Kollox sew?


Patri Mario Attard OFM Cap

Għadni kemm ġej mill-funeral ta’ wieħed mill-Patrijiet Kapuċċini li dejjem laqagħtni għas-sempliċità, il-ferħ u l-karità li dejjem għamel mal-batut. Il-mibki Patri Krispin Tabone OFM Cap.

Patri Krispin kien iħobb isaqsi lil dak li jkun: “Kollox sew?” Il-frażi tfakkarni li Patri Krispin innifsu kien sewwa mal-Kollox. Mal-Kollox li hu s-sewwa! Jiġifieri l-Mulej! Nhar l-Erbgħa 21 t’Ottubru, fi Knisja ippakkjata tas-Salib Imqaddes fil-Furjana, għadd ġmielu ta’ nies ġew biex jagħtu l-aħħar tislima lill-bniedem li ta ħajtu għal Ġesù Kristu kemm fil-missjonijiet, mal-foqra u kif ukoll f’servizz minn qalbu lil ħutu l-Patrijiet bħala Gwardjan u Provinċjal.

Ħafna għadhom japprezzaw ix-xogħol kbir u siewi li Patri Krispin wettaq fil-missjoni fl-Etijopja u aktar tard f’Wajir fil-Kenja. Bħalma qal l-Isqof ta’ Garissa, Mons Pawlu Darmanin OFM Cap, it-telfa ta’ Patri Krispin hija kbira. L-istess ħsieb ġie ikkonfermat mill-Viċi Provinċjal tal-Viċi Provinċja Kapuċċina fil-Kenja fejn qal li minkejja daqshekk distanza t-telfa ta’ Patri Krispin inħasset sewwa fl-art fejn hu tant ħadem b’imħabba kbira. Spiss b’sogru kbir għal ħajtu stess. Huwa ta’ faraġ u kuraġġ li dak li beda Patri Krispin f’Wajir għadu għaddej sallum. Baqa’ jħobb il-missjoni saħansitra anki wara li irtira mill-Afrika. Xhieda ta’ dan kien il-grupp ta’ Eritrej li kantaw fil-quddiesa funebri tiegħu.

Għalija Patri Krispin huwa mniżżel fil-qalb tiegħi bħala l-Provinċjal li ipprofessani għal dejjem fl-Ordni Franġiskan Kapuċċin. Għadni niftakar fil-kelmiet tal-omelija tiegħu dakinnhar tal-professjoni tiegħi. Kien qalli flimkien maż-żewġ ħuti Kapuċċini l-oħra: “Illum qiegħdin niċċelebraw funeral. Qiegħdin niċċelebraw il-mewt ta’ dawn it-tlett żgħażagħ għad-dinja u l-qawmien tagħhom għal ħajja ma’ Kristu fuq il-passi ta’ Missierna San Franġisk”. Patri Krispin kien ukoll il-Proviċjal li fi żmienu qaddist. Ma ninsa’ qatt il-ferħ kbir tiegħu meta rani inqaddes għall-ewwel darba kemm fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ma’ Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca u kif ukoll fil-prima messa tiegħi fil-Knisja Parrokjali Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann. Lil Missieri, Alla jaħfirlu, kien qallu: “Meta irringrazzja lilek u lil martek diskorsu bikkieni”.

Patri Krispin kien Provċinjal meta l-għażiża oħti Josephine, li llum m’għadiex magħna, kienet mardet bil-mard qerrieda tal-kanċer. Kien hu li, b’tant kompassjoni u mħabba ta’ missier, tani l-permess biex stajt nitla’ magħha l-Ingilterra għall-kura. F’kull bżonn li kelli, f’dan il-perjodu diffiċli ta’ ħajti, dejjem sibtu hemm għalija bħala missier ħanin u mimli mħabba għal ibnu fil-bżonn. Dak li wettaq Patri Krispin miegħi u mal-familja tiegħi ma ninsieħ qatt!

Dan il-Patri li, skont Patri Bertrand Vella OFM Cap u ħafna oħrajn, kien “ġentlom” kbir, kien talba ħajja. Ħafna minna l-Patrijiet xorbu l-eżempju mill-isbaħ tiegħu ta’ bniedem li jitlob. Kemm kien iqatta’ ħin jitlob quddiem Ġesù Sagramentat fil-Kappella tal-kunvent! Patri Krispin kien saċerdot Ewkaristiku kbir!

Barra minhekk kien profetiku wkoll. Mhux biss fil-Fundazzjoni Suriet il-Bniedem li qed tagħti għajnuna kbira lill-foqra ta’ żmienna imma wkoll fl-emfażi li kien jagħmel biex il-Patrijiet ikunu ferħanin. Niftakru jisħqilna biex inkunu nies ta’ ferħ u sempliċità. Papa Franġisku tah raġun bil-pubblikazzjoni tal-Ittra Appostolika tiegħu Evangelii Gaudium.

Patri Krispin illum qiegħed sewwa l-għaliex jinsab maqgħud mal-Kollox, Ġesù Kristu, għal dejjem. Sieħbi, ma taħsibx li mal-Kollox tkun dejjem sew?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: