Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Li joħroġ mill-kunvent

Li joħroġ mill-kunvent


Patri Mario Attard OFM Cap

“X’għandna għall-ikel illum?” “Illum milli joħroġ mill-kunvent!” Kemm-il darba smajtha din il-kelma. Kemm fil-kunvent u kif ukoll barra minnu. U jien, il-Patri, nitbissem! Għax naf x’jiġifieri!

Ilni niekol mill-kċina tal-kunvent mat-22 sena. Għal min jafni jaf bl-effett li ħalla fuqi l-ikel bnin li joħroġ mill-kċina tal-kunvent. Imma din is-sena, ta’ Patri li jien, ma stajtx ma nifraħx bil-bosta għall-inizjattiva sabiħa li saret biex is-seba’ edizzjoni ta’ Tisjir mill-Qalb ħarġet mill-qalb ta’ seba’ reliġjużi. Żewġ patrijiet u ħames sorijiet. Ngħidilkom grazzi u prosit minn qalbi għeżież ħuti Patrijiet Kapuċċini bħali, Patri Pawl Buġeja OFM Cap u Patri Lawrenz Briffa OFM Cap. U lilkom ħuti sorijiet Sr Tereża Ciantar DSH, Sr Dolores Attard DSH, Sr Eliżabetta Grima OSS, Sr Mikelina Mifsud OSA, u Sr Marie Rosaire Bonnici OSC.

X’tiħwira ta’ ordnijiet reliġjużi hemm f’Tisjir mill-Qalb ta’ din is-sena. Hemm tlett Franġiskani, jiġifieri 2 patrijiet u soru Klarissa klawstrali. Żewġ sorijiet ta’ Ulied il-Qalb ta’ Ġesù. Soru klawstrali mill-Monasteru ta’ Sant’ Ursola. U soru klawstrali oħra mill-Monasteru Agostinjan ta’ Santa Katerina. Il-kont tal-aħħar hu: żewġ patrijiet u żewġ sorijiet fil-ħajja attiva u tlett sorijiet fil-ħajja kontemplattiva. Kien l-ikel li għaqqadhom ilkoll flimkien! L-ikel jgħaqqad! Hekk kitbet fl-introduzzjoni tal-ktieb il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, “dan il-ktieb tat-tisjir jgħaqqadna flimkien bħala poplu wieħed, u bħala familja waħda, għaliex qed nuru solidarjetà ma’ xulxin”. U, ngħid jien, Ġesù mhux b’hekk jiġborna flimkien, jiġifieri fl-ikla qaddisa ta’ Ġismu u Demmu? U dan is-sagrament kbir tal-Ewkaristija Ġesù mhux waqt ikla waqqfu? Eh ħbieb! Huwa li jkollok platt sħun filgħaxija hija barka għall-ġisem! Aħseb u ara għar-ruħ! Li trid ukoll l-għejxien tagħha!

Issa ejjew ninżlu naqra fl-art. Meta ġie f’idejja dan il-ktieb bqajt mistgħaġeb bil-varjetà sabiħa tal-ikel li fih. Intbaħt li fih riċetti tajbin għas-saħħa. Fih is-sopop. Riċetti bil-ħaxix. Imbagħad dawk bl-għaġin jew ross. Riċetti bil-ħut. U tat-tjur. Riċetti bil-laħam. U d-deżerta! Yummy hux!

Meta ittawwalt u rajt xi riċetti ma stajtx ma nitbissimx u ma nilgħaqx xufftejja wkoll! Ħeqq! Kelli l-grazzja li għal sena nkun fl-istess kunvent ma’ Patri Pawl. Sa minn meta kien mastru tiegħi tan-novizzjat Patri Pawl dejjem sajrilna ikliet li għadni infaħħarhom ma’ kulħadd sallum. Ikliet mhux biss appetitużi imma li jinżlulek għasel! Għaliex? Għax Tisjir mill-Qalb!

 Bl-istess mod nista’ ngħid għal Patri Lawrenz li għandni grazzja kbira li jgħix miegħi fl-istess kunvent. Ma nixba’ qatt infaħħru quddiem kulħadd meta jsajjar hu: “Prosit Patri Lawrenz!” L-ikel li, minn żmien għal żmien, isajrilna fil-kunvent huwa tassew bnin. Għalhekk ħadt gost li rajt xi riċetti imniżżlin f’dan il-ktieb. Eh ħija! Staqsi lill-imġarrab! Tajbin ħbieb! Għaliex doqthom jiena stess qabilkom!

Barra minhekk f’dan il-ktieb ħelu u speċjali laqgħtuni l-kummenti li għamlu dawn il-koki bravi tal-libsa twila, tal-velu u tad-daqna. Koki mill-iprem u qalbhom f’idhom! Patri Pawl qal: “Il-kuvent tani opportunità kbira sabiex nimrah ma’ dak li nħobb, it-tisjir, li għalija hu arti u kreattività”. Patri Lawrenz qal: “Bħala Patri sikwit kien ikolli xi okkażjonijiet li nsajjar xi ħaġa, u dejjem għamilt mill-aħjar. Minn dak li tgħallimt fassalt ukoll xi riċetti jien, u fejn nista’ dejjem nagħti l-għajnuna tiegħi f’din is-sengħa”. Sr Eliżabetta qalet: “Huwa l-ikbar pjaċir tiegħi li nara lil ħuti s-sorijiet jieħdu gost b’dak li nsajrilhom”. Sr Mikelina qalet: “Qatt ma kont nuża riċetti imma dejjem kont inħaddem moħħi l-aqwa li l-ikel kien jiġi tajjeb u jieħdu pjaċir bih is-sorijiet”. U, fl-aħħarnett, Sr Marie Rosaire qalet: “Inħossni kuntenta f’dan ix-xogħol [tat-tisjir] u dejjem lesta biex nitgħallem aktar”.

L-esperjenza ta’ dawn il-koki ta’ ħila tagħlaq b’kumment ħelu mill-Provinċjal tagħna l-Kapuċċini, Patri Martin Micallef OFM Cap, li jsemmi l-magħruf sett tal-pranzu tal-porċellana li kien jintuża fil-pranzu fil-festa ta’ Missierna San Franġisk.

Għin lill-Community Chest Fund billi tixtri Tisjir mill-Qalb. Min jaf? Forsi għad tkun kok\a full-time ma’ Ġesù bħalma huma dawn il-koki!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: