Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Viva s-sempliċità!

Viva s-sempliċità!


Patri Mario Attard OFM Cap

Fil-ħajja hemm ċerti esperjenzi li ma ninsewhom qatt. Mhux fis-sens negattiv u marradi tas-soċjetà tallum li donnha tagħmel festa jew għaġeb fuq it-tramwiet. It-tramwiet, isimhom magħhom, huwa weġgħat li, bil-mod il-mod, u bil-għajnuna ta’ kulħadd, u fuq kollox tal-Mulej, iridu jibdew jitfejqu. Imma ta’ esperjenzi sbieħ. Ħelwin. Mimlija faraġ u kuraġġ!

Milux, kif kont għal kwiet miexi f’wieħed mill-kurituri tal-isptar, ġietni f’moħħi l-esperjenza. Forsi għal uħud ma tfisser xejn. Imma għalija tfisser. L-għaliex, meta niftakar fiha, tgħidx kemm nieħu kuraġġ. Ftakart meta, daqxejn ta’ tifel, kienet l-għaxqa tiegħi ninżel mal-gaj ta’ tfal bħali lejn il-Wied. Nixxabtu mal-blat. Inwaddbu l-ġebel fis-siġar u nieħdu gost naraw l-għasafar itiru. Insibu xi għalqa tajba għal xi logħba ballun. Insibu żewġ ġebliet u nagħmlu logħba futbol mill-isbaħ! Imbagħad, wara l-logħba, nibdew bil-qajla l-qajla nibnu dak il-kamp sabiħ li fih konna noqgħodu biex nistrieħu wara logħba tajba tal-ballun. Kulħadd kien imidd idejh biex dan l-imbierek kamp jinbena. U, minkejja li konna inkunu għarqana xraba, arana inxammru l-kmiem ħa nibnu!

U meta kien jasal wara nofsinnhar għal fuq il-blat! Ajma! L-aktar meta kienet tagħmel dik il-ħalba xita! Kien l-għors tagħna nitfgħu l-ġebel fl-għadajjar u naħslu lil xulxin! Mhux l-ewwel darba li laqqattgħa meta kont immur id-dar għaliex kont insir kollni kannella bil-ħamrija! U, fi żmien il-boċċi, arana nilgħabu f’kull rokna li nsibu l-boċċi li kien ikollna fil-borża. Kienx  qabel il-ħin tal-iskola. Jew f’nofsinnhar. Inkella qabel il-lezzjonjiet tal-Mużew! Biex tgħaxxaqha mhux l-ewwel darba li s-superjur, Alla jaħfirlu, kien jixtħilna xebgħa boċċi mis-sular ta’ fuq. U aħna, bħal tfal imġewħa, konna naqbżu fuq xulxin għal dawn l-imberkin boċċi. U mur ara! L-aqwa li jkollna biex nilgħabu. Inqattgħu ż-żmien. U, fuq kollox, nifirħu flimkien.

Fi ħsibijieti ġew ukoll xi ġrajjiet tal-iskola primarja. L-avvenimenti sportivi li kien ikollna. U meta, l-għalliem tal-edukazzjoni fiżika, kien għażilni biex nittrenja mat-tim tal-futbol tal-iskola. Imbagħad ġiet l-Isports Day u t-teatrin. Għadha stampata f’moħħi sallum meta fil-play ta’ Wenzu u Rożi l-għalliema kienet għażlitni biex nagħmel il-parti tal-kappillan. Għall-kostum ma kinitx problema tafux! Kulma kelli nagħmel hu li nilbes il-libsa s-sewda tal-libsa tal-abbatini minn barra l-ispellizza! Kemm kienu daħku t-tfal dakinnhar tal-play meta rawni ninħasad ħasda nobis l-għaliex Wenzu fettillu jċaqlaq saqajh waħda sewwa u lili, il-qassis, kien għoddu qelibni!

Wara ġiet l-esperjenza fl-iskola tas-snajja’ meta jdejja qajla raw il-pinna tal-imgħallma filwaqt li ndafru dafra sewwa mas-serrieq, iċ-ċana, ir-raspa, il-lima u l-ixkaltar bis-sandpaper. Imma, f’dawn l-esperjenzi kollha kien hemm il-ħajta tad-deheb tas-sempliċità. Iva, dak il-ferħ ġewwieni li kien jgħinni nimmaġina u nara kollox u lil kulħadd tajjeb! Dak is-sentiment jew aħjar dik l-arja ta’ ħniena li kont inħossha tiċċirkundani u tħaddanni magħha kulfejn imur!

Kif nistgħu nelgħbu l-kumplikazzjonijiet li tgħabbejna bihom illum? Kif nistgħu nerġgħu naraw kollox u lil kulħadd b’mod sabiħ? Ma naħsibx li hija xi ħaġa ta’ kif tpoġġi d-diskors. Lanqas tat-tagħlim kburi tal-moħħ. Naħseb aktar hija ħaġa tal-qalb li taħfer. Tħenn. Tifhem. U li tkun lesta li titħabbeb mal-Mulej, mal-proxxmu u magħha innifsha.

Sabiħa din il-ħaġa. L-għaliex din hija r-rejaltà. Il-ġlied u n-nuqqas ta’ maħfra huma kumplikazzjonijiet tal-ħażin. Imma din li semmejna hija l-ħelsien tassew!  Viva s-sempliċità!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: