Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > It-Tielet Gwerra Dinjija miġġielda f’biċċiet?

It-Tielet Gwerra Dinjija miġġielda f’biċċiet?


Patri Mario Attard OFM Cap

Wara l-ġrajjiet imdemmija u ta’ niket kbir f’Pariġi fi Franza u f’Radisson Blu Hotel f’Bamako fil-Mali r-rimarka ta’ Papa Franġisku li għamel nhar is-Sibt 14 ta’ Novembru 2015, jiġifieri li l-vjolenza hija parti mit-Tielet Gwerra Dinjija, sabet ruħha fl-ewwel paġna tal-gazzetti internazzjonali kollha.

Ir-rimarka tal-Papa, magħmula f’intervista fuq it-telefon nhar is-Sibt 14 ta’ Novembru, fuq l-istazzjon tal-Konferenza Episkopali Taljana, TV 2000, kienet it-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija li saritlu fuq jekk dawn l-attakki terroristiċi jistgħux jiġu ikkunsidrati bħala “t-Tielet Gwerra Dinjija miġġielda f’biċċiet”. Papa Franġisku semma din il-frażi ħafna drabi oħra qabel.

Il-Papa sostna: “Din hija biċċa minnha”. Filwaqt li ssokta jgħid: “M’hemm l-ebda ġustifikazzjoni reliġjuża jew umana għaliha”. Tajjeb ngħidu li din l-evalwazzjoni tal-vjolenza fid-dinja bħala t-Tielet Gwerra Dinjija li qiegħdha tiġi miġġielda f’biċċiet hija ċertament waħda li għandha ħafna xi tgħid lil Papa Franġisku personalment. Il-Papa tant kemm huwa konvint minn din ir-rejaltà li din ir-rimarka spiss qiegħdha tissemma f’ħafna mid-diskorsi tiegħu.

Hekk, ngħidu aħna, f’Awwissu tas-sena 2014, waqt li kien fil-vjaġġ tiegħu lejn Ruma mill-Korea t’Isfel ġurnalista staqsa lill-Papa Franġisku dwar il-laqgħa tiegħu f’dak il-jum ma’ grupp li kienu “nisa tal-komfort”, jiġifieri nisa u tfajliet li ġew sfurzati jidħlu fil-jasar sesswali mill-Armata Imperjali Ġappuniża fit-territorji okkupati qabel u waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Hekk wieġeb Papa Franġisku lil dan il-ġurnalist: “Ilum aħna dinja fi gwerra. Xi ħadd qalli, ‘Father, taf li aħna qiegħdin fit-Tielet Gwerra Dinjija imma bil-biċċiet?’ Fehemha l-biċċa tax-xogħol! Hija dinja fi gwerra u li fiha dawn il-krudeltajiet huma imwettqa”.

L-Osservatur Permanenti tas-Santa Sede għall-Ġnus Maqgħuda f’Ġinevra, l-Arċisqof Silvano Tomasi, f’dak l-istess xahar f’intervista tħaddet dwar l-espressjoni li Papa Franġisku qiegħed juża biex jirreferi għall-Lvant Nofsani. L-Arċisqof Tomasi qal li b’din il-frażi, “Il-Papa seraq l-immaġinazzjoni tad-dinja”. L-espressjoni li spiss juża Papa Franġisku, jiġifieri “tat-Tielet Gwerra Dinjija miġġielda f’biċċiet”, fi kliem l-Arċisqof Tomasi “timbutttana biex nirriflettu fuq il-ħafna konflitti madwar id-dinja. Mir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika, il-Libja, il-Kongo sas-Sirja u l-Iraq tat-Tramuntana, biex insemmu biss ftit. Din l-isplużjoni tal-vjolenza qiegħdha tikkundizzjona lid-dinja kollha”.

Papa Franġisku uża l-frażi “tat-Tielet Gwerra Dinjija miġġielda f’biċċiet” fid-diskorsi tiegħu lill-movimenti popolari. Jiġifieri lil dawk il-movimenti ġejjin mill-għeruq li għandhom il-għan li joħorġu lin-nies mill-faqar. Daqs aktar minn sena ilu f’diskors tiegħu lilhom f’Ruma il-Papa tħaddet dwar din it-Tielet Gwerra Dinjija. Huwa iċċara li hemm “sistemi ekonomiċi li qiegħdin jikkawżaw il-gwerra biex jibqgħu jeżiżtu”. Il-Papa qal li l-qliegħ li qiegħed isir huwa ibbilanċjat mal-manifattura u l-bejgħ ta’ armi f’ekonomiji li “jissagrifikaw lill-bniedem f’riġlejn l-idolu tal-flus”. B’riżultat ta’ dan kollu l-Papa qal li “l-ebda ħsieb m’hu jingħata lit-tfal li huma bil-ġuħ fil-kampijiet tar-refuġjati. L-ebda ħsieb m’huwa mogħti lil dawk li qiegħdin jiġu spustati. L-ebda ħsieb mhu jingħata lid-djar imġarrfa. L-ebda ħsieb m’huwa mogħti issa lil ħafna ħajjiet imkissra. Kemm tbatija, tiġrif u niket hawn! Illum, għeżież ħuti subien u bniet, l-għajta għall-paċi qiegħdha tikber fil-partijiet kollha tad-dinja. Fil-pajjiżi kollha”.

Meta kellem lil dawn il-movimenti mill-ġdid f’Lulju li għadda matul il-vjaġġ tiegħu fil-Bolivja Papa Franġisku qal: “F’din it-Tielet Gwerra Dinjija, li ġiet iddikjarata bil-biċċiet, li issa qiegħdin nesperjenzaw, qiegħed iseħħ forma ta’ ġenoċidju. Jinħieġ li tieqaf”.

Waqt il-vjaġġ tar-ritorn tiegħu lejn Ruma mit-Turkija f’Diċembru 2014 il-Papa għamel l-istess punt meta qal: “Din hija opinjoni personali tiegħi. Imma jiena konvint li qiegħdin ngħixu fit-Tielet Gwerra Dinjija miġġielda bil-biċċiet, f’kapitli, kullimkien. Wara dan kollu hemm il-mibegħda, il-problemi politiċi, problemi ekonomiċi. Mhux biss imma hemm ħafna li qiegħdin isalvaw din is-sistema fejn l-alla tal-flus huwa fiċ-ċentru u mhux il-persuna umana. In-negozji”.

Il-Papa issokta juża din l-espressjoni f’okkażjonijiet oħra f’din is-sena. Huwa tħaddet dwar “it-Tielet Gwerra Dinjija miġġielda f’biċċiet” meta kellem lill-Insara Armeni fl-anniversarju tal-100 anniversarju mill-ġenoċidju tagħhom. U mill-ġdid meta fakkar is-70 anniversarju mill-VE Day, jew aħjar ir-rebħa uffiċċjali tal-Allejati fit-Tieni Gwerra Dinjija fuq il-Ġermanja Nażista, f’udjenza ġenerali. “It-Tielet Gwerra Dinjija miġġielda f’biċċiet” li tant titla’ fil-wiċċ fil-vjaġġi tiegħu, bħalma kienu dawk f’Sarajevo u ġewwa Turin, u mill-ġdid meta wasal f’Kuba. Din il-frażi insibuha wkoll meta tħaddet maż-żgħażagħ u mal-kappillani militari.

Din l-espressjoni toħroġ b’mod naturali mill-qalb tal-Papa Franġisku li, bl-aktar mod konkret, qiegħed imiss it-tbatija li tikkawża l-gwerra. Mhux ta’ b’xejn li, f’ħafna mill-okkażjonijiet, il-Papa appella mill-qiegħ ta’ qalbu u b’insistenza kbira: “Daqshekk gwerra. Qatt aktar gwerra”.

F’wieħed mill-appelli li jinfed tassew l-ismen qalb li Papa Franġisku għamel kien dak tal-Angelus f’Lulju tal-2014. “Ħuti subjien u bniet, daqshekk gwerra! Daqshekk gwerra! Fuq kollox naħseb fit-tfal, f’dawk li lilhom ġiet imċaħħda t-tama ta’ ħajja deċenti, u ta’ futur: tfal mejta, midruba, zopop, orfni, li għandhom bħala ġugarelli biċċiet tal-gwerra. Tfal li ma jafux kif jitbissmu. Jekk jogħġokom ieqfu! Nitlobkom minn qalbi, huwa żmien li nieqfu. Ieqfu, jekk jogħġobkom!”

Mhux li kien li dan l-appell jaqa’ fil-qlub ta’ dawk li jimmanifatturaw u jbiegħu l-armi ħa jħaxxnu bwiethom. Mhux li kien li dan l-appell jaqa’ fil-qlub ta’ dawk li, biex iwasslu l-kawża tagħhom, jirrikorru għat-terroriżmu. Le għall-gwerra! Iva għall-paċi!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: