Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Żomm il-linja!  

Żomm il-linja!  


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-linja! Hijiex il-karozza. Inkella l-qies. Jew il-linja tat-telefon. Tibqa’ hi. Il-linja!

Dan l-aħħar ma nafx l-għaliex kif ġietni f’rasi din l-imbierka linja. Mhux l-ewwel darba li jkun qed ikellimni xi ħadd fuq it-telefon. U, f’daqqa waħda, il-mowbajl jibda’ jdoqq hu ukoll. Donnu jibda’ jieħu għalih l-għaliex jispiċċa qiegħed miskin! Għalkemm f’dak il-waqt il-miskin inkun jien. L-għaliex inkun irrid inħallaq ma’ tnejn minn nies f’daqqa! Tibżax! Ma ġara xejn! “Oħti. Ħija. Żomm naqra l-linja jekk jogħġbok.”

Għall-erwieħ jaħasra! Dik l-imbierka linja qiegħdha isserraħni ftit. Almenu ħa nkun nista’ nikkonċentra fuq min għandu bżonn l-għajnuna tiegħi. Mela bil-mod! Wieħed wieħed! Waħda waħda! L-għaliex il-moħħ ġie maħluq biex jagħmel ħaġa ħaġa. U mhux elf oġġett f’ħin wieħed. Patri! Tinsiex x’kien jgħallmek is-superjur tal-Mużew: Malajr u tajjeb ma joqgħodux flimkien! Sewwa qed tgħid Sup! Għandek raġun biex tbiegħ!

Żomm l-linja! Imma x’linja? Il-linja bejn il-qies u l-eċċess. Ibda’ mill-ikel. ‘Il ġewwa mill-linja kollu tajjeb. Donnu illum fuq is-superjur tal-Mużew ġiet. Imma ħbieb għallimni ħafna! Kien iħobb jgħidilna: Get off a little bit hungry from your table! Jiġifieri meta niekol nitlaq minn fuq il-mejda kemm xejn bil-ġuħ. “U għaliex Sup?” Kont nistaqsih ta’ qrempuċu li kont. “L-għaliex meta nitlaq mill-mejda mhux bl-istonku mimli sax-xfar bl-ikel imbagħad inkun nista’ tassew napprezza dak li nkun kilt”. Prosit Sup! Din ġibtha tajba! Erġajt għandek raġun biex tbiegħ!

Ġieli kien jgħidilna wkoll: Sibli l-linja! U dan kien jgħidulna meta, ta’ tfal li konna, konna nibqgħu ngħidu dik il-kelma, minn taħt it-taħt, waqt it-talba. Wara li s-superjur kien idoqq il-qanpiena ħadd, proprju ħadd, ma kellu jitħaddet. Għajr mal-Mulej! U jekk iċ-ċkejken Mario kien ifettillu jfendi kelma fil-widnejn malajr kont nara wiċċ is-superjur li, bil-ħarsa tiegħu biss, kelma waħda kont inħossu jgħidli: Sibli l-linja! Mill-ġdid! Imma l-linja riedet tkun! L-għaliex illum, minkejja daqshekk snin li għaddew minn dawn il-ġrajjiet ħelwin ta’ żmien tad-deheb f’ħajti, inbierek minn qalbi dak li kien jgħallimni b’tant imħabba, imħawra bil-korezzjoni u d-dixxiplina, is-superjur.

Żomm il-linja! F’hiex? F’diskorsi! U mela l-għaliex għandi biċċa ilsien ifisser li għandi ngħid dak li rrid x’kull waħda! Linja irid ikun hemm! Il-linja trid tinżamm ukoll fil-ħars. Illum nifhem l-għaliex rettur partikulari kien iħobb jgħid lill-istudenti tiegħu: Għakksu għajnejkom! L-istess! Kellu raġun bil-kbir! L-għaliex l-għajnejn huma l-mera tal-qalb. U jekk l-għajnejn jitmegħku fil-ħmieġ l-għaliex jaraw dak li m’għandhomx jaraw kif tridhom il-qalb u l-moħħ ma jitħammġux? Kif tridhom ma jsirux miżbla ta’ dak li jseħħ meta tinqabeż il-linja?

Żomm il-linja! Meta? Meta tiġi bejn ħaltejn biex tagħżel. Darba student reliġjuż għallimni sentenza li baqgħet tidwi f’qalbi. Kien saqsieni: “X’inhi l-qdusija?” Għal din il-mistoqsija bqajt b’ħalqi miftuħ. M’għaraftx inwieġbu kelma. Imbagħad weġibni b’leħen għalliemi: “Ara! Il-qdusija hija l-linja bejn it-tajjeb u l-ħażin. Hija linja fina ħafna. Imma dik hi!” U mbagħad, wara li ħallieni għal xi mumenti naħseb, reġa’ qalli: “Mela itlob lill-Mulej biex jagħmlek qaddis! U mhux tajjeb!” Xi ġmiel hux! U mela ħallini milli nkun raġel u mara tajba! Le! Ejja nitlob lill-Mulej biex jagħmilni qaddis u qaddisa! Għaliex il-Mulej mhux tajjeb. Imma QADDIS! Għalhekk il-Bibbja tgħidlu: “Qaddis, Qaddis, Qaddis il-Mulej, Alla li jista’ kollox, li kien, u li hu, u li ġej” (Apk 4:8).

Żomm il-linja! Biex il-ballun ma jidħolx fil-lasta! Għalhekk għandek tiddefendi tajjeb! Qisux mela bħal fil-ħajja tar-ruħ? Niddefendi kemm niflaħ lil ruħi! Ħalli l-ħażen ma jidħolx fija u jħassarni. Naf! Biex nirbaħ il-logħba għandi bżonn il-kowċ li jagħtini l-istrateġija tal-partita biex nirbaħha! U l-kowċ m’hu ħadd għajr l-Ispirtu s-Santu!

Spirtu s-Santu! Int li wieħed mill-frottijiet tiegħek huwa r-rażan, rażżanni fi ħsibijieti, xewqati u f’imġiebti. Għinni nħallik tgħix u taħdem fija! Nitolbok, żommli l-linja!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: