Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ħidma imsejsa fuq il-ħniena tal-vanġelu.

Ħidma imsejsa fuq il-ħniena tal-vanġelu.


175 sena mit-twaqqif tal-Provinċja tal-Aħwa Minuri Kapuċċini Maltin

Nhar is-27 ta’ Awwissu 2015 il-Provinċja tal-Aħwa Minuri Kapuċċini Maltin għalqet 175 sena mit-twaqqif Kanoniku tagħha. Kien b’riħet Patri Ewġenju minn Rumilli, il-Ministru Ġeneral tal-Ordni Kapuċċin, li b’digriet tas-27 t’Awwissu 1840 għolla l-Kustodja ta’ Malta għall-grad ta’ Provinċja awtonoma fl-Ordni.

F’dan l-anniversarju daqshekk importanti fl-istorja tal-Provinċja Kapuċċina Maltija jiġini f’moħħi dak li kiteb Papa Franġisku fl-Ittra Appostolika lill-Persuni ikkonsagrati fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ħajja Ikkonsagrata nhar il-21 ta’ Novembru 2014:

“Inħarsu bi gratitudni lejn l-imgħoddi. Kull istitut tagħna ħiereġ minn storja kariżmatika għanja. F’għeruqha hemm l-azzjoni ta’ Alla, li bl-Ispirtu tiegħu, sejjaħ lil xi persuni għal mixja eqreb wara Kristu, biex isarrfu l-Evanġelju b’xejra partikulari ta’ ħajja, biex jaqraw is-sinjali taż-żminijiet bl-għajnejn tal-fidi, biex iwieġbu bi kreattività għall-ħtiġijiet tal-Knisja”.

Hija din il-ħarsa bi gratitudni lejn l-imgħoddi li lilna l-patrijiet il-Kapuċċini tagħtina tama għall-ġejjieni. L-imgħoddi jnissel fina kuraġġ biex nissuktaw dak li komplew ta’ qabilna. Nixtieq għalhekk insemmi xi aspetti ta’ ħidma wiesa’ u mifruxa li seħħet f’dawn l-175 sena ta’ storja. Ħidma ħafna ‘il bogħod mill-pubbliċità tal-ġurnali imma li ħalliet frott tassew kotran u li jibqa’.

Patri Mario Attard OFM Cap

Fil-vanġelu skont San Mattew meta nidhru quddiemu Ġesù għall-ħaqq se jgħidilna: “Kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25:36). Ubbidjenti għall-Kelma ta’ Ġesù u mħeġġa mill-eżempju ta’ San Franġisk li, fit-Testment tiegħu, jistqarr imħabbtu lejn dawk morda mill-ġdiem bil-kliem “jiena wrejt ħniena magħhom,” nsibu lill-Aħwa Kapuċċini jgħixu b’fedeltà din il-missjoni tad-deheb li l-Mulej sejħilna għaliha.

Nibda’ mill-ħidma tal-patrijiet Kapuċċini mal-morda u l-anzjani. Min jista’ jinsa l-ħidma li saret fil-post fejn illum hemm Mount Carmel f’Ħ’Attard fejn l-Aħwa Kapuċċini tant ħadmu ma’ persuni li għandhom bżonn kura psikjatrika? Din il-ħidma bdiet uffiċjalment fl-1861 u għadha għaddejja sal-ġurnata tallum. Fl-1968 l-Aħwa Kapuċċini nsibuhom jassistu spiritwalment fl-isptar Ċentrali fil-Furjana. Sa mill-1901 il-Kapuċċini għenu spiritwalment lir-residenti ta’ dak li kien magħruf bħala l-Inghieret u aktar tard ismu ġie mibdul f’San Vinċenz de Paule. Din il-ħidma ntemmet fl-2013.

Fl-1934 l-Aħwa Kapuċċini daħlu jaħdmu bħala kappillani fl-isptar li kien jospita l-morda bil-ġdiem. Filwaqt li fl-1937 il-Provinċja Kapuċċina Maltija ġie afdat f’idejha l-missjoni li tieħu ħsieb spiritwalment l-isptar ta’ dawk li kienu morda bis-sider. Ħidmiet oħra fl-isptarijiet li l-Aħwa Kapuċċini Maltin wettqu b’tant imħabba huma dik fl-isptar ta’ Santo Spirito fir-Rabat; fl-isptar Cannaught fl-Imdina; fl-isptar tal-Blue Sisters f’San Ġiljan li għalaq fl-1980; fl-isptar tal-Ferħa fil-Għargħur mal-morda tal-lebbra; fl-isptar Żammit Clapp f’San Ġiljan mal-morda anzjani; fl-isptar San Luqa fi G’Mangia; li kien l-isptar ewlieni ta’ Malta ma’ Karen Grech u kif ukoll fl-isptar Sir Paul Boffa fil-Furjana. Il-ħidma ġeneruża u dedikata tal-Patrijiet Kapuċċini mal-imwarrbin tas-soċjetà wieħed għadu jilmaħha u japprezzaha fl-isptar Mater Dei li ħa post l-isptar San Luqa u fl-isptar Sir Anthony Mamo fl-Imsida li infetaħ uffiċjalment din is-sena biex jissokta l-ħidma mal-morda bil-cancer. Parti importanti minn din il-ħidma ta’ ħniena kbira ma’ min hu marid hija dik li għadha issir fir-Residenzi tal-Anzjani f’Rużar Briffa, Ħal-Luqa u fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa. Sa ftit snin ilu l-Aħwa Kapuċċini assistew spiritwalment lill-morda Maltin li kienu jintbagħtu f’Ruma, Como u fl-Ingilterra għal aktar kura.

Mal-ħidma mal-morda insemmu wkoll il-ħidma pastorali li l-Kapuċċini Maltin wettqu fiċ-Ċimiterju ta’ Marija Addolorata f’Raħal il-Ġdid sa mill-ftuħ tiegħu fl-1869. Hawnhekk kienu assenjati żewġ Kapuċċini, fejn wieħed minnhom kellu jkun saċerdot. Din il-ħidma l-Patrijiet issuktaw jaqduha bi mħabba sal-2010.

Ġesù jgħidilna ukoll: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35). Anki f’dan il-qasam tal-għajnuna soċjali l-Aħwa Kapuċċini wieġbu bi qlubija għall-Kelma ta’ Ġesù. Insemmu fi żminijietna l-Fundazzjoni ‘Suret il-Bniedem’ li bdiet minn Patri Leopoldo Tabone li kien il-kappillan tal-ħabs. Patri Leopoldu għen bis-sħiħ sabiex tinfetaħ dar għal dawk li wara li joħorġu mill-ħabs tagħti kenn lil dawk li huma bla saqaf fuq rashom. Din l-opra tal-ħniena bdiet fl-1993 permezz tad-Dar Welcome Home fil-Fgura. Kien fl-1999 meta twaqqfet il-Fundazzjoni ‘Suriet il-Bniedem’ u li illum għandha erbat idjar. Jiġifieri waħda fil-belt li fiha tilqa’ nisa u tfal. L-oħra fil-Gżira li fiha tilqa’ l-irġiel. Filwaqt li t-tnejn l-oħra huma f’Albert Town, il-Marsa, u li fihom jilqgħu persuni ġejjin mill-Isptar Mount Carmel imma li jistgħu jgħixu fil-komunità.

Ġesù ifaħħar ukoll lil dawk li laqgħuh fil-priġunieri. L-għaliex fihom huwa jinsab b’mod ħaj. “Kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:36). Dan ix-xogħol l-Aħwa Kapuċċini Maltin għadhom iwettquh b’imħabba u delikattezza fil-ħidma pastorali li jwettqu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fl-istorja tal-Provinċja Kapuċċina Maltija l-Aħwa Kapuċċini ġew afdati mill-Gvern tal-pajjiż bil-missjoni li jassistu spiritwalment ma’ dawk li kienu issentenzjati sabiex jiġu maqtula bil-forka. Fost dawn insemmu lil Patri Fidiel mill-Belt Valletta li f’din il-ħidma tiegħu jingħad hekk: “Con una virtuosa arte assisteva e ben morire ai condannati all’estremo supplicio”. Xogħol ieħor marbut ma’ dan huwa dak li jsir mal-korp tal-Pulizija.

Jekk qed tħoss li dan l-istill ta’ ħajja jaffaxxinak u li int tista’ tkun parti minn din l-avventura Kapuċċina ċempel lil Patri Ivan Sciculna OFM Cap fuq 20800612 jew fl-email: capuchinvocationsmalta@gmail.com

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: