Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-Fundazzjoni RISE  

Il-Fundazzjoni RISE  


Patri Mario Attard OFM Cap

Xi ġimgħat ilu fuq il-midja lokali ġiet organizzata kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għall-Fundazzjoni RISE.

L-għan ta’ din il-Fundazzjoni, li ġiet imwaqfa minn Patri Franco Fenech OFM Cap u s-Sur Charlie Mifsud, huwa li tgħin lid-detenuti jiżviluppaw mod ta’ ħajja utli u li bih jistgħu jsostnu lilhom infushom. Fil-fatt il-filosofija tal-programm hija msejsa fit-teoriji li għandhom x’jaqsmu mal-ħsieb u l-imġieba (cognitive-behavioural theories). Dawn it-tipi ta’ teoriji għenu bis-sħiħ biex wieħed jista’ jifhem l-għemil kriminali tal-persuna. Barra minhekk dawn it-teoriji għenu wkoll fit-tfassil ta’ interventi bil-għan li jwieġbu bi frott għall-imġieba li tmur kontra l-liġi.

Huwa maħsub li l-mod ta’ kif wieħed iġib ruħu jinfluwenza l-mod ta’ kif wieħed jaħseb u fl-istess ħin jiddetermina l-imġieba tiegħu. Il-mod ta’ kif wieħed jaħseb jinfluwenza wkoll l-ambjent u l-ambjent, minn naħa tiegħu, jinfluwenza l-attività tal-ħsieb. Fl-aħħar mill-aħħar l-influwenza tal-ambjent tkun riflessjoni tat-twemmin tal-persuna ġaladarba l-bnedmin jiffunzjonaw fuq it-tendenza tal-konferma. Fi kliem sempliċi dan ifisser li persuna li tqis lilha innifsha kriminali se tilqa’ biss dik l-informazzjoni fl-ambjent tagħha li tikkonferma l-identità tagħha bħala kriminali. B’hekk qed tinforza dak li diġà temmen fih bħala persuna. Hija din is-sistema ta’ twemmin li għandha bżonn tiġi sfidata fil-programm biex persuna iseħħilha twettaq tibdiliet pożittivi li jtulu f’ħajjitha.

Il-programm imniedi mill-Fundazzjoni RISE għandu l-għan li jħejji sewwa l-persuna b’att ta’ strateġiji li jgħinuha tgħix mal-problemi li tħabbat wiċċha magħhom. Il-parteċipanti ta’ dan il-programm jiġu mgħejjuna jagħrblu l-mod kif jaħsbu u fl-istess ħin tingħatalhom għajnuna biex jibdew jaħsbu b’mod mill-aktar effettiv dwar is-sitwazzjonijiet u l-problemi li qiegħdin jaffaċċjaw. Il-parteċipanti jiġu mħeġġa jagħmlu passi konkreti ta’ azzjonijiet ħalli jtejbu ħajjithom. Matul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm l-individwi ma jiġux biss ikkonfrontati dwar stili ta’ adattamenti għas-sitwazzjonijiet ta’ ħajjithom imma wkoll jiġu mħeġġa jikkultivaw kapaċità fihom infushom (self-efficacy), li hija essenzjali biex persuna tkun tista’ tħabbat wiċċha mal-istress u maċ-ċirkustanzi diffiċli f’ħajjitha. Kull detenut magħżul li jgħaddi minn dan il-programm ikollu pjan ta’ kura individwali. It-tfassil ta’ dan il-pjan jidentifika l-fatturi ewlenin li jwasslu għall-imġieba kriminali. L-interventi ta’ għadd ta’ professjonisti isawwar il-programm f’wieħed terapewtiku.

Konxju għall-aħħar li sa ftit snin ilu f’pajjiżna ma kienx għad kellu struttura komprensiva, imsejsa fuq gwida professjonali moderni biex tħabbat wiċċha mal-fattur ta’ numru sinifikanti ta’ detenuti li waslu biex joħorġu mill-Faċilità Korrettiva, u hekk jintegraw ruħhom fil-komunità, il-President Emeritu Dr. George Abela, f’diskors li kien għamel nhar il-gradwazzjoni ta’ numru ta’ residenti f’San Blas, nhar il-5 ta’ Lulju 2012, kien qal hekk:

“Jiena nixtieq nipproponi proġett li jeżisti f’pajjiżi oħra barranin bħal Programm ‘Exodus’ ta’ Rotterdam, l-Olanda fejn fl-1980 fuq inizjattiva mill-Knejjes, fosthom il-Knisja Kattolika, infetħet ‘half way home’ li setgħet takkomoda detenuti li waslu fl-aħħar fażi tas-sentenza tagħhom u jsegwu programm fejn jippreparaw irwieħhom biex joħorġu lura fis-soċjetà u jaqbdu ħajja ġdida, programm li jħarriġhom kif jiffaċċjaw il-ħajja, jibnu u jsaħħu l-karattru tagħhom u jibdew jaħsbu b’mod ġdid. Il-proġett beda bil-volontieri imma mbagħad żviluppa b’mod professjonali tant li llum huwa rikonoxxut mill-Ministeru tal-Ġustizzja Olandiż. Kull dar hija mmexxija minn bord u volontieri mis-soċjetà ċivili”.

Meta l-Papa kellem lid-detenuti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Curran-Fromhold nhar is-27 ta’ Settembru li għadda, waqt il-vjaġġ appostoliku tiegħu f’Kuba u fl-Istati Uniti, huwa ħeġġiġhom:

“Dan iż-żmien f’ħajjitkom jista’ ikollu biss għan wieħed: li jagħtikom daqqa t’id biex tirriturnaw lura fit-triq it-tajba. Li jgħinnkom biex tissieħbu mill-ġdid mas-soċjetà. Aħna ilkoll aħna parti minn dan l-isforz. Aħna ilkoll aħna mistiedna biex inħeġġu, ngħinu u niffaċilitaw ir-rijabilitazzjoni tagħkom. Rijabilitazzjoni li kull persuna tfittex u tixtieq: detenuti u l-familji tagħhom, l-awtoritajiet korrezzjonali, programmi soċjali u edukattivi. Rijabilitazzjoni li tibbenifika u tgħolli l-moral tal-komunità u s-soċjetà kollha. Inħeġġiġkom biex ikollkom din l-attitudni ma’ xulxin u ma’ dawk li, b’xi mod jew ieħor, huma parti minn din l-istituzzjoni. Jalla tagħmlu possibbli opportunitajiet ġodda, vjaġġi ġodda, mogħdijiet ġodda”.

Il-Fundazzjoni RISE qed tagħti daqqa t’id sewwa fir-rijabilitazzjoni tad-detenuti. Il-programm li toffri qed jagħti tlett għajnuniet kbar kemm lid-detenuti u anki lis-soċjetà tagħna. L-ewwel, it-trattament ta’ dawn ħutna fil-komunità huwa aktar uman milli sempliċiment persuna li titqiegħed f’istituzzjoni penali. It-tieni, l-użu ta’ dar fil-komunità toffri sapport kbir fl-integrazzjoni mill-ġdid ta’ min wettaq rejati kriminali fis-soċjetà. It-tielet, ir-riintegrazzjoni fil-komunità tal-persuna tista’ tiġi mwettqa b’anqas spejjeż milli kieku l-persuna tispiċċa maqfula.

Bħalissa l-Fundazzjoni RISE għandha dar mogħtija lilha mill-Gvern biex tospita lil dawk il-priġunieri li jkunu waslu f’għeluq is-sentenza tagħhom. Ix-xogħol ta’ manutenzjoni ta’ din id-dar qiegħed isir mill-priġunieri infushom. Ilkoll kemm huma qiegħdin iħarsu b’tama ġdida lejn it-tkomplija tal-programm li se jagħtihom futur aħjar. L-għajnuna u l-kontribuzzjoni tiegħek jgħinu qatigħ biex jagħmlu dan il-proġett rejaltà fil-futur qarib. L-ispejjeż huma kbar. Għalhekk il-fundazzjoni RISE tapprezza d-donazzjoni tiegħek. In-numru tal-SMS hu 50617352. Inkella żur is-sit elettroniku www.risemalta.org.mt

Li ngħin lill-Fundazzjoni RISE huwa wieħed mill-modi tal-għejxien tal-kelma ta’ Ġesù stess: “Kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:36). Hija wkoll mod eċċellenti kif ngħixu s-Sena Ġubilari tal-Ħniena kif ipproponihielna Papa Franġisku.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: