Dik fwieħa!


Patri Mario Attard OFM Cap

Iż-żmien, ngħadduh kif ngħadduh, jgħaddi. U, ma nafux kif, niġu maħsuda l-għaliex insibu ruħna fuq l-għatba ta’ tmiem din il-ħajja.

Kemm ilni naħdem mal-morda tgħallimt ħaġa importanti: kull persuna għandha storja. Hi x’inhi l-istorja tagħha. U wara dik l-istorja li tgħix il-persuna hemm spirtu. Ta’ min hu doċli. Ħelu manna. U ta’ min huwa iebes ġebla. Ta’ min hu miftuħ u lest biex jinbidel għas-sewwa. Imbagħad hemm ta’ min li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jitwebbes. U ma jrid iċedi b’xejn.

Niftakarni qiegħed ħdejha u ħdejn uliedha. Tieħu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajjitha. Għexet ħajja twila. Bit-tlajja’ u l-inżul tagħha. Eżatt bħalma hi tiegħi u tiegħek. Il-grazzja li dejjem xtaqet issa kienet ħaditha: li uliedha jkunu madwarha. Iseħbuha hija u tieħu l-aħħar nifsijiet qabel tidħol fit-Tieġ ta’ Dejjem li tant ħadmet għalih.

Nerġa’ ngħid, ma kontx nafha sewwa. Għalkemm kelli x-xorti naf lil wieħed minn uliedha. It-trobbija tajba tiegħu mill-ewwel urietni x’tip ta’ omm kienet li ġabitu fid-dinja u b’liema mħabba u għożża rabbietu. Aktar ma nitħaddet miegħu aktar nagħmel kuraġġ f’ħajti. Li, minkejja daqshekk dlam li qed jhedded is-soċjetà tagħna, għad hawn iva persuni li jarmu tama kbira. Persuni li jafu jħobbu, jaħfru u jinsew. Persuni li jafdaw fil-ħniena ta’ Alla. U dan mhux biex jaħarbu mir-rejaltà tal-ħajja. Anzi! Biex jgħixuha b’qalbhom u b’moħħhom kollu. Tant li jaslu biex jibdluha b’għemilhom dawlani.

Illum, għalkemm għaddew daqshekk snin, ma stajtx ma nżurx f’moħħi din il-ġrajja ħelwa. Għalkemm iġġagħlek ixxerred id-dmugħ ukoll. Hija u tmut minn ġo fiha ħarġet il-fwieħa. Mhux il-fwieħa tad-dinja li illum titfagħha fuqek u wara ftit tal-jiem, bil-għaraq tal-ġisem stess, tintefa’. It-tip ta’ fwieħa li kellha fuqha din il-mara kienet fwieħa li prezzha kien għoli. Mhux tal-flus. Daqskemm tar-rieda soda li ma ċċedix għat-tpattija u l-vendetta. Imma li tibqa’ tħobb, taħfer u tgħaqqad lill-uliedha.

Il-fwieħa ta’ din il-mara xiħa, li ħakket id-disgħin, kienet il-fwieħa “tal-ħniena, it-tjieba, l-umiltà, l-ħlewwa u s-sabar” (Kol 3:12). Il-fwieħa li biha indilket biha din il-mara, li għexet kważi seklu fis-skiet u l-ġabra tal-familja tagħha, qatt ma setgħet tinxef. Jew tinten bl-intiena tal-għaraq tal-mibegħda. Inkella tax-xeħħa. Din il-fwieħa kienet taf il-bidu u t-tmiem tagħha f’dan il-kliem daqshekk fejqani u li jagħti l-ħajja: “Jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll” (Kol 3:13). L-għaliex is-sisien ta’ din l-fwieħa kienet hi, “l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3:14). Mela dik l-għażla ta’ ħajja fejn fiha “s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom” (Kol 3:15). Sliem li jfittex l-għaqda u mhux il-firda.

Il-fwieħa ta’ din il-mara, avolja mejta fil-ġisem, baqgħet tiġri miegħi kull darba li niftakar fiha. L-għaliex għexet kelmiet l-Appostlu: “Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kol 3 :17). Għax, anki jekk, għall-ġid kienet twiddeb, dan kienet twettqu bil-ħlewwa, bil-għaqal, bil-faraġ u bil-ħniena.

Tgħid mill-fwieħa kollha li għandi teżiżti fwieħa aqwa u aktar prezzjuża minn ta’ din il-mara? U jien, fil-verità, infuħ jew ninten?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: