħ ta’ l-umanità batuta” (nru. 3). X’miżerja hux!

Fl-aħħar nett il-Papa jsemmi lil dawk li jiġu jaqgħu u jqumu mit-“tniġġis ta’ l-ilma u ta’ l-arja, l-abbuż bla ebda distinzjoni tal-foresti, il-qerda ta’ l-ambjent” (nru. 3).

Fil-bidu ta’ sena ġdida ejjew jimpurtana kif se ngħinu lil xulxin, lil pajjiżna u lid-dinja ħa nimxu ‘l quddiem!

La jien Nisrani u ċittadin JIMPURTANI!

Is-Sena t-Tajba lil kulħadd!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: