Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-Milied: Festa tal-Ħniena

Il-Milied: Festa tal-Ħniena


 Patri Mario Attard OFM Cap

Il-Milied ta’ din is-sena huwa speċjali. Mhux l-għaliex kull Milied m’huwiex speċjali fih innifsu. Kull Milied huwa speċjali l-għaliex ifakkar imħabbet Alla l-Missier għalina l-bnedmin. Midinbin. Imma l-kuntest ta’ dan il-Milied huwa tabilħaqq mhux tas-soltu.

Fil-fatt dan il-Milied qed jiġi iċċelebrat fil-Ġublew tal-Ħniena li għadu kemm nieda Papa Franġisku. Ħarsa lejn id-dinja ta’ madwarna mill-ewwel tikkonvinċina kemm għandna bżonn il-ħniena. Is-sitwazzjoni internazzjonali tat-Tielet Gwerra Dinjija missielta bil-biċċiet hija diġà rejaltà tal-biki. Il-bniedem żgur li ma ġiex maħluq biex jarma sa snienu bl-armamenti, jiddikjara l-gwerrer u ma joqgħodx bi kwietu qabel inaddaf l-ħażniet ta’ armi moħbija li għandu. Il-bniedem żgur li ma ġiex mibgħut f’din id-dinja biex ikissirha, iniġġisha inkella jagħmilha tejatru tat-tixrid ta’ demm innoċenti.

Imma, u din ngħidha b’qasma ta’ qalb, dan hu l-bniedem. Dan hu li hemm moħbi fija u fik. Il-vjolenza. L-aggressività. Ix-xewqa tal-ħakma. Imma li kieku nemmnu f’xi Alla li ma jimpurtahx minna kieku ngħidlek li tama m’għandniex. B’xorti tajba Alla tagħna l-Insara mhuwiex Alla t’hemm fuq. Le! Mhuwiex Alla-Baxà li rridu inseftrulu inkella ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. L’Alla li aħna l-Insara nemmnu fih jimpurtah minna l-bnedmin. Mhux biss l-għaliex ħalaqna. Jew l-għaliex jipprovdilna ta’ kuljum. Imma, u fuq kollox, l-għaliex sar wieħed minna! Sar bniedem!

Din ir-rejaltà kbira tibdel l-andament kollu tal-istorja. Alla tagħna sar bniedem. Sar ħaġa waħda magħna. Ma tqażżiżniex fil-ħażen tagħna. Ma ħarabx mill-inġustizzji tagħna. Ma ġabniex għarbiel. Ma ħaraqniex. Ma stkerraħniex. Le! Għażel li jitwieled bħalna u jsir bħalna f’kollox minbarra d-dnub. U tifimha. L-għaliex jekk Ġesù Kristu intbagħat fid-dinja biex jeħlisna mid-dnub kif qatt seta’ ikun ilsir hu stess tad-dnub? Imqar għall-waqt wieħed biss? Li kieku ġara hekk anqas ħaqq il-battikata li kien jieħu għalxejn!

Imma l-Mulej sar wieħed bħalna biex jeħlisna minn dak li jtaqqalna. Il-ħażen itaqqal ħbieb. U jtaqqal l-għaliex ikisser it-tlett relazzjonijiet importanti li aħna, bħala bnedmin, jista’ qatt ikollna. L-ewwel relazzjoni hija dik ma’ Alla. Mela r-relazzjoni vertikali. Mingħajrha ma nistgħux ngħixu. Il-Mulej huwa l-għajn tal-eżiżtenza tagħna. Minnu aħna ħriġna. U għal għandu irridu immorru.

It-tieni relazzjoni hija dik orizzontali. Il-bniedem ma ġiex maħluq biex jgħix waħdu. Irid jgħix mal-oħrajn. Huwa bżonn fundamentali li jifforma fraternità ma ħutu l-bnedmin. U meta dan ma jseħħx minħabba l-gwerra, il-ġlied, il-pika, l-għira, f’kelma waħda minħabba l-ħażen, id-dnub, il-bniedem jitnikket u jinfena.

Imbagħad tidħol l-aħħar tip ta’ relazzjoni li aħna, bħala bnedmin, tant għandna bżonn: ir-relazzjoni magħna infusna. Ir-relazzjoni interpersonali. Jista’ ikolli l-ġid u l-għana kollu tad-dinja ħbieb imma jekk meta npoġġi rasi fuq l-imħadda mill-fond ta’ qalbi ikolli forġa minflok il-paċi għiduli intom kif nista’ tassew nagħlaq għajn m’għajn? Il-ħażen ikissirni minn ġewwa! Ma jħallinix ngħix kwiet u kwieta miegħi innifsi. Għalhekk huwa importanti li nara kif nagħmel biex neħles minnu. Infieq minnu. U narma difiża soda kontrieh!

Il-miġja ta’ Ġesù Kristu fostna hija ġrajja tal-aqwa ħniena li Alla l-Missier qatt seta’ jurina. Ma kienx biżżejjed li ħafrilna dnubietna. Ma kienx biżżejjed li baqa’ jagħtina ċans wara l-ieħor biex induru lejh. Kien jonqos l-att tal-atti: li jiġi hu stess fostna ħalli jieħu fuqu dak kollu li lilna kien ijassarna bħala bnedmin. Għalhekk il-festa tal-Milied hija l-festa tal-aqwa ħniena. Ta’ Alla li tant kemm ħenn għalina li, bħall-Ħanin Sammaritan, waqaf, nieżel mill-bhima tiegħu, dewwilna l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u ħadna fil-lukanda.

Interessanti li ħadna fil-lukanda. Jiġifieri, kif ifisser tant tajjeb Santu Wistin, ħadna fil-Knisja. L-għaliex fil-Knisja baqa’ jagħtina lilu nnifsu kuljum! Fil-Kelma setgħana u fejqana tiegħu. Dik il-Kelma li tfarraġna, turina fejn nonqsu, u tkabbrilna l-orizzonti f’ħajjitna. Imbagħad jissokta jagħtina lilu nnifsu fis-Sagramenti mqaddsa. Fihom huwa jirgħana, jgħallimna, idewwina, ifejjaqna u jafdana mill-ġdid. Imbagħad jagħtina l-għaqda tal-aħwa. Aħna Knisja! Ġemgħa. U mhux kulħadd għal rasu. Imma nimxu flimkien lejn Ġerusalemm tas-Sema.

Huwa importanti għalhekk li f’dan il-Milied niftakru kemm Alla l-Missier iħobbna. Ħenn għalina f’Ġesù Kristu Ibnu. U għadu jħenn għalina permezz tal-Knisja tiegħu li tagħtina l-Kelma tiegħu, is-Sagramenti u l-għaqda tal-aħwa. Minn dan il-Milied ‘il quddiem irridu napprezzaw aktar li ngħixu tassew ta’ bnedmin u Insara. Irridu nitgħallmu u nipprattikaw aktar ħniena ma’ xulxin.

Wasal iż-żmien li nħobbu lil xulxin tassew billi bl-imħabba u l-ħlewwa inressqu lil xulxin lejn Ġesù. Dak Ġesù li jħenn. Għalkemm l-abjad jibqa’ jgħidlu abjad u iswed jibqa’ isejjaħlu iswed. Lejn dak Ġesù li jħobb il-midneb imma jobgħod dnubu. Dak Ġesù li jridna naħfru minn qalbna jekk irridu li l-Missier tas-Sema jaħfrilna. Dak Ġesù li jridna nkunu f’għaqda waħda mal-Papa, l-Isqfijiet u s-saċerdoti tagħna ħalli nimxu bħala Knisja waħda. Dak Ġesù li jridna nżuru l-morda, il-ħabsin, li nitimgħu lil min hu bil-ġuħ u nisqu lil min hu bil-għatx. Dak Ġesù li jridna nagħtu parir tajjeb lil min hu mħawwad, li ngħallmu l-verità lil min hu sajjem minnha, li nistabru b’min idejqilna qlubna, li nitolbu lill-Missier għall-ħajjin u għall-mejtin.

Din hija tassew il-Festa tal-Milied: il-Festa tal-ħniena! Il-Festa tas-solidarjetà. Il-Festa li nikkonverti!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: