Hawn teżor!


Patri Mario Attard OFM Cap

Fejn għamilthieli dik il-karta? Instema jgħajjat l-oraklu irrabjat. Kelma minn hawn. U kelma minn hemm u tqum storja sħiħa! Addijo l-imħabba li s’issa għaqqdithom flimkien għal ma nafx kemm-il sena! Hemm ara x’ġara! Fuq biċċa ta’ karta reġgħu saru bħalma kienu ftit minuti ilu kif ħallejthom: kelb u qattus!

Issa kollox reġa’ tar mar-riħ! Kaxxa infernali ta’ beraq u murtali! U l-għaliex dan l-istorbju kollu? Uuuu! Għax dik il-karta tal-bank suppost għandha tkun f’idejh biss! L-għaliex hu jieħu ħsiebhom il-flus! Mintix tisimgħu diskorsha: Bilkemm inlaħħaq mal-ħajja! Issa dan mhux l-għaliex m’għandhomx flus! L-għaliex kieku jiftaħ naqra idejh mill-ħażna li għandu mhux kont wieħed ikollha biex tħallas? Imma tih il-flus u ittih xejn! Sar il-pupu tal-money, money, money! Iħobbhom wisq! Fuq il-mejda tas-santi li għandu ħdejn rasu hemm post battal apposta għalihom! Mela aħseb u ara kemm se jagħtiha tixtri xi ħaġa għaliha ħa tieħu gost biha? U x’jagħtiha jagħtiha! Ma tarax min jisimgħek! Ma tinnutahomx għajnejha il-ħin kollu inixxu d-dmugħ? Issa ejja nirraġunaw naqra: l-għaliex m’għandhiex tkun bħal ħaddieħor din il-povra mara? Meta jiġi ħin l-ikel u jippreżenta ruħu biex jiekol ma tlestilux? Anzi tagħtih l-ewwel wieħed! Tittrattaħ daqs l-awqa baxà! U mela għaliex dan it-tqanċiċ kollu?

Dan sieħeb storja li kont rajt isseħħ quddiemi ta’ persuna li kulħadd kien jgħidilha miskina! U jaħasra! Niftakar li, meta kont żgħir u mqabbad ma’ djul ommi, konna immorru għandha biex naraw għandiex bżonn xi ħaġa. Trid nixtrilek ftit ħut? kienet tistaqsiha ommi. U, din il-mara xwejħa kienet tweġibha b’leħen il-qried: Kemm hu s-sawrell? U l-lampuki? U meta ommi kienet tweġibha araha lil din il-mara, li dejjem kellha wiċċha mqarras u tallab, tweġibha: U le! Għoli! Għal darb’oħra!

Ġejtx int? Daqshekk ġiet id-darba oħra biex tixtri! Id-darba oħra siefret safra nobis u ma reġgħet lura qatt! Mela għaddew xi snin u, meta bdejt nitfarfar, darba smajt li din il-mara, li meta kont taraha kont taħsibha fqajra, kienet mietet. Meta daħlu f’darha sabu li kellha ma nafx kemm-il elf lira moħbijin. Kieku daqshekk biss ma jimpurtax! Sabu wkoll li kellha saħansitra l-liri tad-deheb fil-ħajt! Meta smajt l-istorja iddispjaċieni tgħidx kemm għaliha. Jaħasra! Setgħet tgħix tant ħajja komda u diċenti u magħha kien jgħix ħaddieħor? Imma le! Għamlet flus allatha! U spiċċat ilsiera tagħhom. Fil-ħmieġ, il-kuċċiet u l-qamel! Aqta’ x’festa għamlu l-werrieta kif mietet ħi! Tant li illum, mid-dar mitluqa tagħha, bnew l-isbaħ villa! U Kull meta ngħaddi minn hemm qalbi tingħafas! Eħ x’jagħmillek il-qamel! Iqammlek!

Mhux l-ewwel darba li nkun għaddej u nisma’ persuna tgħid lil persuna oħra: Hawn teżor! Sabiħ li nindirizzaw lil xulxin b’dan il-mod! Dak ifisser li għalija int tiġi qabel il-flus li għandi. U li int, għax int, maħluq u maħluqa xbieha ta’ Alla, u mqiegħdha f’ħajti b’rigal mingħandu, inħobbok u nirrispettak qabel il-flus li għandi. Almenu hekk suppost! L-għaliex il-flus, il-proprjetà u l-ġid ta’ din l-art huwa għas-servizz tal-imħabba tagħna għal xulxin! U mhux bil-kontra!

Xi ġmiel hux meta tara persuni tal-flus jgħinu lil min hu fil-bżonn! U minn dawn, għall-grazzja ta’ Alla, għad fadal bil-bosta! U mhux għalhekk li l-Mulej ipprovdhielek? Biex tgawdi int u biex miegħek igawdi l-fqir ukoll! U b’hekk ir-rota iddur għal kulħadd! Ma naħsibx li ipprovdhielek biex taħli flusek f’affarijiet bla fejda u li jgħaddu bħalma jgħaddi d-duħħan? Il-flus mhux tħaddimhom trid?

Grazzi għani li taf taqsam ħobżok ma’ min hu anqas ixxurtjat minnek! Ibqa’ hekk! Jalla int u taqra dan il-kliem flusek jitkattru aktar mir-ramel! Int rappreżentant onest tal-Providenza ta’ Alla! Sewwa qal Ġesù: Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll! (Mt 6 :21).

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: