Nittoppja l-card!


Patri Mario Attard OFM Cap

Bye bye sena 2015! Bil-ferħat u n-niket tiegħek! Għalkemm ma tantx bdejniek u spiċċajniek tajjeb. Mhux biżżejjed li bdejniek bit-tixrid ta’ barmil demm f’Pariġi? Kellna nispiċċawk b’banju sħiħ fl-istess belt! Insomma! Issa mitt u ndfint biex qatt aktar ma terġa’ tqum jekk mhux għall-istoriċi.

U int, 2016, merħba bik! Merbħa bħax-xemx sabiħa li ddawwal l-art sabiħa tagħna, l-art Maltija! Min jaf x’hemm lest għalina fik ja sena? Nippreferi ma nkunx naf. Ma rridx insewwed qalbi minn issa. Aħjar għalija li nispkoprik jum wara jum. Għax jekk il-ħajja ma tingħex f’dan l-ispirtu mela, għiduli intom, kif trid tingħex?

Il-ħajja naraha bħall-card. Illum qiegħdin ngħixu fi żmien il-cards. Ma tagħmel xejn mingħajrhom. Veru? Ara tippruvax tiġbed il-flus mingħajr il-card? Jista’ ikollok biżibilju ta’ intenzjonijiet tajba l-għaliex fomm il-magna magħluq kien u magħluq jibqa’ għalik. Inkella tipprova tidħol f’xi post fejn irid ikollok il-card biex tidħol. Tista’ iddum tħabbat fuq il-bieb! Jekk ma jkollokx il-card aqta’ jiesek li ħa tidħol. Il­-card! Il-card! Il-card! Mejjet biex nonfoħ waħda bħal Mr Bean!

Imma bl-infiħ ta’ diżappunt biss ma nagħmlu xejn. Wara kollox għalhekk fiċ-ċoqqa tiegħi għandi l-kmiem. Ħalli nxammarhom! Ħalli nibda’ nagħmel xi ħaġa! Nimmaġina li anki int, li forsi ma tantx tħobbhom il-kmiem l-għaliex idejquk, ukoll ikollok ixxammarhom. Ġieli jkollok tilbishom bilfors! Daqskemm qed jagħmel bard bħalissa!

Intant! Aħna ilkoll għandna card fina. Insejħulha ruħ. Din il-card hija identika. L-għaliex ħarġet minn id il-Ħallieq. Ruħna hija l-identity card ta’ Alla nnifsu li ħalaqna. Imma biex din il-karta tal-identità tibqa’ valida jinħtieġ nittoppjawha. Ilkoll nafu x’jiġifieri meta ma jkollniex credit. Tgħidlix! Nipprova inċempel u nini nini naqbad. “Uffa! Spiċċali l-credit! Isa! Sib ħanut ħa nixtri l-imbierka card ħalli nkun nista’ nċempel!”

Biex se nittoppjaha lil ruħi din is-sena? Kemm il-unit għandi bżonn biex ħajti ma naħlihiex ħesrem? Wara li tlabt bieb is-sema beda jitbexxaq sakemm infetaħ beraħ quddiemi! Din is-sena qiegħdin fis-Sena tal-Ħniena. Hija Sena fejn ilkoll qiegħdin ngħixu dak li jgħidilna s-Salm: “Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej! (Salm 34:9). Issa biex ħaġa tippruvaha, l-aktar jekk tkun xi ħaġa tal-ikel, trid idduqha! Imma kif se nduqu lill-Mulej?

Ngħid għalija mod sabiħ ta’ kif induq lill-Mulej huwa meta mmur f’riġlejn is-saċerdot ħalli nqerr. Iva! Jien, il-Patri, jkolli bżonn inqerr! Kemm tħeġġiġni l-katekeżi li ta Papa Franġisku nhar l-Erbgħa 16 ta’ Diċembru 2016! Isimgħu x’qal:

“Sinjal ieħor importanti tal-Ġublew hu l-Qrar.  Li nersqu lejn is-Sagrament li bih niġu rrikonċiljati ma’ Alla jfisser li nagħmlu esperjenza diretta tal-ħniena tiegħu.  Ifisser li nsibu lill-Missier li jaħfer: Alla kollox jaħfer.  Alla jifhimna anki fil-limiti tagħna, jifhimna anki fil-kontradizzjonijiet tagħna.  Mhux biss, bi mħabbtu Hu jgħidilna li propju meta nagħrfu d-dnubiet tagħna hu l-iktar qrib tagħna u jixprunana biex inħarsu ’l quddiem.  Iktar minn hekk, jgħidilna li meta nagħrfu dnubietna u nitolbuh maħfra, fis-Sema ssir festa.  Ġesù jagħmel festa: din hi l-ħniena tiegħU: ejjew ma naqtgħux qalbna.  Nimxu ’l quddiem, b’dan nimxu ’l quddiem!”

Unit ieħor importanti biex nittoppjaw ruħna għas-sena 2016 hija li naħfru lil xulxin.

“Imma kif nistgħu nitolbu lil Alla jaħfrilna, jekk imbagħad aħna m’aħniex kapaċi naħfru?  U li taħfer hi ħaġa kbira, imma xorta m’hix ħafifa, li naħfru, għax il-qalb tagħna hi fqira u bis-saħħa tagħha biss ma tistax taħfer.  Imma jekk ninfetħu biex nilqgħu l-ħniena ta’ Alla għalina, imbagħad aħna wkoll insiru kapaċi naħfru.  Ħafna drabi smajt lil min jgħid: ‘Għax lil dik il-persuna jien ma kontx nista’ naraha, ma kontx naħmilha: kont nobgħodha.  Imma darba rsaqt f’riġlejn il-Mulej u tlabtU maħfra ta’ dnubieti, u ħfirt ukoll lil dik il-persuna’.  Dawn ħwejjeġ ta’ kuljum.  U għandna din il-possibbiltà qrib tagħna”.

Ħa nittoppja l-card ta’ ruħi għas-sena 2016 bil-qrar u billi naħfer lil min iweġġagħli qalbi. La dawn il-units huma tant importanti ħa nittoppjhom għal ħajti kollha!

Is-Sena t-Tajba!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: