Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Iż-żewġ teżori

Iż-żewġ teżori


Patri Mario Attard OFM Cap 

Darba persuna irrakuntatli din il-biċċa għerf li, wara lejl ta’ ħidma bla heda fl-isptar, tgħidx kemm niżlitli għasel! Ħa naqsamha magħkom l-għaliex inħossni ċert li se tagħmlilkom il-ġid bħalma għamlet lili!

Immaġinak tkun rieqed raqda babaw! U f’dik ir-raqda ħelwa ħelwa ifettillek toħlom li tkun qed tiftaħ teżor mill-isbaħ. Ara ftit b’liema attenzjoni u għaqal tiftħu dan it-teżor eħ! Imma x’jiġrilek? Jiġrilek li meta tqum tintebaħ li mhux teżor wieħed tkun fil-fatt qed tiftaħ. Imma żewġ teżori!… Għajnejk!

Iva ħbieb! L-għajnejn teżori! Staqsi ftit li min jixtieq jara u ma jistax. Staqsi ftit li min ma jarax ħlief dlam. Jew żlieġ. Ara x’jgħidlek! Waħidna hux naslu biex nirringrazzjaw lill-Mulej tal-grazzja li għandna li naraw! Għaliex l-għajnejn huma teżori? Mhux l-għaliex jaraw? U jekk jaraw ma jistgħux ukoll japprezzaw? U int għaliex ħaġa tibda’ tgħożżha minn qalbek? Mhux l-għaliex tkun rajtha? Din nammettuha fit-taħdit tagħna. Meta jkun hemm persuna li nkunu ilna ma narawha x’ngħidulha: “Kemm ilni ma narak! X’minnek? U għaliex insemmu d-dawl? L-għaliex fid-dawl noħorġu beraħ, quddiem kulħadd, l-imħabba tagħna għal dik il-persuna. L-għaliex lil dik il-persuna tassew inkunu nħobbuha nkunu rridu narawha. Insejna li l-għajnejn tal-ġisem huma l-mera tal-qalb?!

Mill-għajnejn tal-ġisem nistgħu naraw x’hemm moħbi fil-qalb ta’ dik il-persuna. U, l-għaliex lil dik il-persuna nkunu nħobbuha tassew minn qalbna aħna ma neħlux mal-ġudizzju vili taz-zezika. Le! Aħna naraw x’hemm midfun fil-qalb ta’ dik il-persuna. Nistagħġbu bl-imħabba li hemm mistura f’qalbha. Naraw il-ħniena li għandha lejn il-batut. Nifirħu bl-intenzjonijiet tajba tagħha li, għal ħafna, jidhru ħżiena. Jew bla sens.

Imma għajnejna b’liema dawl jistgħu jaraw it-tajjeb ta’ dik il-persuna li nħobbu? Bid-dawl ta’ Dak stess qal li hu d-Dawl. “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12). Dan huwa d-Dawl li għalih San Ġwann Appostlu jgħidilna fl-Ewwel Ittra tiegħu: “Alla hu mħabba” (1 Ġw 4:8).

Il-ħabib u l-għalliem tiegħi, Santu Wistin, tgħidx kemm jikkonvinċini biex aktar nersaq lejn il-Mulej Ġesù Kristu li hu “id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja” (Ġw 1:9). L-Isqof ta’ Ippona jgħallimni hekk: “Hemm mela Dawl li għamel dan id-dawl tax-xemx: ejjew inħobbu dan id-Dawl. Ejjew nixxenqu biex nifmhuh. Ejjew inkunu għatxana għalih. Għal dak li hu innifsu l-gwida tagħna. Fl-aħħar nistgħu immorru għandu u b’hekk inkunu nistgħu ngħixu fih ħalli qatt ma mmutu” (Trattat fuq il-Vanġelu skont San Ġwann 34:3).

Smatju x’qalilna l-għaref Wistin? Dan id-Dawl, li hu Ġesù Kristu, hu l-gwida tagħna. Kelmtu hija s-sewwa. Isimgħu x’qallu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6 :68). U, la hu nnifsu hu d-Dawl dak li joħroġ minn fommu hu d-Dawl. Kelmtu hi l-istess Dawl! Isimgħu x’jgħidilna s-Salm: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi” (S 119:105).

Imma l-għaliex, ngħid jien, il-Kelma ta’ Alla hija fanal? Meta tlabt lill-Mulej biex jagħtini l-Ispirtu tal-għerf tiegħu t-tweġiba tahieli hekk!

“Biss agħmel il-ħila u qawwi qalbek, u qis li tagħmel il-liġi kollha li ordnalek Mosè, il-qaddej tiegħi; la tilwix minnha, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug, biex ikollok ir-riżq f’kull ma tagħmel. Ma jitbiegħed qatt il-ktieb ta’ din il-liġi minn fommok, u aħseb fuqu lejl u nhar, biex tagħraf tagħmel kull ma hu miktub fih, u hekk tirnexxi f’għemilek u jkollok ir-riżq” (Ġoż 1:7-8).

Iż-żewġ teżori tiegħi huma l-Kelma ta’ Alla u ruħi! Aktar ma nħalli l-Kelma ta’ Alla tmexxili ruħi aktar inkun nista’ napprezza dak kollu li għandi ! Hi biss tista’ tagħtini d-Dawl veru. Hi biss il-verità. Hi biss tista’ tagħtini l-paċi. Hi biss tista’ tagħtini l-hena tal-ħajja ta’ dejjem!

Iż-żewġ teżori!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: