Għall-gwerra!


Patri Mario Attard OFM Cap

Mà x’biża! Mela ġejja l-gwerra Patri? U dan kif inqalgħet gwerra u aħna ma nafux? Int, bħali, ilek tgħixha l-gwerra mill-mument li ħriġt minn ġuf ommok. Ħa ngħidlek sieħbi kemm hu veru li qed ngħidlek.

Ġieli ġralek li tkun trid tagħmel is-sewwa b’saħħa u mbagħad tħossok imdawwar b’qawwa li kważi iġġennek biex tagħmel eżatt il-kontra tat-tajjeb li tkun tassew tixtieq? Ġieli ġralek li aktar ma tkun trid titbiegħed mit-tentazzjoni aktar issibha tiġri warajk? Issa din m’hijiex gwerra?

Qabel inħallu lill-Ġeneral, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu, jgħallimna kif għandna niġġieldu f’din il-gwerra irridu niftakru ħaġa tassew importanti: aħna m’aħniex qegħdin fi gwerra mal-bnedmin! U dan hu l-iżball li nagħmlu. Le! Ma rridux nieqfu fuq il-bniedem. Aħna qiegħdin fi gwerra kontra l-ispirtu li jkun hemm fil-bniedem. Dak l-ispirtu ħażin li jkun hemm idur magħna biex iwaqqagħna fil-ħażen. Fl-Ittra lill-Efesin Pawlu jfakkarhielna din meta jgħidilna: “Ilbsu l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan. Għax il-ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet” (Efes 6 :11-12).

U ejja Patri! Mela ħsibtna li aħna tad-Delta Force jew? Sieħbi nifhmek li għall-bidu tirribella. Nifhmek! L-għaliex anki jien hekk x’ħin smajtha u qrajtha għall-ewwel darba fil-Bibbja. Imma ħej meta bdejt narani imwaħħal ma’ ċertu dnubiet, meta ħassejtni ilsir tad-dnub, imbagħad bdejt naħsibha mod ieħor. Għall-ewwel ippruvajt nirbaħlu bir-rieda tiegħi biss. U hawn veru ħriġt bl-unuri! Għaliex aktar tjassart. Lix-xitan sieħbi ma nirbħulux bir-rieda tagħna biss! Le! Jekk, ngħidu aħna, jiġi jattakkana pajjiż, aħna waħedna nistgħu niġġieldulu? Irid ikollna saqajna mal-art u ngħidu : LE! Żgħar wisq biex naffaċċjaw lill-għadu waħedna. Imma jekk nidħlu f’allejanza ma’ qawwa li jibża’ minnha kulħadd hemmhekk l-istorja tinbidel! L-għaliex il-pajjiż li jkun se jattakkana jaħsibha u jerġa’ jaħsibha. U jekk ifettillu jattakkana jsibu ruħu joħodha kontra ġgant! Mela, “aħjar nibla’ ilsieni. Inrażżan idejja. U noqgħod pass lura!”, jirraġunalek.

L-istess fil-ħajja tar-ruħ! Ma nistax nippretendi li noħodha kontra x-xitan u l-ispirti ħżiena li jattakkawni bit-tentazzjonijiet tagħhom waħdi! Ma ninsewx ħbieb, hemm isfel hemm qawwa tad-dlamijiet. Veru li ħdejn il-qawwa tas-sema lanqas tibda’! Tant hu hekk li dejjem it-tajjeb jirbaħ! Ix-xitan dejjem jispiċċa jiġi mkeċċi bil-qawwa tal-Isem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu li rebaħlu rebħa dejjiema nobis bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Għalhekk huwa l-qaddis li jagħmel ħoss. Il-ħażin ikun mistkerraħ. Hekk, ngħidu aħna, meta wieħed jiftakar f’San Ġwanni Pawlu II jew f’Santa Faustina tgħidx kemm jifraħ! Imma ma naħsibx li jifraħ meta jiftakar f’Hitler jew f’Neruni! L-għaliex l-ispirtu tal-bniedem jurik x’inhu l-bniedem!

Għalkemm hija qawwa telliefa l-qawwa tad-dlamijiet tibqa’ xorta qawwa. U la hija qawwa irridu nitħejjew kontrieha. Kif? Billi nilbsu l-armatura ta’ Alla! Billi nsiru allejati ma’ Ġesù Kristu!

Isimgħu naqra x’tgħidilna l-ittra lill-Efesin: “Għalhekk ħudu fuqkom  l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, żżommu weqfin. Żommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità, ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja, u xiddu riġlejkom bil-ħeġġa ta’ l-Evanġelju tas-sliem; ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi; li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin; ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla ta’ l-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla. Itolbu dejjem fl-Ispirtu, b’kull xorta ta’ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu, u itolbu għall-ħtiġiet tal-qaddisin kollha. (Efes  6:13-18).

B’dawn l-armi irid jintrebaħ l-għadu tagħna x-xitan sieħbi! Jiġifieri bil-verità, bil-qdusija, bil-ħeġġa tal-evanġelju tas-sliem, bil-fidi, bis-salvazzjoni, billi ngħixu l-Bibbja u nitolbu għal xulxin! U meta jferina bil-ħażen ejjew infiequ bil-qrar u bl-Ewkaristija. Ommna Marija tfarraġna bi mħabbitha!  Din il-gwerra li qiegħdin fiha tispiċċa kif nagħlqu għajnejna. Imma b’dawn l-armi naslu żgur… Għalihom!!!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: