Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Tgħallimtu bl-esperjenza!

Tgħallimtu bl-esperjenza!


Patri Mario Attard OFM Cap

Twelidt nhar it-28 ta’ Marzu 1515. Din is-sena qegħdin isiru festi kbar madwar id-dinja l-għaliex għalaqt 500 mitt sena!

Imma, għalkemm ġismi ilu li sar ħaġa waħda mat-trab tal-art, l-għaliex trab hu u trab jerġa’ isir, jien għadni ħajja fostkom. Jiena mara li kelli nħabbat wiċċi ma’ diffikultajiet kbar f’ħajti. Imma l-ostakli li kelli negħleb ma kienux le ta slaten, patrijiet, sorijiet, isqifijiet jew papiet. L-akbar ostakolu li kelli nirbaħ kien lili nnifsi stess.

Uħud jaħsbu li l-għaliex tgħid iva lill-Mulej u tidħol f’kunvent biex tgħix il-ħajja ikkonsagrata lilu, b’daqshekk il-battalja tkun irbaħtha darba għal dejjem. Lil dawn l-aħwa, minn qalbi, ngħidilhom: “Kemm sejrin żball!” Il-ħajja ikkonsagrata, bħall-ħajja Nisranija, hija ġlieda kuljum. Jum wara jum. U l-ġlieda, aktar kemm ma tidhirx, aktar tkun ħarxa. “Għax il-ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet” (Efes 6:12). U, jekk jiena u int qiegħdin fid-dinja, għidli ftit jekk nieħdux sehem, irridu jew ma rridux, f’din il-ġlieda? Għidli int jekk, int u jien, niġux imġarrba biex ineħħu ħarsitna minn fuq Ġesù biex nixtħuha fuq persuni, affarijiet jew fuqna nfusna?

Dan jien ġarrabtu. Jiena wkoll għalaqtlu qalbi għal sena sħiħa u għext żewġ rejaltajiet kontradittorji għal xulxin: il-ħajja tal-Ispirtu s-Santu u l-ħajja tas-sensi. Sitbha wisq diffiċli li ninfatam minn attidunijiet li, għan-nies tad-dinja, kienu daħka. Imma lill-Mulej tant weġġgħulu qalbu. Għaliex mal-Mulej jew kollox jew xejn! U meta tagħtih subgħajk arah se joħodlok idek kollha! U int tistaqsini: “Għaliex dan?”

L-għaliex il-Mulej jaf li aħna se nsibu l-mistrieħ meta insiru ħaġa waħda miegħu fit-talb. Aktar ma ntrabatt mal-ħwejjeġ tad-dinja li jgħaddu aktar bdejt indur żugraga. Għalkemm kont fil-kunvent xorta waħda ma kontx fil-kunvent. Imma ħajti bdiet tieħu sens meta l-Mulej għarrafni li hu “ħafna aħjar minn kull imħabba oħra ta’ din id-dinja”. Aktar ma bdejt noqgħod ħdejh fit-talb aktar bdejt nintebaħ li Hu biss jista’ jimlhieli l-vojt kbir li kelli f’qalbi.

It-talb veru, kuntrarju għal dak li ħafna jaħsbu, huwa l-isbaħ esperjenza li qatt jista’ jagħmel il-bniedem. Fl-esperjenza ta’ ħajti tgħallimt li fit-talb m’għandix għalfejn noqgħod naħseb ħafna. Le! M’għandix għalfejn. Fit-talb l-aktar ħaġa importanti li kelli nagħmel hija li nħobb ħafna. Mela, aktar ma bdejt noqgħod fil-kwiet ma’ Alla tiegħi aktar bdejt nintebaħ li dan Alla jgħix fil-palazz ċkejken ta’ ruħi. Kemm kont belha meta tajtu l-ġenb u fittixt affarijiet oħra! Qatt ma kelli nħallih waħdu! Qatt ma kelli nħalli l-post fejn jgħammar jitħammeġ daqshekk!

Ġieli mhux l-ewwel darba li kont nitnikket meta nara l-affarijiet mhux ġejjin skont il-qalb ta’ Alla. Ġieli bkejt jiena stess meta kont nara ċerta bruda madwari. U d-dubju ta’ dak li l-Mulej ried iwettaq permezz tiegħi kien jibda’ jitlagħli għal rasi. It-tentazzjoni li kelli kienet li ninqafel f’kamarti u minnha ma noħroġx. Imma le! B’daqshekk x’kont se nieħu? Għalhekk kont immur insib l-post tan-namur tiegħi mal-Mulej. Kont noqgħod fil-kwiet ħdejH. Kont niftaħ qalbi miegħu b’dak li kien ikolli fiha. Bħalma tagħmel maħbuba mal-maħbub tagħha. U, ħaġa tal-iskantament, kemm kont noħroġ minn hemm qawwija daqs l-aktar sur b’saħħtu! Kont naf li l-Mulej talbi kien semgħu. Għalkemm imgeżwer bid-dwejjaq u mxarrab bid-dmugħ tal-ilfieq.

Bil-Malti intom tgħidu: “Dak li ma joqtolkx isemmnek!” U tassew! L-għaliex dawk il-mumenti iebsa kabbruni fl-imħabba. Saħħewni fid-determinazzjoni biex infittex lill-Mulej f’dak kollu li nagħmel.

Tibżax ħija u oħti! Sib mument kwiet\a. Oqgħod mal-Mulej li hemm f’qalbek. Oqgħod għal kwiet miegħu. Anki meta m’għandekx aptitu. B’hekk titħabbeb miegħu! Fis-skiet! Ibqa’ ħares lejH f’qalbek! Għax, “la tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu. Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu; u b’għomor twil nimlieh, nurih is-salvazzjoni tiegħi” (Salm 91:14-16).

Jiena, Tereża t’Avila, dan kollu tgħallimtu bl-esperjenza!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: