Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Id-dagħwa li toqtol f’Isem Alla

Id-dagħwa li toqtol f’Isem Alla


Patri Mario Attard OFM Cap

Kulħadd sema’ bil-qtil infami u krudil li seħħ f’Pariġi sewwasew f’Rue Bichat u Rue Alibert, Rue de la Fontaine-au-Roi, Rue de Charonne, Boulevard Voltaire, Stade de France u fit-teatru magħruf Bataclan. Ġewwa Bataclan biss inqatlu madwar 80 persuna bin-numru tal-vittmi jitla’ għal madwar 129 ruħ u 353 midruba, 99 minnhom midruba serjament.

Skont il-pulizija fil-qtil ta’ 11-il persuna li seħħ f’Rue Bichat u Rue Albert, wieħed mit-terroristi għajjat “Allahu Akbar”. L-istess għajta reliġjuża nstemgħet waqt l-eżekuzzjoni ta’ 8 persuni fil-kwartieri tal-ġurnal satiriku Charlie Hebdo. Xhieda qalu li dakinnhar semgħu lil irġiel armti bil-kalashnikovs jgħajtu bl-ilsien Għarbi: “Tħallasna għall-Profeta Muħammad” u “Allahu Akbar”.

L-Isem ta’ Alla reġa’ ntuża biex jiġġustifika dan il-qtil barbariku. Qtil bla ħniena ta’ nies innoċenti. Possibbli li l-Isem ta’ Alla li mhuwiex għajr, is-Sultan, id-Divin, l-Għajn tas-sliem u s-sigurtà, Dak li jiggarantixxi s-sigurtà, il-Meqjum, is-Suprem, Dak li hu bil-Wisq Ħanin, jasal li jgħid iva għall-att terroristiku bħal dan? Fl-appell li għamel Papa Franġisku wara d-diskors tiegħu fl-Angelus tal-Ħadd 15 ta’ Novembru fil-Vatikan, huwa qal hekk: “Quddiem atti bħal dawn, ma nistgħux ma nikkundannawx dan l-affront indeskrivibbli lid-dinjità tal-persuna umana.  Irrid nafferma mill-ġdid u bil-qawwa li t-triq tal-vjolenza u tal-mibgħeda ma ssolvix il-problemi tal-umanità u, li tuża isem Alla biex tiġġustifika dawn l-atti hija dawgħa!”

Interessanti li appell bħal dan ma ħariġx biss minn fomm Papa Franġisku. Fil-website tal- Ahmadiyya Muslim Jammat Malta, li hija t-tielet l-ikbar komunità fid-dinja tal-Musulmani, nsibu miktub hekk:

“Nammetti, bla dubju ta’ xejn, li hemm Musulmani wkoll involuti f’attakki terroristiċi u suwiċidji madwar id-dinja f’isem l-Iżlam. B’xorti ħażina, dawk terroristi għandhom appoġġ kbir mill-mexxejja u mill-organizzazzjonijiet reliġjużi. Imma t-terroristi huma grupp żgħir ta’ Musulmani, u fl-aħħar mill-aħħar mhumiex l-ambaxxaturi tal-Iżlam, għaliex huma jaħdmu fuq l-aġendi u l-interessi politiċi jew personali tagħhom biss. Dawk huma n-nies li jkissru l-ftehim u l-liġi u jistħoqqilhom li jiġu kkundannati bil-qawwa u jiġu kkastigati severament skont il-liġi tal-pajjiż għall-atti ħorox u aggressivi tagħhom. Il-Komunità Aħmadija tħaddan il-prinċipji tal-paċi, tat-tolleranza, tal-imħabba u r-rispett bejn segwaċi ta’ twemmin differenti. Hija żżomm sod u taġixxi fuq it- tagħlim Koraniku. ‘Mhemmx sfurzar fir-reliġijon.’ (Il-Koran Imqaddes: 2:257). Jaħasra! Meta sejrin il-bnedmin itemmu l-persekuzzjoni u l-vjolenza kontra xulxin sabiex kulħadd jista’ jemmen u jipprattika r-reliġjon li jħobb għalih innifsu b’independenza, b’ħelsien u bil-libertà kollha. Il-Musulman veru qatt ma jista’ jagħmel dawk l-affarijiet ħżiena, għaliex fl-Iżlam m’hemm l-ebda spazju għat-terroriżmu u huwa ma jaqbilx mal-idea tat-terroriżmu, jew oħrajn simili bħall-fanatiżmu, fundamentaliżmu u l-attakki suwiċidji u l-Iżlam dejjem jitkellem kontrihom”.

F’dan id-dawl jagħmel ħafna sens dak li wissa dwaru l-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, meta qal li l-ġrajjiet fi Franza m’għandhomx iwasslu għall-preġudizzji u t-tħeġġiġ tal-kultura tal-kunflitt bejn iċ-ċiviltajiet. Il-Musulmani m’għandhomx jintefgħu f’keffa waħda.

Huwa ta’ inkuraġġament li mexxejja Musulmani qiegħdin jilqgħu l-istedina u l-eżempju ta’ Papa Franġisku li jikkundannaw bil-miftuħ u bla ebda tidwir bil-kliem attakki barbariċi bħal dawk li seħħu f’Pariġi. Jekk irridu ngħixu fil-paċi bejnietna l-vjolenza għandna niqfulha mill-ewwel. U b’id tal-ħadid. Mhux dan hu li Alla jrid?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: