Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Qisu/Qisha porvli!

Qisu/Qisha porvli!


Patri Mario Attard OFM Cap

L-istaġun tal-festi dalwaqt jispiċċa. Għall-grazzja iċċelebrajna ħafna festi sbieħ. Kellna festi li tassew jispirawk. Jimlewk bil-kuraġġ. Filwaqt li oħrajn jinħtieġu dik in-naqra imbuttatura ħalli jkunu l-festi li l-Mulej jixtieqhom. Fid-dinja għadna. Il-perfezzjoni fis-sema biss qiegħdha ħbieb! Mela ejja nagħmlu kuraġġ u nħarsu ‘l quddiem!

Issa festa bla nar hija mejta. Dan ma ngħidux jien biss imma jgħiduh numru kbir mnnkom. Tant hu hekk li meta jkun hemm xi festa u ma jkunx hemm l-ebda logħob tan-nar fiha x’ngħidu? “Ara naqra! Lanqas sinjal jew ħoss ta’ festa ma kien hemm!” In-nar, meta limitat, sabiħ. Tgħidulix issa li se naqtgħu dan ukoll għax imbagħad veru li nkunu wasalna għall-preċipizzju? U mela meta naqtgħu minna dak kollu li jferraħna, dak kollu li jħawwar u jsebbaħ il-kultura sabiħa tagħna l-Maltin, nistgħu ngħidu li għamilna xi progress? Altru li nkunu wasalna għar-rigress ħbieb!

Biss il-ħsieb tallum se jinżel aktar minhekk. Se mmorru mill-ġdid għall-festa. Għan-nar. Għall-porvli! Li jiffaċilita ħalli l-bomba tieħu! Issa hawn min il-bomba togħġbu u hawn minn inqas togħġbu. Imma l-ħoss tal-bomba juri li hemm festa għaddejja. Nerġa’ ngħid, b’daqshekk ma jfissirx li għandu jkun hemm iż-żejjed. Iż-żejjed bħan-nieqes!

Imma ħej hawn nies li s-sena kollha huma ikkargati biex jisparaw. U mhux darba fis-sena biss. Hawn nies li fihom hemm problema kbira: rabja m’hijiex riżolta. U allura, ma’ kull ċaqliqa isma’ l-isplussiv jieħu. U meta jieħu jagħmel ħofor kbar. Ħofor li mhux dejjem jitgħattew b’sempliċi “aħfirli għaliex kont irrabjat/a!” Fid-dinja jirrabja kulħadd. U nirrabjaw l-għaliex ġieli x-xogħol jirkibna. Bħalma ġieli naqbad lili nnifsi jien. Imma, u hawn jitlagħli parir mill-isbaħ ta’ qassis li kien jgħallimni, “Id-dinja Ġesù Kristu salvaha!” Mela mhux jien! Meta x-xogħol jibda’ tiela’ għar-ras triq waħda hemm: ieqaf! Strieħ! L-ewwel nett l-għaliex bl-għejja mhux ħa naħdmu fit-tul. U t-tieni l-għaliex hija bla sens li r-relazzjonijiet ta’ bejnietna jinkisru l-għaliex telgħali. Qabżitli.

Noqgħodu attenti meta, fuq l-iċken kelma, arana nagħmlu storja. Hawnhekk il-bozza l-ħamra tkun qed tixgħelilna. Le! Qatt m’hu ġustifkat li niġma, niġma, u niġma u mbagħad, mal-ewwel kelma li jgħiduli, arani nsir il-ġigġifogu. Jew il-murtal ta’ bit-tlieta. Inkella, u hawnhekk tassew inkun missejt il-qiegħ, is-salut tal-bomba! L-għajjat, it-theddid, u x-xeni l-oħra qatt ma jaslu għal imkien. Ħlief għal ħafna iżjed uġiegħ. Niżżu ħajr lill-Mulej li għandna liġijiet li jikkontrollaw dawn it-tipi ta’ aggressjoni. Ma nistax ngħix inkun qisni murtal ikkargat lest biex nieħu!

Intom tiftakru bħali t-tensjoni li kien hawn fid-dinja tagħna meta, wara s-snin ħamsin, kienet bdiet dik il-misħuta ġlieda tal-armamenti bejn il-Lvant u l-Punent. Imsieken aħna li konna ngħixu f’dik l-era. Dejjem b’denbna bejn saqajna l-għaliex nafu li illum għexna u għada ma nafux. U fuq id-dinja, speċjalment fiċ-ċentru tal-Ewropa, il-cake, li kien maqsum indaqs, fuqu kellu biċċa ta’ splussiv daqshiex. Lest biex jieħu. Xi snin ta’ tensjoni kienu dawk! Kulħadd b’seba’ mitt għajn kif se jimxi li ma jmurx, mal-iċken żball, ikollna xi gwerra oħra li minnha żgur ma nqumux! Min jaf kien konna nsiru trab!

Min dejjem ikun ikkargat/a lesti biex jaqilgħu partita nkwiet għal kull ħaġa ta’ xejn iġorru magħhom l-esperjenza qarsa tal-Ħajt ta’ Berlin magħhom. L-esperjenza ta’ qtil, firda u tensjoni. L-esperjenza li jagħmlu vittmi ġodda tar-rabja tagħhom. U dan, jiġri fejn jiġri, sew jekk fid-djar, fil-familji, fil-komunitajiet ċivili u reliġjużi, dan m’huwiex tollerabbli aktar. Din il-biża’ li joħolqu dawk li jgħixu dejjem ikkargati biex jieħu n-nar trid tispiċċa. Hemm bżonn id-diżarm sieħbi! U d-diżarm isir billi jien infittex l-għajnuna professjonali u anki dik spiritwali ħalli din ir-rabja inżarmaha. L-għaliex biż-żmien, minħabba li sabet min ifissidha minflok min jiqfilha, saret mostru. U l-mostri qiegħdin hemm biex neqirduhom u mhux biex inżommuhom jgħixu magħna!

Illum, waqt li qed naqra dawn il-kelmtejn, jekk qed narani qisni porvli irrid nara x’nagħmel. Ejja nfittex l-għajnuna ħalli nżarma din l-arma nuklejari qerrieda!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: