Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ir-rilevanza ta’ San Franġisk t’Assisi illum  

Ir-rilevanza ta’ San Franġisk t’Assisi illum  


Patri Mario Attard OFM Cap

Ma xtaqx li tgħaddi l-festa ta’ San Franġisk mingħajr ma npoġġi bilqiegħda u napprezza ftit il-figura ta’ dan il-qaddis tant antik u modern. L-għaliex Franġisku, għalkemm ġej minn niċċa Medjevali, minħabba li nfetaħ kompletament għall-Ispirtu s-Santu lanqas tista’ taqflu f’xi niċċa! Jaħrablek! Biżżejjed inħarsu ftit lejn l-familji Franġiskani ta’ Patrijiet u Sorijiet biex naraw kemm dan huwa minnu.

Meta nħares lejn Franġisku nara bniedem sinċier miegħu innifsu. Jolqotni ħafna l-fatt li Franġisku qatt ma ġab skuża fuqu nnifsu. Fil-verità kollha, l-għaliex din hija wara kollox l-umiltà, stqarr kemm hu midneb. Franġisku jagħmel affermazzjonijiet tassew kbar fit-Testment tiegħu. Affermazzjonijiet, jew aħjar stqarrijiet, li jħalluk bla kliem. Kemm għall-verità tagħhom u kif ukoll għall-forma sempliċi li biha huma miktuba.

L-ewwel stqarrija hija din: “Il-Mulej ta lili, Fra Frangisk, il-grazzja li nibda nagħmel penitenza b’dan il-mod: Meta jien kont għadni ngħix fid-dnub, id-dehra tal-imġiddmin kienet għalija wisq morra”. San Franġisk qiegħed jorbot id-dnub mal-egoiżmu. Man-narċiżimu. Mal-fissazzjoni fuq il-kumditajiet personali tiegħu. U dan hu tassew id-dnub. Minnu nnifsu d-dnub iġib firda. L-ewwel nett vertikali, jiġifieri mill-Mulej. Imbagħad orizzontali, mela minn mal-proxxmu. U, fl-aħħar nett, imma fuq kollox, intra-personali. Jiġiferi l-bniedem fih innifsu stess iħossu mifrud. Imdejjaq. Mingħajr sens.

Hijiex din il-problema li qed ngħixu illum fis-soċjetà tagħna? Persuni li jindarsu mill-persuni li jinħtieġ li jintwerew l-ħniena u s-solidarjetà magħhom. Kemm minna lanqas biss tista’ issemmilhom il-kelma emigrant li ma jkunux iridu jqattgħuk bil-mod kif iħarsu lejk? Kemm hawn min iħares b’kompassjoni lejn dawk li żbaljaw u issa qiegħdin jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva f’Kordin? Kemm hawn min jagħti każ ta’ dawk li qiegħdin jgħixu waħedhom u imur iżurhom? Speċjalment lill-morda, lill-anzjani u lil dawk li huma abbandunati?

Tgħid il-kultura tal-ħela, li qiegħdin mgħarrqa fiha, m’hijiex hi li qed tivvelena l-istedina li l-Mulej qed jitfa’ kontinwament f’qalbna biex inkunu aktar bnedmin? Veri Insara? Nies li qalbhom, u mhux biss moħħhom, iħaddmuha għall-ġid ta’ ħuthom? X’qed nagħmlu biex inkunu persuni ta’ fidi u ċittadini tassew? Qiegħdin biss nikkritikaw il-ħażen ta’ madwarna u nibqgħu b’idejna fuq żaqqna?

Franġisku jkompli jistqarr x’għamel hu fit-Testment. “U l-Mulej innifsu mexxieni f’nofshom, u jiena wrejt ħniena magħhom”. Franġisku ma baqax iżjed fil-periferija bil-kritika u l-proposti għan-nies. Le! Inserixxa ruħu fosthom. Iltaqa’ magħhom. Anzi! Biex inkunu aktar eżatt, ħalla l-Mulej imexxieh f’nofshom hu. B’xorti ħażina hawn uħud li jagħmlu t-tajjeb sempliċiment l-għaliex iħobbu jgħinu. Il-fatt li jgħinu huwa tajjeb. Imma meta l-għemejjel ta’ solidarjetà jkunu ħerġin mit-talb, u għalhekk ikunu konsegwenza tal-laqgħa personali mal-Mulej, wiċċ imb’wiċċ u ras ma’ ras, allura dawk l-azzjonijiet isiru għemejjel li jibdlu l-qalb u l-moħħ mhux biss ta’ min jirċievi dawn l-azzjonijiet sbieħ. Imma, u fuq kollox, jittrasformaw il-qalb, il-moħħ u l-ispirtu stess ta’ min jagħmilhom.

Din jammettieha San Franġisk stess fil-frażi ta’ wara tat-Testment: “U wara li ħallejthom, dak li qabel deherli li kien morr, inbidel  fi ħlewwa għar-ruħ u għall-ġisem. U wara li qgħadt nitlajja ftit, ħallejt id-dinja”. Il-fqar ma żammewhx għalihom. Le! Bagħtuh lura għand il-Mulej. Ħalli jissokta jibnieh u jerġa’ jibgħatu għand fqar oħrajn. Din id-darba l-fqar fil-Knisja u fis-soċjetà. Fi Knisja tal-poteri u f’soċjetà mifnija mill-piki, mill-parititi u mill-mibegħda. F’soċjetà fejn il-konflitt u mhux ir-rikonċiljazzjoni kien l-ħobżna ta’ kuljum tagħha. F’soċjetà fejn l-esklużjoni kienet il-mantra tagħha. L-għaliex min mhux magħna warrbu l’hemm!

Anki illum San Franġisk jisfidana immorru lura għall-idejali evanġeliċi tiegħu. Jistedinna biex ikollna Knisja fejn kulħadd iħossu milqugħ! Mhux biss persuni li qiegħdin f’sitwazzjoni irregolari. Inkella oħrajn ta’ orjentazzjoni differenti mill-oħrajn. Imma ġieli saċerdoti u reliġjużi stess. L-għaliex il-grazzja ingħatat lil kulħadd. U hawn hu d-dixxerniment: li nagħrfu u nippromovu d-doni ta’ xulxin biex ninbnew flimkien. Biex nipproteġu lil xulxin. Dejjem fi spirtu ta’ familja u mhux fl-ispirtu mundan tad-dinja li jkompli jkisser lid-dgħajjef, anki jekk midneb, biex jeżalta lill-kburi.

San Franġisk jgħinna nidħlu fil-kultura tar-rikonċiljazzjoni. Jiġifieri li nitħabbu mill-ġdid bejnietna. Meta tnejn jibqgħu ‘l bogħod minn xulxin ikunu tabilħaqq żbaljaw it-tnejn. Allaħares il-Mulej joqgħod pass lura magħna. Inkella jiena u int x’se jsir minna? Jinħtieġ nitgħallmu naħfru u nibdew paġna ġdida. Li naraw il-passat mhux bħala theddida imma bħala għerf u gwida għall-ġejjieni aħjar. Irridu nifhmu li aħna “pajżani tas-sema” (Fil 3:20). Jekk ilkoll għandna direzzjoni waħda, jiġifieri dik tas-Sema, l-għaliex ma nibdewx minn issa inlaħħmu dak li nitolbu fit-talba tal-Missierna stess? Jiġifieri li “dak li hemm fis-sema jiġi wkoll fl-art?” Għalfejn għandna nibqgħu intertqu lil xulxin sakemm naslu fis-Sema biex induqu minn issa dak li hemm fis-Sema?

San Franġisk qatt ma ppreżenta ruħu bħala l-oraklu tat-tajjeb li hemm fih. Le! Dejjem ra lilu nnifsu bħala bniedem li dejjem riesaq, bil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla li kienet qed taħdem fih, lejn il-qdusija. Ejjew aħna wkoll naraw lilna nfusna f’dan. Il-kelma aħfirli, grazzi, jekk jogħġbok, għandhom ikunu essenzjali fil-vokabularju tagħna. U għemejjel biex insewwu l-ħsara li nkunu għamilna fil-passat huma t-tron ta’ konverżjoni sinċiera.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: