Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Wara l-grokk tal-Milied

Wara l-grokk tal-Milied


Patri Mario Attard OFM Cap 

Il-Milied ġie u għadda. Għadda bħalma għaddew tant Milidijiet oħra. Kellna ċ-ċans niltaqgħu flimkien. Naqsmu l-awguri. Kellna ċ-ċans iva li nieħdu grokk. Wieħed. Tnejn. Tlieta… U iva! Mhux tal-Milied!

Tant memorji ġew f’qalbna dan il-Milied. Ftakarna meta konna tfal. Kif konna niċċelebrawh. L-istess kelma fuq fomm kulħadd: “Kemm konna nifirħu bix-xejn!” Iva. Din il-kelma ma tistax ma tgħidhiex. L-aktar f’kultura ta’ konsum li qed ngħixu fiha. Kulħadd irid l-aqwa. L-aħjar. Tad-ditta. Donnu dak li konna nużaw ilbieraħ qdiem malajr. M’għadux tajjeb. U int armih! La għandna!

Imma dan mhux lant! L-għaliex li iżżomm dak li hu tajjeb mhuwiex qamel. Imma għaqal tal-ħajja! U aħna l-għaliex għandu jkollna dejjem dak li rridu fil-ħajja? L-għaliex dak kollu li noħolmu bih għandna ngħaddu minnu? Ma nafx taħsbuhiex bħali imma dan in-naqra ta’ moħħ, jekk nagħtuh il-lala, malajr jiblieh. Jiġġennen. L-għaliex jibda’ jaħseb dak li l-ġisem tagħna ma jistax jagħmel. Is-sabiħa hi li aktar ma rrewħulu, aktar ma nagħtuh ir-riħ, aktar jagħmel xalata bina. Aktar iġagħlna ngħixu fil-fantasija tal-flintstones! Le għażiż moħħ! Ħabib! Għandek bżonn min iżommlok!

U jżommlok mhux biss fuq il-ħafna fantasiji li ma jagħmlux sens u qatt ma jistgħu isiru fir-rejaltà. Iżommlok ukoll f’dak li taspar. Jinħtieġ li tieqaf taħseb fik innifsek biss! Li tara l-interessi tiegħek biss. Qisek qed tgħix int biss fl-univers. U int, fil-ġenjalità kollha tiegħek, taħseb li int biss ġenju f’din id-dinja? Hemm ara! Ħares madwarek u ara! Ifli x-xogħol ta’ mħuħ oħra bħalek. Imħuħ li ma qagħdux idoqqu l-fanfarri għall-għeġubijiet li ħasbu u li wettqu dirgħajhom. Imħuħ li qagħdu fis-skiet jaħdmu bieżla bieżla. Sakemm temmew ix-xogħol li kellhom iwettqu u, bil-kalma u fuq kollox bl-umiltà kollha, taw spazzju għall-imħuħ oħra. Bil-mod moħħ ġbin! Kif qallajtni! Kemm se tiġri!

Imma illum nitolbok biex tidħol daħla fik innifsek u tibda’ iva tirraġuna. Tirribellax l-għaliex qed ngħidlek hekk. L-għaliex xi kultant, għalkemm int bravu u forsi tixgħel bil-għerf ukoll, taf tieħu gambetta fil-lazz taż-żarbun tiegħek stess! Ieqaf aħseb kif se tpattieha lil min, ta’ moħħ uman bħalek, seta’ rifislek il-kallu! Ieqaf aħseb kif se tagħmel il-bsaten fir-roti billi taħseb kif se twaqqaf il-ġid li mħuħ oħra qegħdin iwettqu madwarek! Rażżan lill-ilsienek billi ma tibagħtlux idejat banali. Mimlija għira għall-ġid li qed iwettaq moħħ ieħor. Hu liema moħħ hu. Anzi, mill-esperjenza ngħidlek li minflok li tagħmillu l-ixkiel ieqaf mill-paroli żejjed tiegħek u tgħallem minnu!

Issa li f’din il-ġimgħa se tħejji lilek innifsek biex tidħol frisk għas-sena 2016 ja moħħ jiena ngħidlek biex tħares lejn is-sena l-ġdida bħala opportunità biex tqiegħed il-ġebla tiegħek fuq l-għerf ta’ mħuħ oħra. U, fuq kollox, meta l-problemi tal-ħajja jduru miegħek bħad-dubbien ħallik mill-flixkun tax-xorb. Ja moħħ b’hekk mhu se ssolvi xejn! Imma uża lilek innifsek billi tpoġġi imħuħ oħra madwar dik il-mejda ħalli ssibu flimkien it-triq tar-rikonċiljazzjoni u l-ftehim. Intom u tterrqu mill-mogħdija tad-djalogu.

Waqt li nfakkrek biex tieħu l-grokk tiegħek, almenu nofs dawk li ħadt fil-Milied, ja moħħ aħdem biex tibda’ s-sena il-ġdida f’siktek. Maqgħud ma’ Ta’ Fuq, ta’ madwarek u, aktar u aktar, miegħek innifsek!

Jalla tgawdi l-aħħar erbat ijiem tas-sena 2015 fil-kwiet u fil-paċi!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: