Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Ħobż għal snieni! U għal snienek!

Ħobż għal snieni! U għal snienek!


 

Patri Mario Attard OFM Cap

Novembru, ix-xahar mhux sempliċiment tal-mejtin. Imma, u fuq kollox, tal-ħajjin. Jiġifieri ta’ dawk li marru qabilna. Ta’ dawk li qiegħdin fis-sema. Ta’ dawk li qiegħdin igawdu lil Alla. Tal-qaddisin!

Ġieli sibt min jgħidli: “Minix bir-raġġiera!” F’dak il-każ dan nistgħu ngħidu għalija ukoll, l-ewwel wieħed. Lanqas jien le, avolja Patri, ma nista’ ngħid li jien bir-raġġiera. Anzi! Aktar kemm il-Mulej jagħtini l-grazzja ngħix fuq din l-art aktar nintebaħ kemm għadni lura. Kemm għad fadalli x’nikkonverti. Kemm għad irrid inħallih iqaċċat minni dak li ma jogħġbux.

Xi wħud, anki Insara, jaħsbu li l-qdusija hija bħal switch. F’daqqa waħda wieħed minn naħa imur fuq oħra. Kieku tajjeb! Imma illum, mill-esperjenza li l-Mulej jagħtini mal-poplu tiegħu, din lanqas nitlobha. L-għaliex meta bniedem minn naħa jmur oħra f’daqqa malajr jinsa’ x’kien qabel! Huwa hawnmhekk li isiru żbalji ħoxnin. Qiegħed nirreferi għall-iżbalji tal-ġudizzju. Dan l-istess bħall-għalliem fl-università li, fil-ħerqa tiegħu biex jgħallem, donnu jinsa li darba hu wkoll kien student. Filwaqt li għandu raġun iħeġġeġ lill-istudenti tiegħu biex jistudjaw ejjew inkunu saqajna mal-art u ma nippretendux l-impossibbli. Safejn naf jien il-kotba nużawhom u mhux niekluhom!

Li kieku xi ħadd kellu jistaqsini x’inhi l-qdusija jiena ngħidlu li hija r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù Kristu. Fil-fatt, il-qdusija hija l-missjoni essenzjali tagħna l-Insara. Bis-saħħa tal-magħmudija, li ilkoll irċevejna, aħna msejħa biex inkunu qaddisin. Tiftakru f’dik il-libsa żgħira u ħelwa bajda li biha inlibbsu lit-trabi tagħna wara li ngħammduhom? X’jgħid is-saċerdot wara li jidlek il-qurriegħa tat-tarbija biż-żejt imqaddes tal-griżma u jgħid it-talba marbuta magħha? “Inti sirt ħolqien ġdid u lbist lil Kristu. Qis li din il-libsa bajda tkun għalik sinjal tad-dinjità tiegħek. Bil-għajnuna tal-kelma u l-eżempju ta’ qrabatek, żommha fuqek bla tebgħa sal-ħajja ta’ dejjem”.

 

Dik il-libsa l-bajda m’hijiex libsa bħall-oħrajn. Dik il-libsa l-bajda tfisser li l-persuna li tgħammdet issa “libset ‘il Kristu” (ara Gal 3,27). Irxuxtat miegħu għall-ħajja. Għalhekk huwa mportanti li b’ħajjitha, jiġifieri bl-għażliet tagħha, hija tgħix il-wegħdiet tal-magħmudija tagħha. Dawk il-wegħdiet li jwassluha tiċħad lid-dnub ħa tgħix fil-ħelsien ta’ iben u bint ta’ Alla. Li tiċħad lill-qerq tal-ħażen biex id-dnub ma jaħkimx aktar fuqha. Li tiċħad lix-xitan li jqanqal u jħajjar għad-dnub. U issa li x-xitan ġie miċħud is-santwarju ġewwieni tal-persuna, jiġifieri l-qalbha u r-ruħha, għandhom jimtlew bil-preżenza li tqaddes ta’ Alla Trinità.

Bl-għażliet u bl-għemejjel tagħha l-persuna għandha turi li temmen tassew f’Alla il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art. B’ħajjitha għandha turi li temmen f’Ġesù Kristu, Ibnu l-waħdieni u Sidna, li twieled minn Marija Verġni, bata u miet u difnuh, qam minnbejn l-imwiet u qiegħed fil-lemin tal-Missier. L-ispirtu tal-persuna mgħammda għandu jixhed it-twemmin fl-Ispirtu s-Santu, l-appartenenza tagħha għall-Knisja mqaddsa kattolika, li tħossha parti mix-xirka tal-qaddisin, li temmen fil-maħfra tad-dnubiet u fil-qawma mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem.

Dan kollu juri li lili u lilek il-Mulej qed isejħilna biex inkunu qaddisin fid-dinja tallum. Qed jistedinna nkunu missjunarji tal-imħabba tiegħu li turi ruħha fil-ġrajjiet l-aktar ordinarji tal-ħajja. Għaliex aħna m’aħniex qegħdin ngħixu f’din id-dinja sempliċiment biex nitqaddsu b’mod personali biss. Għall-kuntrarju! Il-Mulej irid li permezz tagħna iqaddes lid-dinja kollha. L-ewwel nett permezz tagħna, bħala Knisja. U mbagħad permezz tal-familji li hu tana. Kemm jixtieq li Saltnatu ta’ qdusija, ġustizzja, imħabba u paċi tniżżel aktar għeruqha fil-ħajjiet tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna!

 

F’omelija sabiħa li Papa Franġisku għamel fuq dan is-suġġett, jiġifieri dik tat-13 ta’ Novembru 2014, huwa qal li għalkemm is-Saltna se turi l-qawwa tagħha fl-aħħar taż-żmien bil-miġja ta’ Kristu madankollu s-Saltna ta’ Alla turi ruħha wkoll fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Huwa qal: “Meta wieħed jaħseb fuq il-perseveranza ta’ ħafna Insara li tant jitħabtu biex jtellgħu l-familji tagħhom – irġiel, nisa, – li jieħdu ħsieb uliedhom, nanniethom u jaslu sal-aħħar tax-xahar b’nofs ewro imma jitolbu. Hawn hi s-Saltna ta’ Alla, moħbija, fil-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum, il-qdusija ta’ kull ġurnata. L-għaliex is-Saltna ta’ Alla m’hijiex ‘il bogħod minna. Hija viċin! Dan huwa wieħed mill-fatturi tagħha. Hija viċin tagħna kuljum”.

Il-qdusija hija s-Saltna ta’ Alla fostna. Dik is-Saltna li hija tant umli imma, kif qal il-Papa, “issir kbira bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. F’idejna x-xogħol li nħalluha tikber fina mingħajr ma noqgħodu niftaħru biha”. Imbagħad il-Papa spiċċa l-omelija tiegħu b’din it-tħeġġiġa tant sabiħa: “Ejjew inħallu lill-Ispirtu jiġi biex jibdel ir-ruħ tagħna u jmexxina ‘l quddiem fis-skiet, fil-paċi, fit-trankwillità, fl-għaqda ma’ Alla, mal-oħrajn, fil-qima ta’ Alla, mingħajr tejatrini”.

U dawn huma n-nies ħbieb li f’ħajti u f’ħajtek għamlu id-differenza: fis-skiet urewna l-imħabba ta’ Alla għalija u għalik b’ħafna ġenerożità! Iva! Huma dawn in-nies li urewna li b’Alla Trinità f’ħajjitna kollox jieħu direzzjoni ġdida. L-għaliex qalbna tibda’ tinbidel. Dawn in-nies urewna li la trid tkun xi skular u lanqas tappartjeni għal xi grupp partikulari fil-Knisja. Li jgħodd hu li tilqa’ lil Ġesù kif imwassal lilek mill-Knisja u tgħixu b’ħafna ferħ!

uq kollox dawn in-nies juruni u juruk li l-qdusija hija ħobż għal snieni! Għal snienek!

 

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: