Oj! Għandi ismi!


Patri Mario Attard OFM Cap

Darba veru iddejjaqt! Anzi, biex inkun eżatt, weġġajt bil-kbir! U weġġajt mhux l-għaliex kienu qiegħdin jgħidu xi ħaġa kontrija. Li kieku kien hekk kont ngħid: “U iva! Minix xi stilla! Jew xi ħadd speċjali! Imma jiena persuna bħal ħaddieħor u, bħal ħafna oħrajn, spiċċajt bħala wieħed mis-suġġetti tad-diskussjonijiet ta’ dawn il-bnedmin!” Iżda, b’dak li smajt dakinnhar waqt din id-diskussjoni bejn dawn iż-żewġ persuni tassew li iddisgustani bil-kbir!

Dan l-għaliex wieħed lil ieħor qallu għalija: “Għax dak!” Stenna ftit ħej! Għax dak?! Għax dik?! Skużi ta! Imma dak jew dik min huma proprjament? Safejn naf jien ma jeżiżtu l-ebda ismijiet ta’ persuni li jisimhom dak jew dik. Kulħadd ingħatalu isem! Isem li bih għandu jkun kburi u kburija! L-aktar jekk ikun imsemmi għall-Mulej jew wieħed jew waħda mill-qaddisin! Għax l-isem juri li din il-persuna, ġiet kif ġiet, u ġiet minn fejn ġiet, inkluż jekk ġiet mill-ibgħad irkejjen moħbija tal-proċess tat-tnissil, ġo fiha hemm l-imħabba. L-għożża. Il-ħlewwa. Id-dinjità unika u irrepetibbli ta’ bniedem u bniedma! Għiduli min ma għandux bżonn min iħobbu fil-ħajja? Min m’għandux bżonn li jieħu ħsiebu? Min imantnieh? Min jagħti kasu? Min miegħu jew magħha jkun jista’ iserraħ qalbu?

Imma ħej meta tisma’ l-kelma misħuta ta’ dak jew dik, ngħidilkom li ma jibqa’ xejn iżjed fik! U ma nlumekx jekk iddur fuq dak il-fomm ħażin u mimli velenu li minnu tkun ħarġet din il-vleġġa jew stallett u tagħtih jew tagħtiha ħasla nobis! Anki jekk bil-pulit. Imma ħasla tibqa’! Ħasla kif imissu u jmissha! Kliem bħal dan m’għandux jibqa’ għaddej lixx! Qisu qatt ma’ intqal. Sieħbi! Għandi ismi! Oħti jiena b’ismi jgħajtuli! Mela tistenniniex li se nwieġbek jekk ma tgħajjatlix għajr b’ismi! U dan qed nagħmlu mhux bi ħdura. Lanqas l-għaliex issa xammart imnieħri u arani la tkellimnix! Imma qed nagħmlu, l-ewwel u qabel kollox, b’rispett lejk u lejja innifsi warajk. L-għaliex il-limiti issa inqabżu bil-kbir!

Interessanti ħija u oħti, li fil-Bibbja l-Mulej dejjem jgħajjat bl-isem lill-persuna li magħha jkun qiegħed jitħaddet. Lil Mosè l-Mulej sejjaħlu: “Mosè, Mosè!” (Eż 3:4). Lil Samuel sejjaħlu: “Samwel! Samwel!” (1 Sam 3:10). Lil Xmun Pietru saħansitra bidillu ismu. Imma qatt ma ħallieh bla isem! “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa’ – jew Pietru” (Ġw 1 :42). U lil Sawl, kif qorob lejn Damasku, sejjaħlu minn ġo dawl kbir u qallu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4).

Arawħ! Isimgħuh! Dejjem jibqa’ isejjaħ bil-leħen ħlejju u penetranti tiegħu! Isejjaħ l-isem tal-persuna li magħha jrid jitkellem. Jew li lilha jagħti xi missjoni importanti. L-għaliex il-Mulej mhuwiex taħwida. M’għandux xi aġenda moħbija. Bħalma nsibu li għandna jiena u int. Le! Huwa dirett! Ċar kristall! Isejjaħ lill-persuna f’ċirkustanzi differenti ta’ ħajjitha. Kemm meta l-persuna, li magħha jkun se jitkellem, tkun kurjuża. Bħalma kien Mosè li ried ikun jaf l-għaliex l-għollieq m’huwiex ikkunsmat għalkemm kien qed jarah jaqbad (ara Eż 3:2). Inkella bħal Samwel biex jagħtih missjoni importanti għall-poplu ta’ Iżrael (ara 1 Sam 3:11-14). Jew, saħansitra, biex jiftaħ għajnejn dak li jkun bit-tama li b’hekk jinqala’ mill-ħażen u jdur mill-ġdid lejn is-sewwa. F’moħħi jiġini Ġuda l-Iskarjota. “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?” (Lq 22:48).

Anki meta jmur minn taħt il-Mulej qatt ma jaqa’ fil-baxx u jħalli lilu nnifsu jinbela mir-rabja qattiela ta’ dak jew dik. Xorta waħda jibqa’ jgħajtilna b’isimna! L-għaliex jagħmel differenza bejn l-għemil u min jagħmlu. Lill-bniedem iħobbu! Huwa l-għemil ħażin tiegħu li jistkerraħ!

U mela ejja inħalluh jgħallimna ħabib! Nibqgħu nittrattaw lil xulxin ta’ bnedmin aħwa! U meta niżbalja ikkoreġini bi ħlewwa kbira! Imma qatt tgħidli dak jew dik. Jekk ma tridnix ngħidlek: “Oj! Għandi ismi!”

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: