Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Wiċċi ta’ min hu?

Wiċċi ta’ min hu?


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli l-grazzja li nagħmel l-ewwel konferenza lil ħuti r-reliġjużi. Is-suġġett ta’ din il-konferenza kien il-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, Misericordiae Vultus, li ħarġet mill-qalb mimlija ħniena tal-Missier li għandu Papa Franġisku.

Il-bolla tibda’ bil-kliem: “Ġesù Kristu hu wiċċ il-ħniena tal-Missier” (MV 1). Biex il-Knisja tkun Ġesù “l-fus li jwieżen il-ħajja [tagħha] hu l-ħniena.  L-azzjoni pastorali kollha tagħha għandha tkun imgeżwra fil-ħniena li biha hi ddur fuq dawk li jemmnu; xejn mit-tħabbira u mix-xhieda tagħha quddiem id-dinja m’għandu jkun nieqes mill-ħniena” (MV 10). Bħala Insara kemm beħsiebna li fis-Sena Ġubilari tal-Ħniena, li se tibda’ nhar it-8 ta’ Diċembru, se nlaħħmu l-ħniena [fl-]“intenzjonijiet, [fl-]atteġġjamenti, [fl-]imġibiet” tagħna? (MV 9). 

Il-Misericordiae Vultus tistqarr li “hu ta’ swied il-qalb li jkollna naraw kif l-esperjenza tal-maħfra fil-kultura tagħna qiegħda dejjem tonqos.  Saħansitra l-istess kelma f’xi waqtiet donnha qed tgħib.  Madankollu, mingħajr ix-xhieda tal-maħfra, tibqa’ biss ħajja bla frott u sterili, qisna nkunu ngħixu f’deżert imwarrab” (MV 10). Bħala Insara kemm se naħfru verament u minn qalbna lil min weġġagħna? Kemm se negħlbu l-kultura misħuta u żbaljata tal-vażun li jekk tkissru xorta se jibqa’ imxaqqaq? Mela Kristu Rxoxt m’għandux is-setgħa li jbiddel lilna u lir-relazzjonijiet tagħna mill-qiegħ nett jekk nersqu lejh b’fidi sħiħa u nħalluħ jibdilna qalbna?

Il-ħniena ma tiġix f’daqqa. Anzi. Hija proċess. U, bħalma “l-ħajja hi pellegrinaġġ u l-bniedem hu viator, pellegrin li jterraq mixja lejn id-destinazzjoni tant mixtieqa” (MV 14) daqstant ieħor il-ħniena hija pellegrinaġġ li ilkoll irridu nwettqu. Interessanti li l-Papa jagħtina t-tappi ta’ dan il-pellegrinaġġ.

“Il-Mulej Ġesù jurina x’inhuma t-tappi tal-pellegrinaġġ li bih nistgħu nilħqu din id-destinazzjoni: ‘Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom.  Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom’ (Lq 6:37-38).  Jgħidilna qabelxejn biex ma niġġudikawx u ma nikkundannawx.  Jekk ma rridux niġbdu fuqna l-ħaqq ta’ Alla, ħadd minna ma jista’ jsir l-imħallef ta’ ħuh.  Fil-fatt, il-bnedmin, bil-ġudizzju tagħhom ikunu jieqfu mal-qoxra, waqt li l-Missier iħares lejn il-qalb.  Kemm jagħmel ħsara l-kliem meta hu mqanqal minn sentimenti ta’ għira u mibegħda!  Meta titkellem ħażin fuq ħuk fl-assenza tiegħu, tkun qed tpinġih f’dawl ikrah, tilgħab mal-fama tiegħu u terħih fi lsien il-qlajja’ tan-nies.  Li ma niġġudikawx u ma nikkundannawx ifisser, b’mod pożittiv, li nagħrfu dak li hemm tajjeb f’kull persuna u ma nħallux li din issofri minħabba fil-ġudizzju parzjali tagħna u l-preżunzjoni tagħna li nafu kollox.  Imma dan xorta mhux biżżejjed biex nuru ħniena.  Ġesù jitlob minna wkoll li naħfru u nagħtu.  Inkunu għodda tal-maħfra, għax aħna stess ksibnieha mingħand Alla.  Inkunu qalbna tajba ma’ kulħadd, għax nafu li anki Alla jkattar it-tjieba tiegħu fuqna b’ġenerożità liema bħalha” (MV 14).

Kemm lesti li, f’din is-Sena Ġubilari li ġejja fuqna, nagħmlu għassa stretta fuqna fommna u moħħna biex ma niġġudikawx u ma nikkundannawx? Ma nsirux “terroristi” bit-tpaċpiċ kontra l-proxxmu? Irrid li l-Mulej jikkundanni jew jaħfirli?

Fl-aħħar tan-numru 14 il-Papa ħeġġiġna nkunu ġenerużi ma’ kulħadd bħal Ġesù. Fin-numru ta’ wara Papa Franġisku fisser l-importanza “tal-opri tal-ħniena korporali u spiritwali. Dan ikun mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu, fejn il-foqra huma l-ipprivileġġjati tal-ħniena divina.  Il-predikazzjoni ta’ Ġesù tqegħdilna quddiem għajnejna dawn l-opri tal-ħniena biex nistgħu nifhmu jekk aħniex ngħixu jew le bħala dixxipli tiegħu. Niskopru mill-ġdid l-opri tal-ħniena korporali: nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nisqu lil min hu bil-għatx, illibbsu lil min hu għarwien, nilqgħu lil min hu bla dar, inżuru lill-marid, inżuru lill-ħabsi, nidfnu lill-mejtin.  U ma ninsewx l-opri tal-ħniena spiritwali: nagħtu parir tajjeb lill-ħosbien, ngħallmu lil min ma jafx, inwiddbu lill-midneb, infarrġu lill-imnikket, naħfru l-ħtijiet, nistabru b’min idejjaqna, nitolbu ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin” (MV 15).

Wiċċi ta’ min hu?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: