Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Iż-żewġ imqadef

Iż-żewġ imqadef


Iż-żewġ imqadef

Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli qadja f’uffiċċju. U n-nies ikellmu lin-nies. Mela f’radda ta’ salib qbadt parlata ma’ dan il-proxxmu. Wara tgħidx kemm irringrazzjajtu! X’tagħlima għoġbu jgħallimni! Il-Mulej bih sintendi!

Dan ir-raġel minn tagħna għallimni hekk: “Patri! Fil-ħajja jeħtieġilna żewġ imqadef. Wieħed jismu t-talb. U l-ieħor jismu x-xogħol. Jekk tkun iffukat fuq waħda minnhom biss jiġrilek li tibda’ iddur ċirku tond. Iżda jekk tużahom it-tnejn tassew timxi ‘l quddiem fil-ħajja!”

Li għandna bżonn naħdmu żgur li ma jiċħdu ħadd. U xi naqra dejn mhux ilkoll għandna! Niftehmu! Li jkollok ftit tad-dejn mhux xi diżunur tafux! Sakemm dak id-dejn sar b’responsabbiltà u għall-ġid u mhux b’kapriċċ! Għall-kapriċċi mhux niddejnu irridu! Imma li noqgħodu attenti biex inwarrbu naqra milli għandna ħalli nkunu nistgħu nagħmluhom. Mhux hekk?

Kulħadd jeħtieġlu jaħdem.  Xi wħud jaħsbu li għax tkun tħobb lill-Mulej tfisser li ma taħdimx! U żgur! Nini nini! Kemm sejrin żball dawn it-talin! Ħa nfakkarhom naqra, bħalma nfakkar lili nnifsi l-ewwel wieħed! Fil-ħajja naħdmu irridu! Interessanti li xi Insara tal-bidu ħasbu li għax kienu Insara jfisser li jiżoqlu mix-xogħol. U allura ħaddieħor irid jitmagħhom! Imma San Pawl malajr ġabhom f’sensihom tafux! Isimgħu x’qalilhom u x’għadu jgħid lil dawk fostna li moħħhom hu li jibbamjaw minn fuq ħaddieħor. Saħansitra billi jużaw l-Isem Qaddis u Ħabrieki ta’ Sidna Ġesù Kristu!

“Ħuti, fl-isem tal-Mulej Ġesù Kristu nordnawlkom li żżommu ruħkom ‘il bogħod mill-aħwa kollha li jgħixu fl-għażż u li m’humiex jimxu skond it-tradizzjoni li ħadtu mingħandna. Intom stess tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom; il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b’xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom. Mxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu. Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; m’humiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh. U intom, ħuti, agħmlu l-ġid bla qatt ma tegħjew. Jekk ikun hemm xi ħadd fostkom li ma jagħtix widen għall-kliem li qiegħed ngħidilkom f’din l-ittra, immarkawh u nqatgħu minnu, ħalli jistħi; mhux li tħarsu lejh bħala għadu, imma li twiddbuh bħala ħukom” (2 Tess 3:5-15).

It-tagħlima, għalija u għalik, hija waħda: ma nkunux għażżenin! Ma nibbamjawx billi nużaw l-Isem ta’ Ġesù kif jaqbel lilna! Mela ejjew naħdmu! “Kull xogħol fih il-qligħ, imma l-kliem biss faqar iġib” (Prov:14:23). “Fittxu li tgħixu fil-kwiet, kulħadd jagħmel li għandu jagħmel u taħdmu b’idejkom, kif ġa għednielkom. Hekk intom timxu kif jixraq quddiem il-barranin, u ma jkollkom bżonn ħadd”  (1 Tess 4:11-12).

Minn naħa l-oħra l-Bibbja tfakkarna li x-xogħol waħdu tal-bniedem mhux biżżejjed! Il-bniedem, għalkemm irid jagħmel il-parti tiegħu, u jagħmilha sewwa u sal-aħħar, irid iħalli l-Mulej imexxiħ fix-xogħol tiegħu. Salm 127, jiġifieri wieħed mis-salmi tat-telgħat li l-Lhud kien jitolbu huma u sejrin Ġerusalemm, jgħid hekk:

“Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, għalxejn jishar l-għassies. Ma jiswielkom xejn li tbakkru, jew li ddumu ma tistrieħu u li tieklu ħobż it-tbatija; għax sa fl-irqad hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu” (S 127:1-2). “Itolbu dejjem fl-Ispirtu, b’kull xorta ta’ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu, u itolbu għall-ħtiġiet tal-qaddisin kollha” (Efes 6:18).

L-istorja ħadd ma qaxxarha tajjeb daqs Santu Wistin meta qal: “Itlob daqslikieku kollox jiddependi minn Alla. Aħdem daqslikieklu kollox jiddependi minnek!”

Uża’ ż-żewġ imqadef sieħbi! Tat-talb u tax-xogħol! U timxi!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: