It-tħaddina  


 

Kull Milied nogħxa nħares lejn din l-istampa. Stampa li hija meħuda minn xena ta’ Film li għadu jissemma sallum. Avolja inħadem fl-1977. Qiegħed nirreferi għall-film kolossali Jesus of Nazareth.

Ix-xena ġrat fl-għar. Jew fl-istalla tal-annimali. L-għaliex għal kulħadd kien hemm post fil-lukanda. Għajr għalih! Li kollox tiegħu! Dak li kollox ħareġ mill-idejn setgħana u mimlija mħabba tiegħu. Għax din waħda minnhom ħbieb! Waħda minn dawk ta’ ħawwadni ħa nifhmek!

Ix-xena turi lil Marija bit-tarbija Ġesù f’idejha. Dik it-tarbija tant ħelwa. Mimlija ħlewwa. Li ġiet milqugħa mill-aktar mara sensittiva u xempju ta’ kull imħabba li qatt kien hawn u jista’ ikun hawn fuq wiċċ id-dinja. Marija! Marija ta’ Nazaret! Marija li, bi grazzja tal-qawwa li tista’ kollox ta’ Alla, ġiet imnissla mingħajr tebgħa ta’ dnub. Marija li, bil-għajnuna kontinwa tal-Innoċenti, il-Mulej, setgħet tgħix ħajjitha hi wkoll mingħajr l-ebda dnub. L-għaliex kif jista’ ikun li hi, it-tabernaklu ħaj ta’ Ġesù, ta’ Dak li qatt ma’ għamel l-iċken dnub, tisfa hi wkoll imċappsa, imqar għal waqt wieħed biss, bid-dnub?

Twieled! Is-Sid tas-Sidien! L’Alla tal-allat. Jekk tista’ issejħilhom allat. L-għaliex ħlief fares m’humiex. Twieled minn mara. Minn tfajla. U għażilha minn fost kulħadd. Biex tkun mhux biss tiegħu imma wkoll mogħtija fl-imħabba għas-servizz ta’ kulħadd. Dan Ġesù! Mur ifhmu!

Biss stajt nibda l-vjaġġ tal-għarfien meta rajtu tarbija. Mgħannaq ma’ ħlejqa li ġabietu fid-dinja. U, f’dik it-tgħanniqa ta’ bejniethom, stajt inħoss il-ferħ tal-imħabba vera. L-umiltà tal-imħabba li tagħti lilha nnifsha. Il-qawwa tal-imħabba li tiddefendi mhux biss lill-innoċenti imma wkoll lill-ħati li jerġa’ lura lejn is-sewwa. Lejn dar Missieru Ħanin tas-Sema.

Il-Missier tas-Sema! Stajt nara fil-ħarsa innoċenti u mimlija fedeltà ta’ Marija l-istess imħabba li għandu l-Missier lejn uliedu kollha. Għal kollha minn qalbu toħroġ għajta waħda: “Ajma qalbi!” Għalina ilkoll iweġġa’. Meta jarana naqdfu għal rasna. Nintrefgħu kontra xulxin. Immorru niġru għandu l-avvukati u bil-ħeffa nintefgħu fl-idejn kollha ponot tal-ħadid tal-proċeduri qabel imqar nindenjaw ruħna niftħu qalbna miegħu. Biex inħalluh, imqar għal waqt wieħed biss, isibilna t-triq l-oħra. It-triq li hija tant lil hinn minn dak li jaħseb il-moħħ mgħallem u universitarju tagħna. Le ħbieb! Hemm it-triq l-oħra!

Imma biex it-triq l-oħra insibuha rridu nagħmlu l-qabża! Irridu naqbżu fi ħdanu. Bħalma qabżet fi ħdanu Marija. Biex setgħet imbagħad tagħti imħabbtu stess lil Ibnu, Ġesù Kristu! Irridu naqbżu fi ħdanu! F’qalbu! Irrid nitgħannqu miegħu!

U int min qallek li fil-Milied ma niċċelebrawx il-festa tat-tgħanniqa tal-Missier tagħna l-bnedmin ma’ qalbu? Min qallek li l-Milied mhuwiex stedina kontinwa biex nitbiegħdu għal kollox mill-ġustizzja tagħna l-bnedmin ħa nidħlu fil-ġustizzja vera li hija l-ġustizzja tal-Missier? Jekk il-Mulej jimxi magħna kif ħaqqna mhux aħna l-ewwel li għandna niġu ikkundannati? Mela l-għaliex se nibqgħu inċaħħdu lilna nfusna mis-sħana ta’ mħabbtu li tant tagħmlilna ġid? Li tqajjem mill-ġdid lill-qalbna li tant kesħet bl-arroganza? Bis-suppervja? Bil-pożi? Bir-raġunamenti ta’ nies tad-dinja u mhux ta’ nies li Alla huwa Missierhom?

Le ħbieb! Irridu f’dan il-Milied tas-Sena tal-Ħniena nitħaddnu għal darb’oħra bil-ħniena tal-Missier tas-Sema. Dik it-tħaddina li meta nirċievuha għajnejna jinfetħulna. U kif nintebħu? L-għaliex il-kelma għedewwa tispiċċa. Min jista’ tassew ikun l-għadu tiegħi meta jiena għamilt deċiżjoni serja li nibda’ naħfer lil kulħadd? Lil min se nfittex jew se nikkundanna meta min lili għandu d-dritt li jitfgħani ninħaraq l-infern, jien min jien, u nilbes x’nilbes, minflok jagħżel li jaħfirli fis-skiet kollu tal-konfessinarju?

Ħbieb, it-tħaddina tal-Missier tgħallimna li nibdew naraw ħajjitna sempliċiment bħala waiting room għas-Sala ta’ dejjem. U mela l-għaliex dan l-istorbju kollu fuq waiting room meta quddiemna għandna sala ma tintemm qatt? Aħna aħna jew m’aħniex?

Mulej, għinni biex fil-Milied ta’ din is-sena jiena ngħannaq lil min weġġgħali qalbi. Lil min qed ibati. Lil min kulħadd jikkundannah. Lil min m’għandu lil ħadd. Iva. Għinni ngħannaq b’qalbi kollha lil dak li kont insejjaħlu l-għadu tiegħi! Int mhux hekk timxi miegħi?

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: